Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Żomm l-Attitudni Mentali taʼ Kristu Fik

Żomm l-Attitudni Mentali taʼ Kristu Fik

“[Ħa] ikollkom bejnietkom l-​istess attitudni mentali li kellu Kristu Ġesù.”—RUM. 15:5.

1. Għala għandna nfittxu li nadottaw l-​attitudni mentali taʼ Kristu?

 “EJJEW għandi,” qal Ġesù Kristu. “Tgħallmu minni, għax jien ġwejjed u umli f’qalbi, u intom issibu serħan għal ruħkom.” (Mt. 11:28, 29) Din l-​istedina mill-​qalb tesprimi tajjeb l-​attitudni mentali kollha mħabba taʼ Ġesù. Ebda bniedem ma jistaʼ jkun t’eżempju aħjar biex insegwuh. Għalkemm kien l-​Iben setgħan t’Alla, Ġesù wera empatija u tenerezza, speċjalment maʼ dawk fil-​bżonn.

2. Liema aspetti tal-​attitudni taʼ Ġesù se nikkunsidraw?

2 F’dan l-​artiklu u fit-​tnejn taʼ warajh se nikkunsidraw kif nistgħu niżviluppaw u nżommu l-​istess attitudni mentali bħal taʼ Ġesù u nirriflettu “l-​moħħ taʼ Kristu” f’ħajjitna. (1 Kor. 2:16) Se niffokaw primarjament fuq ħames aspetti: l-​attitudni ġwejda u l-​umiltà taʼ Ġesù, il-​qalb tajba tiegħu, l-​ubbidjenza tiegħu lejn Alla, il-​kuraġġ tiegħu, u l-​imħabba tiegħu li ma tonqos qatt.

Tgħallem mill-​Attitudni Ġwejda taʼ Kristu

3. (a) Ġesù x’lezzjoni fl-​umiltà għallem lid-​dixxipli tiegħu? (b) Ġesù kif irreaġixxa meta d-​dixxipli tiegħu wrew dgħufijiet?

3 Ġesù, l-​Iben perfett t’Alla, kien lest li jinżel fuq l-​art biex jaqdi fost nies imperfetti u midinbin. Xi wħud minn dawn iktar tard kienu se joqtluh. Madankollu, Ġesù dejjem baqaʼ ferħan u baqaʼ juri r-​rażna. (1 Pt. 2:21-23) Il-​fatt “li nħarsu fiss” lejn l-​eżempju taʼ Ġesù jistaʼ jgħinna nagħmlu l-​istess meta jeffettwawna n-​nuqqasijiet u l-​imperfezzjonijiet t’oħrajn. (Ebr. 12:2) Ġesù stieden lid-​dixxipli tiegħu biex jidħlu taħt il-​madmad tiegħu, u b’hekk jitgħallmu minnu. (Mt. 11:29) X’setgħu jitgħallmu? Ħaġa waħda hi li Ġesù kien ġwejjed, u kien paċenzjuż mad-​dixxipli tiegħu minkejja n-​nuqqasijiet tagħhom. Fil-​lejl taʼ qabel mewtu, Ġesù ħaslilhom saqajhom, u b’hekk għallimhom lezzjoni f’li jkunu ‘umli f’qalbhom,’ lezzjoni li qatt ma kienu se jinsew. (Aqra Ġwanni 13:14-17.) Iktar tard, meta Pietru, Ġakbu, u Ġwanni naqsu milli ‘jibqgħu għassa,’ Ġesù b’qalb tajba għaraf id-​dgħufija tagħhom. “Xmun, mela rqadt?” staqsa hu. “Ibqgħu għassa u itolbu, sabiex ma tidħlux fit-​tentazzjoni. Naturalment, l-​ispirtu hu ħerqan imma l-​laħam dgħajjef.”—Mk. 14:32-38.

4, 5. L-​eżempju taʼ Ġesù kif jistaʼ jgħinna niffaċċjaw in-​nuqqasijiet t’oħrajn?

4 Aħna kif nirreaġixxu meta xi ħadd minn ħutna jkun kompetittiv, jieħu għalih malajr, jew idum biex iwieġeb għal parir mingħand l-​anzjani jew “l-​ilsir leali u għaqli”? (Mt. 24:45-47) Filwaqt li għandna mnejn inkunu lesti li naċċettaw karatteristiki tal-​laħam bħala li huma normali fid-​dinja taʼ Satana, jistaʼ jkun partikolarment taʼ sfida li niffaċċjaw imperfezzjonijiet bħal dawn fost ħutna. Jekk in-​nuqqasijiet t’oħrajn idejquna faċilment, irridu nistaqsu lilna nfusna, ‘Kif nistaʼ nirrifletti aħjar “il-​moħħ taʼ Kristu”?’ Ipprova żomm f’moħħok li Ġesù ma rrabjax mad-​dixxipli tiegħu, anki meta wrew xi dgħufija spiritwali.

5 Ikkunsidra l-​każ tal-​appostlu Pietru. Meta Ġesù stieden lil Pietru biex jinżel mid-​dgħajsa u jimxi Lejh fuq l-​ilma, Pietru fil-​fatt hekk għamel għal ftit. Imbagħad Pietru ħares lejn il-​maltempata u beda jegħreq. X’għamel Ġesù? Irrabja u qallu: “Aħjar għalik! Ħudha bħala lezzjoni”? Le! “Minnufih Ġesù ħareġ idu, qabdu, u qallu: ‘Int taʼ fidi żgħira, għala ddubitajt?’” (Mt. 14:28-31) Jekk qatt ikollna niffaċċjaw dak li jidher li hu nuqqas taʼ fidi minn xi ħadd minn ħutna, nistgħu b’mod figurattiv noħorġu idna u ngħinuh jikseb iktar fidi? Din żgur hi lezzjoni li tidher fil-​mod ġwejjed kif Ġesù ttratta lil Pietru.

6. Ġesù x’għallimhom lill-​appostli tiegħu dwar li jfittxu l-​prominenza?

6 Pietru kien involut ukoll fit-​tilwima kontinwa tal-​appostli dwar min kien l-​akbar fosthom. Ġakbu u Ġwanni riedu joqogħdu bilqiegħda wieħed fuq il-​lemin u l-​ieħor fuq ix-​xellug taʼ Ġesù f’Saltnatu. Pietru u l-​appostli l-​oħrajn inkorlaw meta semgħu dwar dan. Ġesù kien jaf li x’aktarx żviluppaw din l-​attitudni mis-​soċjetà li kienu trabbew fiha. Hu sejħilhom ħdejh u qalilhom: “Intom tafu li l-​ħakkiema tal-​ġnus jiddominawhom u l-​kbarat għandhom awtorità fuqhom. Dan m’għandux ikun fostkom; imma kulmin irid isir kbir fostkom irid ikun il-​qaddej tagħkom, u kulmin irid ikun l-​ewwel fostkom irid ikun l-​ilsir tagħkom.” Ġesù mbagħad ipponta lejn l-​eżempju tiegħu stess: “Bħalma Bin il-​bniedem ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u jagħti ruħu b’fidwa għal ħafna.”—Mt. 20:20-28.

7. Kull wieħed u waħda minna kif jistaʼ jikkontribwixxi għall-​unità fil-​kongregazzjoni?

7 Jekk nirriflettu fuq l-​attitudni mentali umli taʼ Ġesù nistgħu niġu megħjunin biex ‘inġibu ruħna bħal wieħed mill-​iżgħar’ fost ħutna. (Lq. 9:46-48) Jekk nagħmlu hekk, inkunu qed nikkontribwixxu għall-​unità. Ġeħova, bħall-​missier taʼ familja kbira, irid li t-​tfal tiegħu “jgħammru flimkien f’unità,” li jingwalawha. (Salm 133:1) Ġesù talab lil Missieru biex il-​Kristjani veri kollha jkunu magħqudin, sabiex “id-​dinja jkollha l-​għarfien li int bgħattni u li ħabbejthom bħalma ħabbejt lili.” (Ġw. 17:23) Għalhekk, l-​unità tagħna tgħin biex tidentifikana bħala s-​segwaċi taʼ Kristu. Sabiex ingawdu din l-​unità, irridu nqisu l-​imperfezzjonijiet t’oħrajn bħalma kien iqishom Kristu. Ġesù kien jaħfer, u għallem li nistgħu niksbu l-​maħfra biss jekk naħfru.—Aqra Mattew 6:14, 15.

8. X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ wħud li ilhom jaqdu lil Alla?

8 Nistgħu nitgħallmu ħafna wkoll billi nimitaw il-​fidi taʼ dawk li qattgħu ħafna snin jimitaw lil Kristu. Bħal Ġesù, dawn ġeneralment jagħdru l-​imperfezzjonijiet t’oħrajn. Huma tgħallmu li l-​mogħdrija bħal taʼ Kristu mhux biss tgħinna “nerfgħu d-​dgħjufijiet taʼ dawk li m’humiex b’saħħithom,” imma wkoll tikkontribwixxi għall-​unità. Iżjed minn hekk, tħeġġeġ lill-​kongregazzjoni kollha kemm hi biex tirrifletti l-​attitudni mentali taʼ Kristu. Huma jridu għal ħuthom dak li l-​appostlu Pawlu ried għall-​Kristjani f’Ruma: “L-​Alla li jipprovdi s-​sabar u l-​faraġ jagħtikom li jkollkom bejnietkom l-​istess attitudni mentali li kellu Kristu Ġesù, biex b’fehma waħda tigglorifikaw b’fomm wieħed lil Alla u Missier il-​Mulej tagħna Ġesù Kristu.” (Rum. 15:1, 5, 6) Iva, il-​qima tagħna f’unità ġġib tifħir lil Ġeħova.

9. Għala neħtieġu l-​ispirtu qaddis sabiex nimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù?

9 Ġesù wera li hemm konnessjoni bejn li tkun ‘umli f’qalbek’ u li turi l-​ħlewwa, li hija parti mill-​frott tal-​ispirtu qaddis t’Alla. Għalhekk, minbarra li nistudjaw l-​eżempju taʼ Ġesù, neħtieġu l-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova sabiex inkunu nistgħu nimitaw dan l-​eżempju b’mod xieraq. Għandna nitolbu għall-​ispirtu qaddis t’Alla u nistinkaw biex nikkultivaw il-​frott tiegħu—“l-​imħabba, il-​ferħ, il-​paċi, is-​sabar fit-​tul, il-​qalb tajba, it-​tjubija, il-​fidi, il-​ħlewwa, ir-​rażna.” (Gal. 5:22, 23) B’hekk, billi nsegwu l-​eżempju t’umiltà u ħlewwa li ħalla Ġesù, se nogħġbu lil Missierna tas-​sema, Ġeħova.

Ġesù Ttratta lil Oħrajn b’Qalb Tajba

10. Ġesù kif wera qalb tajba?

10 Il-​qalb tajba wkoll hija parti mill-​frott tal-​ispirtu qaddis. Ġesù dejjem ittratta lil oħrajn b’qalb tajba. Dawk kollha li fittxew lil Ġesù bis-​sinċerità sabu li “laqagħhom b’qalb tajba.” (Aqra Luqa 9:11.) X’nistgħu nitgħallmu mill-​qalb tajba li wera Ġesù? Individwu qalbu tajba hu dħuli, ġentili, juri simpatija, u grazzjuż. Ġesù hekk kien. Hu tħassarhom lin-​nies “għax kienu maltrattati u mferrxin bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.”—Mt. 9:35, 36.

11, 12. (a) Iddeskrivi ġrajja li fiha Ġesù wera l-​mogħdrija fl-​azzjoni. (b) X’tistaʼ titgħallem mill-​eżempju kunsidrat hawnhekk?

11 Ġesù mhux biss tħassar lin-​nies u ħass mogħdrija, imma għamel dak li setaʼ biex jgħinhom. Ikkunsidra eżempju wieħed. Għal 12-il sena sħaħ, waħda mara batiet bi tnixxija taʼ demm mhux normali. Hi kienet taf li skont il-​Liġi Mosajka, minħabba l-​kundizzjoni tagħha, hi u kulmin kien imiss magħha ma kinux nodfa ċerimonjalment. (Lev. 15:25-27) Xorta waħda, ir-​reputazzjoni u l-​imġiba taʼ Ġesù żgur ikkonvinċewha li hu kellu l-​qawwa u x-​xewqa li jfejjaqha. Hi baqgħet tgħid: “Jekk imqar immisslu ħwejġu nfiq.” Billi rabbiet il-​kuraġġ, hekk għamlet u mill-​ewwel ħasset li kienet fieqet.

12 Ġesù kien jaf li xi ħadd kien messu, u dar biex jara min kien. Il-​mara, minħabba li x’aktarx ħasbet li kien se jċanfarha talli kisret il-​Liġi, inxteħtet f’riġlejh tirtogħod bil-​biżaʼ u qaltlu l-​verità kollha. Ċanfarha Ġesù lil din il-​mara msejkna li kienet ilha tbati? ’Il bogħod minn hekk! “Binti,” qalilha b’mod rassiguranti, “il-​fidi tiegħek fejqitek. Mur fil-​paċi.” (Mk. 5:25-34) Min jaf kemm ħassitha mfarrġa meta semgħet dan il-​kliem mimli ħniena!

13. (a) L-​attitudni taʼ Ġesù kif kienet differenti minn dik tal-​Fariżej? (b) Ġesù kif ittrattahom lit-​tfal?

13 Kuntrarju għall-​Fariżej li kienu qalbhom iebsa, Kristu qatt ma uża l-​awtorità tiegħu biex iżid it-​toqol t’oħrajn. (Mt. 23:4) Anzi, hu għallem lil oħrajn it-​triqat taʼ Ġeħova b’qalb tajba u bil-​paċenzja. Ġesù kien ħabib li juri affezzjoni lejn is-​segwaċi tiegħu, dejjem kien juri l-​imħabba u l-​qalb tajba, ħabib taʼ veru. (Prov. 17:17; Ġw. 15:11-15) Anki t-​tfal ħassewhom komdi maʼ Ġesù, u ovvjament hu ħassu komdu magħhom. Qatt ma kellu wisq x’jagħmel li ma setax jieqaf u jqattaʼ ftit ħin maċ-​ċkejknin. F’okkażjoni minnhom, id-​dixxipli tiegħu, li bħall-​mexxejja reliġjużi taʼ madwarhom kienu għadhom qed jaħsbu dwar l-​importanza tagħhom stess, ipprovaw iwaqqfu lin-​nies milli jieħdu lit-​tfal ċkejknin tagħhom għand Ġesù biex imisshom. Ġesù ma ħax pjaċir bid-​dixxipli tiegħu. Qalilhom: “Ħallu t-​tfal żgħar jiġu għandi; tipprovawx twaqqfuhom, għax is-​saltna t’Alla hi taʼ min hu bħalhom.” Imbagħad, billi uża t-​tfal biex jgħallem lid-​dixxipli lezzjoni importanti, hu qal: “Tassew ngħidilkom, Kulmin ma jilqax is-​saltna t’Alla bħal tifel żgħir żgur ma jidħolx fiha.”—Mk. 10:13-15.

14. It-​tfal liema benefiċċji jiksbu minn attenzjoni bnina?

14 Aħseb ftit dwar kif uħud minn dawk it-​tfal kienu se jħossuhom snin wara meta bħala rġiel u nisa, kienu se jiftakru li Ġesù Kristu ‘ħaddanhom miegħu u berikhom.’ (Mk. 10:16) It-​tfal tal-​lum ukoll se jħarsu lura b’għożża lejn l-​anzjani u oħrajn li juru interess bnin u bla egoiżmu fihom. Iktar importanti minn hekk, minn età żgħira, tfal li jintwerew interess ġenwin bħal dan fil-​kongregazzjoni jitgħallmu li l-​ispirtu taʼ Ġeħova hu fuq il-​poplu tiegħu.

Uri Qalb Tajba f’Dinja Bla Qalb

15. Għala m’għandniex nissorprendu ruħna li ħafna nies ma jurux qalb tajba llum?

15 Ħafna nies illum iħossu li m’għandhomx ħin biex juru qalb tajba m’oħrajn. Għalhekk, kuljum, fl-​iskola, fuq ix-​xogħol, waqt l-​ivvjaġġar, u fil-​ministeru, in-​nies taʼ Ġeħova ma jiġux trattati b’qalb tajba. Għalkemm forsi attitudnijiet bla qalb jiddiżappuntawna, m’għandhomx jissorprenduna. Ġeħova nebbaħ lil Pawlu biex iwissina minn qabel li l-​ħajja f’dawn l-​“aħħar jiem” kritiċi kienet se ġġib lill-​Kristjani veri f’kuntatt maʼ dawk li “jħobbu lilhom infushom, . . . mingħajr imħabba naturali.”—2 Tim. 3:1-3.

16. Kif nistgħu ninkuraġġixxu l-​qalb tajba bħal taʼ Kristu fil-​kongregazzjoni?

16 Mill-​banda l-​oħra, l-​atmosfera fil-​kongregazzjoni Kristjana vera tipprovdi kuntrast rifreskanti maʼ dik tad-​dinja bla qalb. Billi nimitaw lil Ġesù, ilkoll kemm aħna nistgħu nikkontribwixxu għal din l-​atmosfera bnina. Kif nistgħu nagħmlu dan? L-​ewwel ħaġa, ħafna fil-​kongregazzjoni għandhom bżonn l-​għajnuna u l-​inkuraġġiment tagħna għaliex jiffaċċjaw problemi taʼ saħħa jew ċirkustanzi diffiċli oħrajn. F’dawn l-​“aħħar jiem,” problemi bħal dawn għandhom mnejn qed jiżdiedu, imma żgur li mhumiex ġodda. Fi żminijiet Bibliċi, il-​Kristjani ffaċċjaw problemi simili. Għalhekk, azzjonijiet t’għajnuna huma xierqa llum bħalma kienu għall-​Kristjani li kienu qed jgħixu lura dak iż-​żmien. Pereżempju, Pawlu ħeġġeġ lill-​Kristjani biex ‘jikkonslaw lid-​dipressi, iwieżnu lid-​dgħajfin, juru sabar fit-​tul lejn kulħadd.’ (1 Tess. 5:14) Dan jinvolvi li l-​qalb tajba bħal taʼ Kristu nuruha fl-​azzjoni.

17, 18. Liema huma xi modi li bihom nistgħu nimitaw il-​qalb tajba taʼ Ġesù?

17 Il-​Kristjani għandhom ir-​responsabbiltà li ‘jilqgħu lil ħuthom b’qalb tajba,’ u li jittrattawhom kif kieku kien jittrattahom Ġesù, billi nuru interess ġenwin f’dawk li forsi ilna nafuhom snin sħaħ u f’dawk li forsi qatt ma ltqajna magħhom qabel. (3 Ġw. 5-8) Bħalma Ġesù ħa l-​inizjattiva f’li juri mogħdrija m’oħrajn, hekk ukoll għandna nagħmlu aħna, billi dejjem inkunu taʼ serħan għal oħrajn.—Is. 32:2; Mt. 11:28-30.

18 Kull wieħed u waħda minna jistaʼ juri qalb tajba billi jieħu interess attiv fil-​benesseri t’oħrajn. Fittex modi u oħloq opportunitajiet biex tagħmel dan. Agħmel l-​almu tiegħek f’dan ir-​rigward! “Ħa jkollkom affezzjoni tenera lejn xulxin bi mħabba lejn l-​aħwa,” ħeġġeġ Pawlu, u żied jgħid: “Kunu minn taʼ quddiem biex tonoraw lil xulxin.” (Rum. 12:10) Dan ifisser li nsegwu l-​eżempju taʼ Kristu, billi nittrattaw lil oħrajn bi mħabba u qalb tajba, u nitgħallmu nuru “mħabba ħielsa mill-​ipokrisija.” (2 Kor. 6:6) Pawlu ddeskriva din l-​imħabba bħal taʼ Kristu b’dan il-​mod: “L-​imħabba tistabar fit-​tul u qalbha tajba. L-​imħabba ma tgħirx, ma tiftaħarx, ma tintefaħx.” (1 Kor. 13:4) Minflok ma nżommu f’qalbna għal ħutna rġiel u nisa, jalla nagħtu kas it-​twissija: “Kunu qalbkom tajba maʼ xulxin, agħdru b’tenerezza, u aħfru lil xulxin mill-​qalb bħalma Alla wkoll ħafrilkom mill-​qalb bi Kristu.”—Efes. 4:32.

19. Liema riżultati tajbin jiġu meta nuru l-​qalb tajba bħal taʼ Kristu?

19 Jekk nistinkaw biex nikkultivaw u nuru qalb tajba bl-​imħabba bħal taʼ Kristu f’kull ħin u f’kull sitwazzjoni se niksbu barkiet għonja. L-​ispirtu taʼ Ġeħova se jkun jistaʼ jaħdem bla tfixkil fil-​kongregazzjoni, billi jgħin lil kulħadd jiżviluppa l-​frott tal-​ispirtu. Barra minn dan, meta nsegwu l-​eżempju li ħalla Ġesù u ngħinu lil oħrajn jagħmlu l-​istess, il-​qima tagħna li nagħtu b’ferħ u f’unità se tferraħ lil Alla nnifsu. Għalhekk, ejja nistinkaw kontinwament biex nirriflettu l-​attitudni ġwejda u l-​qalb tajba taʼ Ġesù meta nittrattaw m’oħrajn.

Tistaʼ Tispjega?

• Ġesù kif wera li kien ‘ġwejjed u umli f’qalbu’?

• Ġesù kif wera qalb tajba?

• Liema huma xi modi li bihom nuru attitudni ġwejda u qalb tajba bħal taʼ Kristu f’din id-​dinja imperfetta?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 8]

Meta l-​fidi taʼ ħu tiżvija xi ftit, bħalma għamlet taʼ Pietru, se noħorġu idna biex ngħinuh?

[Stampa f’paġna 10]

Kif tistaʼ tgħin biex il-​kongregazzjoni tkun kenn taʼ qalb tajba?