Evita l-Aljenazzjonijiet f’Dan il-“Jum t’Aħbar Tajba”
L-ERBAʼ mġiddmin ħasbu dwar l-għażliet li kellhom. Ħadd ma kien tahom karità f’bieb il-belt. Is-Sirjani kienu waqfu l-ikel milli jidħol fis-Samarija sabiex in-nies iċedu jew imutu bil-ġuħ. Kien ikun għalxejn li jidħlu fil-belt; il-prezz tal-ikel kien m’ogħla s-sema. Kien diġà ġie rapportat każ taʼ kannibaliżmu.—2 Slat. 6:24-29.
‘Għala ma nidħlux fil-kamp tas-Sirjani?’ ħasbu l-imġiddmin. ‘M’għandna xejn x’nitilfu.’ Huma telqu dik il-lejla meta dalam u ħadd ma setaʼ jarahom. Meta waslu fil-kamp, kien hemm is-skiet. Ma kien hemm ħadd għassa. Iż-żwiemel u l-ħmir kienu marbutin, imma ma kienx hemm suldati. L-erbgħa li huma ttawlu f’wieħed mill-kampijiet. Ma kien hemm ħadd, imma kien hemm ikel u xorb bl-abbundanza. Huma kielu u xorbu. L-imġiddmin raw ukoll deheb, fidda, ilbies, u affarijiet oħrajn taʼ valur. Ħadu li riedu, ħbewh, u marru lura għal iktar. Il-kamp kollu kien ġie abbandunat. Ġeħova b’miraklu kien ġiegħel lis-Sirjani jisimgħu ħoss taʼ qawwa militari. Is-Sirjani telqu jiġru għax ħasbu li kienu qed jiġu attakkati. Ħallew kollox hemm biex jiħodhom min irid!
L-imġiddmin bdew jieħdu u jaħbu l-affarijiet taʼ valur. Madankollu, il-ħsieb li n-nies tas-Samarija, li kienet fil-viċin, kienu qed imutu bil-ġuħ beda jniggżilhom il-kuxjenza. Huma bdew jgħidu wieħed lill-ieħor: “Mhux sew li qed nagħmlu. Dan il-jum huwa jum t’aħbar tajba!” L-imġiddmin malajr marru lura lejn is-Samarija u wasslu l-aħbar tajba dwar dak li kienu sabu.—2 Slat. 7:1-11.
Aħna wkoll qed ngħixu f’dak li jistaʼ jissejjaħ “jum t’aħbar tajba.” Meta pponta lejn fattur li jispikka tas-“sinjal . . . tal-konklużjoni tas-sistema,” Ġesù qal: “Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-tmiem.” (Mt. 24:3, 14) Dan kif għandu jeffettwana?
It-Tħassib Persunali Jistaʼ Jtaqqalna
Ferħanin se jtiru b’dak li sabu, l-imġiddmin insew għal ftit lis-Samarija. Huma ffokaw fuq dak li setgħu jiksbu. Jistaʼ jiġrilna xi ħaġa simili? In-“nuqqas taʼ ikel” huwa parti mis-sinjal kompost li jimmarka ż-żmien tal-konklużjoni tas-sistema. (Lq. 21:7, 11) Ġesù wissa lid-dixxipli tiegħu: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom li qlubkom qatt ma jitqalu b’ikel u xorb żejjed u ansjetajiet tal-ħajja.” (Lq. 21:34) Bħala Kristjani, għandna noqogħdu attenti li ma nħallux it-tħassib persunali dwar il-ħajja taʼ kuljum inessina l-fatt li qed ngħixu f’“jum t’aħbar tajba.”
Oħt Kristjana jisimha Blessing ma ħallietx l-interessi persunali jtaqqluha. Hi qdiet bħala pijuniera u kompliet għal xi żmien l-iskola. Eventwalment iżżewġet Betelit u ġiet aċċettata bħala membru tal-familja Betel taʼ Benin. Hi tgħid: “Jien nagħmel xogħol taʼ tindif, u tassew inħobb l-inkarigu tiegħi.” Blessing issa tistaʼ tħares lura b’ferħ lejn it-12-il sena taʼ servizz full-time u tkun grata li hi baqgħet iffokata
fuq il-“jum t’aħbar tajba” li qegħdin ngħixu fih bħalissa.Għasses Kontra l-Affarijiet li Jaħlu l-Ħin
Meta bagħat lis-70 dixxiplu, Ġesù qal: “Tassew, il-ħsad hu kbir, imma l-ħaddiema ftit. Għalhekk, itolbu bil-ħrara lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu.” (Lq. 10:2) Sewwasew bħalma d-dewmien fi żmien il-ħsad jistaʼ jirriżulta f’telf taʼ prodotti tar-rabaʼ, it-traskuraġni fix-xogħol tal-ippritkar tistaʼ tirriżulta f’telf taʼ ħajjiet. Għalhekk, Ġesù żied jgħid: “Fit-triq tieqfu tħaddnu lil ħadd biex issellmulu.” (Lq. 10:4) Il-kelma bil-lingwa oriġinali għal ‘sellem’ tistaʼ tfisser iktar minn sempliċi “bonġu” jew “il-ġurnata t-tajba.” Din tista tinkludi wkoll tħaddin u konversazzjoni twila li jistaʼ jkun hemm meta niltaqgħu maʼ xi ħabib. Għalhekk, Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu biex jevitaw aljenazzjonijiet mhux neċessarji u biex jużaw il-ħin tagħhom bil-għaqal. Il-messaġġ li kellhom jippritkaw kien urġenti.
Aħseb dwar kemm jistgħu jaħlu ħin l-aljenazzjonijiet. F’ħafna postijiet, it-televixin ilu snin sħaħ l-iktar ħaġa li jaħli l-ħin. Imma xi ngħidu għall-mobiles u għall-kompjuters persunali? Skont stħarriġ li sar fuq 1,000 adult fil-Britannja nstab li “bħala medja, persuna mill-Britannja tqattaʼ 88 minuta kuljum fuq telefon b’linja fissa, 62 minuta oħra fuq mobile, 53 minuta tibgħat l-e-mails u 22 minuta tibgħat messaġġi bil-mobile.” It-total jammonta għal iktar mid-doppju li pijunier awżiljarju jiddedika fil-ministeru kuljum! Int kemm tqattaʼ ħin tuża dawn il-mezzi taʼ komunikazzjoni?
Ernst u Hildegard Seliger kienu joqogħdu attenti għal kif kienu jużaw il-ħin tagħhom. Bejniethom, huma qattgħu iktar minn 40 sena f’kampijiet tal-konċentrament tan-Nazi u f’ħabsijiet Komunisti. Wara li nħelsu, huma qdew bħala pijunieri sakemm temmew il-ħajja tagħhom fuq l-art.
Ħafna riedu jikkomunikaw mas-Seligers. Il-koppja setgħu qattgħu l-biċċa l-kbira mill-ħin tagħhom jaqraw u jiktbu l-ittri. Madankollu, l-affarijiet spiritwali kellhom l-akbar prijorità f’ħajjithom.
M’għandniex xi ngħidu, ilkoll kemm aħna nħobbu nirċievu ittri jew telefonati mingħand l-għeżież tagħna, u m’hemm xejn ħażin b’daqshekk. Huwa taʼ benefiċċju li b’mod għaqli invarjaw ir-rutina tagħna taʼ kuljum. Minkejja dan, inkunu għaqlin jekk noqogħdu attenti li nikkontrollaw l-aljenazzjonijiet li jaħlulna l-ħin matul dan il-jum li fih għandna nippritkaw l-aħbar tajba.
Ipprietka l-Aħbar Tajba bir-Reqqa
X’barka li qed ngħixu fil-“jum t’aħbar tajba”! Ejja ma naljenawx ruħna bħalma għamlu għall-ewwel l-erbaʼ mġiddmin. Ftakar li huma kkonkludew: “Mhux sew li qed nagħmlu.” Hekk ukoll ma jkunx sewwa li aħna nħallu l-ġiri wara affarijiet persunali jew l-aljenazzjonijiet li jaħlulna l-ħin iżommuna lura milli jkollna sehem sħiħ fil-ministeru.
F’dan ir-rigward, għandna eżempju eċċellenti xi nsegwu. Meta rrifletta fuq l-ewwel 20 sena tal-ministeru tiegħu, l-appostlu Pawlu kiteb: ‘Ippridkajt bir-reqqa l-aħbar tajba dwar il-Kristu.’ (Rum. 15:19) Pawlu ma ħalla xejn inaqqaslu ż-żelu tiegħu. Ejja nkunu żelużi bħalma kien hu hekk kif niddikjaraw il-messaġġ tas-Saltna f’dan il-“jum t’aħbar tajba.”
[Stampa f’paġna 28]
Blessing ma ħallietx l-interessi persunali jfixklu s-servizz “full-time” tagħha
[Stampa f’paġna 29]
Is-Seligers kienu joqogħdu attenti għal kif kienu jużaw il-ħin tagħhom