Il-Valur Imprezzabbli tal-Edukazzjoni Divina
“Jien tabilħaqq inqis ukoll kollox bħala telf minħabba l-valur imprezzabbli taʼ l-għarfien dwar Kristu Ġesù.”—FLP. 3:8.
1, 2. Xi Kristjani liema għażla għamlu, u għala?
MINN età żgħira, Robert kien student li jispikka. Meta kellu biss tmien snin, waħda mill-għalliema tiegħu marret id-dar tiegħu u qaltlu li ma kienx hemm limitu għal dak li jistaʼ jwettaq. Hi esprimiet it-tama li xi darba jsir tabib. L-abbiltajiet akkademiċi tiegħu bħala student fl-iskola sekondarja kkwalifikawh biex jattendi kwalunkwe waħda mill-aħjar universitajiet taʼ pajjiżu. Imma Robert għażel li jirrifjuta dak li ħafna qisuh bħala opportunità taʼ darba biex jilħaq il-mira tiegħu li jaqdi bħala pijunier regulari.
2 Bħal Robert, ħafna Kristjani—kbar u żgħar—għandhom opportunitajiet biex javanzaw f’din is-sistema preżenti. Xi wħud jagħżlu li ma jużawx dawn l-opportunitajiet bis-sħiħ sabiex ikunu jistgħu jilħqu miri spiritwali. (1 Kor. 7:29-31) X’jimmotiva lil Kristjani bħal Robert biex ikunu lesti li jaħdmu iebes fix-xogħol tal-ippritkar? Minbarra l-imħabba tagħhom għal Ġeħova, li hi l-iktar raġuni importanti, huma japprezzaw il-valur imprezzabbli tal-edukazzjoni divina. Ikkunsidrajt int dan l-aħħar kif kienet tkun ħajtek li kieku ma ħadtx l-għarfien tal-verità? Il-fatt li nirriflettu dwar il-barkiet meraviljużi li ngawdu minħabba li aħna mgħallmin minn Ġeħova se jgħinna nżommu l-apprezzament tagħna għall-aħbar tajba u nkunu żelużi f’li nippritkawha lil oħrajn.
Privileġġati li Nkunu Mgħallmin Minn Alla
3. Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova hu lest li jgħallem lill-bnedmin imperfetti?
3 Fi tjubitu, Ġeħova hu lest li jgħallem lill-bnedmin imperfetti. Dwar il-Kristjani midlukin, Isaija 54:13 jgħid b’mod profetiku: “Uliedek kollha jkunu persuni mgħallmin minn Ġeħova, u l-paċi taʼ wliedek tkun kotrana.” Il-prinċipju li nsibu f’dan il-kliem japplika wkoll għan-“nagħaġ oħrajn” taʼ Kristu. (Ġw. 10:16) Dan jidher ċar minn profezija li qed titwettaq fi żmienna. F’viżjoni, Isaija ra nies mill-ġnus kollha jiġru lejn il-qima vera. Hu ddeskriviehom bħala li qed jgħidu lil xulxin: “Ħa nitilgħu lejn il-muntanja taʼ Ġeħova, lejn id-dar taʼ l-Alla taʼ Ġakobb; u hu jgħallimna dwar triqatu, u aħna nimxu fil-mogħdijiet tiegħu.” (Is. 2:1-3) Xi privileġġ hu li tkun mgħallem minn Alla!
4. Ġeħova x’jirrikjedi minn dawk li hu jgħallem?
4 Kif nistgħu nikkwalifikaw biex nibbenefikaw minn edukazzjoni divina? Ħtieġa prinċipali hi li persuna tkun ġwejda u lesta li titgħallem. Is-salmista David kiteb: “Tajjeb u rett hu Ġeħova. . . . Se jgħallem lill-ġwejdin dwar triqtu.” (Salm 25:8, 9) U Ġesù qal: “Jien infaħħrek quddiem kulħadd, Missier, Mulej tas-sema u l-art, għax int ħbejt sew dawn l-affarijiet mill-għorrief u l-intellettwali, u kxifthom liċ-ċkejknin.” (Lq. 10:21) Ma tħossokx tinġibed lejn Alla li “juri qalb tajba mhix mistħoqqa maʼ l-umli”?—1 Pt. 5:5.
5. Liema ħaġa għamlitha possibbli għalina biex insiru nafu lil Alla?
5 Bħala qaddejja taʼ Ġeħova, nistgħu aħna ngħidu li huwa minħabba l-abbiltajiet jew l-għerf tagħna stess li sibna l-verità? Le. Fil-fatt, waħedna, qatt ma konna se nsiru nafu lil Alla. Ġesù qal: “Ebda bniedem ma jistaʼ jiġi għandi jekk ma jiġbdux il-Missier li bagħatni.” (Ġw. 6:44) Permezz tax-xogħol tal-ippritkar u tal-ispirtu qaddis, Ġeħova qed jiġbed lil individwi bħal nagħaġ, jiġifieri, “l-affarijiet mixtiqin tal-ġnus kollha.” (Ħag. 2:7) M’intix grat li int wieħed minn dawk li Ġeħova ġibed lejn Ibnu?—Aqra Ġeremija 9:23, 24.
Il-Qawwa Biex Ittejjeb il-Ħajjiet
6. L-“għarfien taʼ Ġeħova” liema effett rimarkevoli ħalla fuq in-nies?
6 Fil-profezija t’Isaija nsibu stampa sabiħa li tiddeskrivi l-bidliet fil-personalitajiet tan-nies li qed iseħħu fi żmienna. Nies li qabel kienu vjolenti saru paċifiċi. (Aqra Isaija 11:6-9.) Dawk li xi darba kienu għedewwa taʼ xulxin minħabba differenzi fir-razza, fin-nazzjonalità, fit-tribù, jew minħabba xi raġuni kulturali oħra, tgħallmu jgħixu flimkien f’unità. Hu bħallikieku ‘ħadmu sjufhom f’sikek tal-moħriet.’ (Is. 2:4) X’inhi r-raġuni għal dawn il-bidliet rimarkevoli? Ir-raġuni hi li n-nies ħadu l-“għarfien taʼ Ġeħova” u applikawh f’ħajjithom. Għalkemm il-qaddejja t’Alla huma imperfetti, huma jifformaw fratellanza internazzjonali vera. L-interess madwar id-dinja fl-aħbar tajba u l-frott mill-aħjar li din tipproduċi jixhdu għall-valur imprezzabbli tal-edukazzjoni divina.—Mt. 11:19.
7, 8. (a) X’inhuma xi ftit ‘mill-affarijiet li huma stabbiliti fis-sod’ li l-edukazzjoni divina għenet lin-nies jegħlbu? (b) X’juri li l-edukazzjoni divina ġġib tifħir lil Ġeħova?
7 L-appostlu Pawlu xebbah ix-xogħol tal-ippritkar tal-qaddejja t’Alla maʼ gwerra spiritwali. Hu kiteb: “L-armi li niggwerraw bihom m’humiex tal-laħam, imma huma qawwijin permezz t’Alla biex inwaqqgħu affarijiet li jkunu stabbiliti fis-sod. Għax qed inwaqqgħu r-raġunamenti u kull kburija li tqum kontra l-għarfien dwar Alla.” (2 Kor. 10:4, 5) X’inhuma ftit ‘mill-affarijiet li huma stabbiliti fis-sod’ li l-edukazzjoni divina qed teħles lin-nies minnhom? It-toqol tat-tagħlim falz, is-superstizzjonijiet, u l-filosofiji umani, biex insemmu ftit minnhom. (Kol. 2:8) L-edukazzjoni divina tgħin lin-nies biex jegħlbu prattiki ħżiena u jikkultivaw kwalitajiet divini. (1 Kor. 6:9-11) Ittejjeb il-ħajja tal-familja. U tagħti skop veru lil dawk mingħajr tama. Dan hu t-tip t’edukazzjoni li għandna bżonn illum.
8 Waħda mill-kwalitajiet li Ġeħova jgħin lin-nies jiżviluppaw hi l-onestà, bħalma turi l-esperjenza li ġejja. (Ebr. 13:18) Mara fl-Indja aċċettat studju tal-Bibbja u maż-żmien ikkwalifikat bħala pubblikatriċi mhix mgħammda. Jum minnhom, waqt li kienet sejra lura d-dar wara li ħadmet fuq il-kostruzzjoni taʼ Sala tas-Saltna, viċin stazzjon tal-karozzi tal-linja sabet ġiżirana tad-deheb fl-art li tiswa 600 ewro. Għalkemm kienet fqira hi marret biha l-għassa tal-pulizija biex isibu taʼ min kienet. L-uffiċjal tal-pulizija ma setax jemmen lil għajnejh! Wara, uffiċjal ieħor staqsieha, “Għala għażilt li ġġib il-ġiżirana hawn?” Hi spjegat, “It-tagħlim tal-Bibbja biddilli ħajti, u għalhekk issa jien persuna onesta.” Impressjonat, hu qal lill-anzjan Kristjan li mar magħha l-għassa tal-pulizija: “Hemm iktar minn 38 miljun persuna li joqogħdu f’dan il-post. Jekk tistaʼ tgħin għaxra min-nies isiru bħal din il-mara, tkun wettaqt xi ħaġa kbira.” Meta nikkunsidraw il-miljuni taʼ ħajjiet li nbiddlu għall-aħjar permezz t’edukazzjoni divina, m’għandniex aħna bosta raġunijiet biex infaħħru lil Ġeħova?
9. Kif inhu possibbli li n-nies jagħmlu bidliet kbar f’ħajjithom?
9 Il-qawwa li tbiddel tal-Kelma t’Alla, flimkien mal-għajnuna li Ġeħova jipprovdi permezz tal-ispirtu qaddis tiegħu, tgħin lin-nies jagħmlu bidliet kbar f’ħajjithom. (Rum. 12:2; Gal. 5:22, 23) Kolossin 3:10 jgħid: “Ilbsu l-personalità l-ġdida, li permezz taʼ l-għarfien eżatt qed tiġġedded skond ix-xbieha taʼ Dak li ħalaqha.” Il-messaġġ li nsibu fil-Kelma t’Alla, il-Bibbja, għandu l-qawwa biex jikxef x’inhu individwu verament minn ġewwa, u jistaʼ jbiddel il-mod kif jaħseb u saħansitra kif iħossu dwar l-affarijiet. (Aqra Ebrej 4:12.) Individwu jistaʼ jsir ħabib t’Alla u jkollu l-prospett taʼ ħajja taʼ dejjem jekk jasal għal għarfien eżatt tal-Iskrittura u jġib ħajtu fi qbil mal-livelli ġusti taʼ Ġeħova.
Ġeħova Jippreparana għall-Futur
10. (a) Ġeħova għala hu f’pożizzjoni unika biex jippreparana għall-futur? (b) Liema bidliet drammatiċi dalwaqt se jeffettwaw id-dinja kollha?
10 Ġeħova hu f’pożizzjoni unika biex jgħinna nippreparaw għall-futur minħabba li hu jaf x’se jiġri dalwaqt. Hu jiddetermina x’se jkun il-futur tal-umanità. (Is. 46:9, 10) Il-profezija tal-Bibbja tgħid li “l-jum il-kbir taʼ Ġeħova fil-qrib.” (Sof. 1:14) Rigward dan il-jum, il-kliem taʼ Proverbji 11:4 se juri li hu minnu: “L-affarijiet taʼ valur ma se jkunu t’ebda benefiċċju f’jum il-qilla, imma s-sewwa se jagħti l-ħelsien mill-mewt.” Meta jasal iż-żmien biex il-ġudizzju taʼ Ġeħova jiġi esegwit fuq id-dinja taʼ Satana, l-iktar ħaġa importanti tkun li jkollna l-approvazzjoni t’Alla. Il-flus ħa jkunu bla valur. Fil-fatt, Eżekjel 7:19 jgħid: “Fit-toroq għad jitfgħu l-fidda tagħhom, u d-deheb tagħhom għad isir xi ħaġa mistmerra.” Il-fatt li nafu dan minn qabel jistaʼ jgħinna nieħdu deċiżjonijiet għaqlin issa.
11. X’inhu mod wieħed kif l-edukazzjoni divina tgħinna nippreparaw għall-futur?
11 Mod distint kif l-edukazzjoni divina tippreparana għall-jum li ġej taʼ Ġeħova hu billi tgħinna nagħmlu prijoritajiet xierqa. L-appostlu Pawlu kiteb lil Timotju: “Ordna lill-għonja f’din is-sistema biex ma jitkabbrux, u ma jqegħdux it-tama tagħhom f’rikkezzi li ma tistax torbot fuqhom imma f’Alla.” Anki jekk m’għandniex ħafna flus, xorta nistgħu nibbenefikaw minn dan il-parir li ġej minn Ġeħova. Dan x’jinvolvi? Minflok ma naħżnu għana materjali, għandna nistinkaw biex ‘nagħmlu l-ġid’ u biex ‘inkunu għonja f’għemejjel tajbin.’ Billi npoġġu l-affarijiet spiritwali l-ewwel f’ħajjitna, ‘bħala teżor inkunu qed inqiegħdu fis-sigurtà għalina nfusna pedament tajjeb għall-futur.’ (1 Tim. 6:17-19) Ħajja taʼ sagrifiċċju persunali bħal din tirrifletti għerf prattiku, għax bħalma qal Ġesù, “x’jiswielu bniedem jekk jikseb id-dinja kollha imma jitlef ruħu?” (Mt. 16:26, 27) Meta nqisu kemm hu qrib il-jum taʼ Ġeħova, kull wieħed minna jagħmel tajjeb li jikkunsidra: ‘Fejn qiegħed naħżen it-teżor tiegħi? Jien ilsir t’Alla jew tal-Flus?’—Mt. 6:19, 20, 24
12. Għala m’għandniex naqtgħu qalbna jekk xi wħud jistmerru l-ministeru tagħna?
12 L-iktar importanti fost l-“għemejjel tajbin” li huma msemmijin fil-Kelma t’Alla għall-Kristjani hemm ix-xogħol li jsalva l-ħajjiet tal-ippritkar tas-Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli. (Mt. 24:14; 28:19, 20) Bħalma ġara fl-ewwel seklu, xi wħud jistgħu jistmerru l-ministeru tagħna. (Aqra l-1 Korintin 1:18-21.) Imma dan ma jbiddilx il-valur tal-messaġġ tagħna, u lanqas ma jnaqqas l-importanza taʼ li nagħtu l-opportunità lil kulħadd biex ipoġġi fidi fil-messaġġ sakemm għad hemm iż-żmien. (Rum. 10:13, 14) Hekk kif ngħinu lil oħrajn jibbenefikaw mill-edukazzjoni divina, aħna se nirċievu ħafna barkiet.
Imberkin għas-Sagrifiċċji li Jagħmlu
13. Liema sagrifiċċji għamel l-appostlu Pawlu minħabba l-aħbar tajba?
13 Qabel ma sar Kristjan, l-appostlu Pawlu kien qed jiġi mħarreġ biex ikollu suċċess fis-sistema Lhudija. Meta x’aktarx li ma kellux iktar minn 13-il sena, hu telaq minn Tarsu, belt twelidu, u mar jgħix Ġerusalemm biex jiġi mgħallem minn Gamaljel, għalliem tal-Liġi li kien stmat ħafna. (Atti 22:3) Maż-żmien, Pawlu beda jispikka fost sħabu, u li kieku kompla f’dik it-triq, hu setaʼ kiseb prominenza fil-Ġudaiżmu. (Gal. 1:13, 14) Meta aċċetta l-aħbar tajba u beda x-xogħol tal-ippritkar, ħalla kollox warajh. Iddispjaċieh Pawlu mill-għażla li għamel? Le. Fil-fatt, hu kiteb: “Jien tabilħaqq inqis ukoll kollox bħala telf minħabba l-valur imprezzabbli taʼ l-għarfien dwar Kristu Ġesù l-Mulej tiegħi. Minħabba fih aċċettajt li nitlef l-affarijiet kollha u nqishom bħala qabda skart.”—Flp. 3:8.
14, 15. Liema barkiet nesperjenzaw bħala “ħaddiema sħab m’Alla”?
14 Bħal Pawlu, il-Kristjani llum jagħmlu sagrifiċċji sabiex jippritkaw l-aħbar tajba. (Mk. 10:29, 30) Qegħdin nitilfu xi ħaġa minħabba li nagħmlu hekk? Ħafna jaqblu maʼ Robert, li ssemma fil-bidu, li qal: “M’għandi l-ebda dispjaċir. Il-ministeru full-time ġabli ħafna ferħ u sodisfazzjon, u ppermettieli ‘nduq u nara li Ġeħova hu tajjeb.’ Kulmeta għamilt sagrifiċċji materjali sabiex nilħaq miri spiritwali, Ġeħova dejjem berikni b’iktar minn dak li nkun issagrifikajt. Ikun qisu ma ssagrifikajt xejn. Iggwadanjajt biss!”—Salm 34:8; Prov. 10:22.
15 Jekk ilek tipprietka u tgħallem għal xi żmien, int ukoll mingħajr ebda dubju kellek opportunitajiet biex idduq u tara li Ġeħova hu tajjeb. Kien hemm xi drabi meta ħassejt l-għajnuna tal-ispirtu tiegħu hekk kif kont qed tgħid lil oħrajn dwar l-aħbar tajba? Rajt int lil oħrajn jirreaġixxu bil-ferħ hekk kif Ġeħova fetħilhom qalbhom biex jagħtu kas il-messaġġ? (Atti 16:14) Għenek Ġeħova tegħleb xi ostakli, forsi billi fetaħlek it-triq biex tkabbar il-ministeru tiegħek? Appoġġak hu fi żminijiet diffiċli, billi għenek tkompli taqdih meta ħassejt li saħħtek kienet qed tiddgħajjef? (Flp. 4:13) Meta nesperjenzaw l-għajnuna taʼ Ġeħova personalment hekk kif inwettqu l-ministeru tagħna, hu jsir iktar reali għalina u nħossuna saħansitra iktar qrib tiegħu. (Is. 41:10) Mhijiex barka li tkun wieħed mill-“ħaddiema sħab m’Alla” f’dan ix-xogħol grandjuż t’edukazzjoni divina?—1 Kor. 3:9.
16. Kif tħossok dwar l-isforzi u s-sagrifiċċji li tagħmel b’konnessjoni mal-edukazzjoni divina?
16 Ħafna nies jittamaw li jwettqu xi ħaġa li jkollha sinifikat dejjiemi matul ħajjithom. Aħna rajna li saħansitra għemejjel taʼ ħila kbira li jispikkaw fid-dinja tal-lum spiss jintesew malajr. Madankollu, ix-xogħlijiet li Ġeħova qiegħed iwettaq fi żmienna b’konnessjoni mat-taqdis t’ismu mingħajr dubju se jkunu preservati b’mod permanenti bħala parti mill-istorja teokratika. Huma se jibqgħu miftakrin għal dejjem. (Prov. 10:7; Ebr. 6:10) Jalla ngħożżu l-privileġġ li ngħallmu lil oħrajn dwar Ġeħova, xogħol li mhu se jintesa qatt.
Int Kif Twieġeb?
• Ġeħova x’jirrikjedi minn dawk li jgħallem hu?
• L-edukazzjoni divina kif tejbet il-ħajjiet tan-nies?
• B’liema modi aħna mberkin talli ngħinu lil oħrajn jibbenefikaw mill-edukazzjoni divina?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 23]
Dawk li huma mgħallmin minn Ġeħova jifformaw fratellanza internazzjonali vera
[Stampa f’paġna 24]
Mhijiex barka li tkun wieħed mill-“ħaddiema sħab m’Alla”?