Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ir-Reliġjon—L-Għażla Tiegħi jew tal-Ġenituri?

Ir-Reliġjon—L-Għażla Tiegħi jew tal-Ġenituri?

FIL-​POLONJA ħafna nies jgħidu lix-​Xhieda taʼ Ġeħova, “Jien twilidt fir-​reliġjon tiegħi, u fiha rrid immut.” Dan juri li, fl-​opinjoni tagħhom, ir-​reliġjon tintiret minn ġenerazzjoni għal oħra. Issib li hemm attitudni simili lejn ir-​reliġjon fl-​inħawi tiegħek? Spiss, x’jirriżulta minn ħarsa bħal din? Hemm it-​tendenza li r-​reliġjon issir formali u sempliċement tradizzjoni tal-​familja. Jistaʼ dan jiġri lix-​Xhieda taʼ Ġeħova li tgħallmu l-​verità mingħand il-​ġenituri jew in-​nanniet tagħhom?

Dan ma ġarax lil Timotju li ġie gwidat biex jemmen u jħobb lill-​Alla l-​veru minn ommu u nanntu li kienu devoti. Timotju kien jaf il-​kitba mqaddsa ‘minn mindu kien tarbija.’ Maż-​żmien, flimkien m’ommu u nanntu, Timotju sar konvint li l-​Kristjanità kienet il-​verità. Hu kien ‘sar konvint’ minn dak li semaʼ mill-​Iskrittura dwar Ġesù Kristu. (2 Tim. 1:5; 3:14, 15) Għalhekk, għalkemm il-​ġenituri Kristjani llum jagħmlu l-​aħjar li jistgħu biex jgħinu lil uliedhom isiru qaddejja taʼ Ġeħova, it-​tfal infushom għandhom bżonn jiżviluppaw xewqa biex jaqdu lil Ġeħova.—Mk. 8:34.

Kull wieħed għandu jemmen għax ikun sar konvint permezz taʼ rraġunar persważiv jekk se jaqdi lil Ġeħova għax iħobbu u jżomm l-​integrità jiġri x’jiġri. Imbagħad il-​fidi tiegħu se tkun soda u jkollha għeruqha fil-​fond.—Efes. 3:17; Kol. 2:6, 7.

L-​Irwol tat-​Tfal

“Jien dejjem ħassejt li x-​Xhieda taʼ Ġeħova għandhom ir-​reliġjon vera,” jispjega Albert, a li trabba ġo familja taʼ Xhieda, “imma kien diffiċli għalija biex naċċetta dak li kienu qed jgħidu dwar il-​mod kif kelli ngħix.” Jekk int żagħżugħ, forsi tħossok l-​istess. Għala ma tagħmilx sforz biex tara x’hemm involut fil-​mod taʼ ħajja li Alla jridna ngħixu u mbagħad tgħaxxaq f’li tagħmel ir-​rieda tiegħu? (Salm 40:8) “Jien sempliċement bdejt nitlob,” jgħid Albert. “Għall-​ewwel sibtha diffiċli. Kelli nisforza lili nnifsi biex nagħmel dan. Madankollu, ma domtx wisq ma bdejt inħoss li nistaʼ nkun taʼ valur f’għajnejn Alla jekk nipprova nagħmel dak li hu tajjeb. Dan tani s-​saħħa biex nagħmel il-​bidliet meħtiġin.” Tistaʼ tiżviluppa x-​xewqa biex tagħmel dak li Ġeħova jirrikjedi minna billi tikkultiva relazzjoni persunali miegħu.—Salm 25:14; Ġak. 4:8.

Aħseb f’logħba li ġieli lgħabt, bħal xi logħba tal-​karti jew sport partikulari. Jekk ma tkunx taf ir-​regoli jew ma tafx tilgħabha sew, wisq probabbli se tiddejjaq. Madankollu, jekk tgħallimt ir-​regoli u sirt tajjeb fil-​logħba, ma tibdiex int tħares ’il quddiem biex tilgħabha, saħansitra billi toħloq opportunitajiet biex tagħmel dan? L-​istess japplika għall-​attivitajiet Kristjani. Għalhekk, ħu l-​inizjattiva biex tipprepara għal-​laqgħat Kristjani. Involvi ruħek. Għax minkejja l-​età tiegħek, int tistaʼ tinkuraġġixxi lil oħrajn bl-​eżempju tiegħek.—Ebr. 10:24, 25.

L-istess japplika għal meta tgħid lil oħrajn dwar il-​fidi tiegħek. Dan ukoll għandu jsir bl-​imħabba, mhux taʼ bilfors. Staqsi lilek innifsek: ‘Għala rrid ngħid lil oħrajn dwar Ġeħova? Liema raġunijiet għandi biex inħobbu?’ Għandek bżonn tkun taf lil Ġeħova bħala Missier li jħobb. Permezz taʼ Ġeremija hu qal: “Tfittxuni u ssibuni, għax tfittxuni b’qalbkom kollha.” (Ġer. 29:13, 14) Dan x’jistaʼ jirrikjedi minnek? “Jien kelli nbiddel il-​mod kif naħseb,” jgħid Jakub. “Ilni nattendi l-​laqgħat u noħroġ fil-​ministeru minn mindu kont żgħir, imma dawn l-​attivitajiet kienu saru rutina għalija. Kien biss meta sirt naf lil Ġeħova aħjar u żviluppajt relazzjoni persunali miegħu li sirt involut verament fil-​verità.”

Sħubija tajba u li tibni għandha ħafna x’taqsam ma kemm tieħu gost fil-​ministeru. “Min qed jimxi maʼ l-​għorrief se jsir għaref,” jgħid il-​proverbju ispirat. (Prov. 13:20) Għalhekk, fittex ħbieb li jiġru wara miri spiritwali u li huma ferħanin fis-​servizz taʼ Ġeħova. Jola tgħid: “Jien sibt inkuraġġiment mis-​sħubija taʼ ħafna żgħażagħ li kienu ffokati fuq is-​servizz taʼ Ġeħova. Bdejt nieħu sehem regolarment fil-​ministeru b’ferħ kbir.”

L-​Irwol tal-​Ġenituri

“Jien grata ħafna lejn il-​ġenituri tiegħi talli għallmuni dwar Ġeħova,” tgħid Jola. Iva, il-​ġenituri jistaʼ jkollhom influwenza qawwija fuq l-​għażliet taʼ wliedhom. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Intom, missirijiet, . . . ibqgħu rabbuhom [lil uliedkom] fid-​dixxiplina u l-​gwida mentali taʼ Ġeħova.” (Efes. 6:4) Dan il-​parir ispirat juri b’mod ċar li l-​ġenituri għandhom l-​irwol li jgħallmu lil uliedhom it-​triqat taʼ Ġeħova, mhux tagħhom. Minflok ma ddaħħlu f’moħħ uliedkom dak li forsi ridtu tilħqu intom, kemm tkun ħaġa sabiħa jekk tistgħu tgħinuhom jagħmluha l-​mira taʼ ħajjithom li jgħixu fi qbil mal-​iskopijiet taʼ Ġeħova!

Intom tistgħu ddaħħlu f’qalb uliedkom il-​kliem taʼ Ġeħova u ‘titkellmu dwaru meta toqogħdu bil-​qiegħda f’darkom u meta timxu fit-​triq u meta timteddu u meta tqumu.’ (Dt. 6:6, 7) “Aħna konna nitkellmu ħafna dwar diversi aspetti tal-​ministeru full-time,” jiftakru Ewa u Ryszard, il-​ġenituri taʼ tliet subien. Ir-​riżultat? “Is-​subien riedu jinkitbu fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku minn età żgħira, saru pubblikaturi, u eventwalment iddeċidew waħedhom li jitgħammdu. Iktar tard, huma qdew f’Betel jew bħala pijunieri.”

L-eżempju tajjeb tal-​ġenituri huwa essenzjali. Ryszard jgħid, “Konna determinati li ma ngħixux ħajja doppja, billi naġixxu b’ċertu mod id-​dar u b’mod ieħor fil-​kongregazzjoni.” Għalhekk, staqsi lilek innifsek: ‘X’jaraw uliedi f’ħajti? Jaraw imħabba vera għal Ġeħova? Josservawha din l-​imħabba fit-​talb u fir-​rutina tal-​istudju persunali tiegħi? Jarawha fl-​attitudni tiegħi lejn is-​servizz tal-​għalqa, id-​divertiment, l-​affarijiet materjali, u f’dak li ngħid dwar membri oħrajn tal-​kongregazzjoni?’ (Lq. 6:40) It-​tfal se josservaw dak li tagħmel fil-​ħajja taʼ kuljum u jinnotaw kull inkonsistenza bejn dak li tgħid u dak li tagħmel.

Id-dixxiplina għandha rwol importanti fit-​trobbija tat-​tfal. Madankollu, il-​Kelma ispirata t’Alla tgħidilna “ħarreġ tifel skond it-​triq xierqa għalih.” (Prov. 22:6) Ewa u Ryszard qalu, “Ħadna l-​ħin biex ikollna studju tal-​Bibbja maʼ kull wieħed separatament.” M’għandniex xi ngħidu, huma l-​ġenituri li jridu jiddeċiedu jekk hemmx bżonn taʼ studju separatament maʼ kull wild. Ikun xi jkun il-​każ, it-​tfal għandhom bżonn jiġu trattati bħala individwi. Dan jirrikjedi flessibilità u raġunevolezza. Pereżempju, minflok ma sempliċement tgħid lil uliedek li ċerta mużika hija ħażina, għala ma turihomx kif jieħdu deċiżjonijiet għaqlin, u kif inhuma involuti l-​prinċipji tal-​Bibbja?

Uliedek għandhom mnejn ikunu jafu eżattament dak li tistenna minnhom u forsi jidhru li jobdu x-​xewqat tiegħek. Madankollu, int għandek tilħqilhom qalbhom. Ftakar, “il-​ħsieb f’qalb il-​bniedem hu bħal ilmijiet fondi, imma min għandu d-​dixxerniment se jtellgħu.” (Prov. 20:5) Uża d-​dixxerniment, fittex biex tara jekk hemmx sinjali taʼ xi problema moħbija f’qalb uliedek, u ħu azzjoni immedjatament. Mingħajr ma takkużahom, uri li jimpurtak, u staqsi mistoqsijiet adattati. Xorta waħda, oqgħod attent li ma tibbombardjahomx bil-​mistoqsijiet. It-​tħassib sinċier tiegħek se jilħqilhom qalbhom u jgħinek biex tgħinhom.

L-​Irwol tal-​Kongregazzjoni

Tistaʼ int bħala wieħed mill-​qaddejja t’Alla tgħin liż-​żgħażagħ fil-​kongregazzjoni japprezzaw il-​wirt spiritwali li rċivew? Għalkemm il-​ġenituri huma responsabbli għat-​taħriġ taʼ wliedhom, membri oħrajn tal-​kongregazzjoni, speċjalment l-​anzjani, jistgħu jgħinuhom fl-​isforzi tagħhom. Huwa importanti partikolarment li tgħin lil dawk li qegħdin ġo familji maqsumin reliġjożament.

X’jistgħu jagħmlu l-​anzjani biex jgħinu liż-​żgħażagħ iħobbu lil Ġeħova u jħossuhom bżonnjużi u apprezzati? Mariusz, li jaqdi bħala indokratur f’kongregazzjoni fil-​Polonja, jgħid: “L-​anzjani għandhom jikkomunikaw, jikkomunikaw, u jikkomunikaw maż-​żgħażagħ. Dan m’għandux isir biss meta jinqalgħu l-​problemi, imma f’okkażjonijiet oħrajn ukoll—fil-​ministeru, wara l-​laqgħat, jew intom u tieħdu tazza te.” Għala ma tistaqsix liż-​żgħażagħ kif iħossuhom dwar il-​kongregazzjoni? Komunikazzjoni miftuħa bħal din tiġbed liż-​żgħażagħ qrib il-​kongregazzjoni u tgħinhom iħossuhom parti minnha.

Jekk int anzjan, qiegħed issir taf liż-​żgħażagħ tal-​kongregazzjoni tiegħek? Għalkemm bħalissa qed jaqdi bħala anzjan, Albert, li ssemma qabel, esperjenza diversi provi matul l-​adoloxxenza tiegħu. Hu jgħid, “Bħala żagħżugħ, jien kelli bżonn żjara pastorali persunali.” L-​anzjani jistgħu wkoll juru interess persunali fiż-​żgħażagħ billi jitolbu għall-​benesseri spiritwali tagħhom.—2 Tim. 1:3

Huwa tajjeb li ż-​żgħażagħ ikunu involuti fl-​attivitajiet tal-​kongregazzjoni. Inkella, huma jistgħu jiffokaw fuq li jfittxu miri dinjin. Tistgħu intom li akbar fl-​età taħdmu magħhom fil-​ministeru u tagħmlu ħbieb magħhom? Qattaʼ ħin liberu maż-​żgħażagħ, billi toħloq atmosfera taʼ fiduċja u ħbiberija. Jola tiftakar: “Oħt pijuniera wriet interess persunali fija. Kien magħha li mort l-​ewwel darba fil-​ministeru għax tassew ridt jien.”

L-​Għażla Persunali Tiegħek

Żgħażagħ, staqsu lilkom infuskom: ‘X’inhuma l-​miri tiegħi? Jekk għadni ma tgħammidtx, hija l-​magħmudija l-​mira tiegħi?’ Id-​deċiżjoni li titgħammed għandha tiġi minn qalb mimlija mħabba għal Ġeħova, mhux għax tħossok obbligat lejn xi tradizzjoni tal-​familja.

Iva, jalla Ġeħova jkun il-​Ħabib veru tiegħek, u l-​verità tkun it-​teżor tiegħek. Ġeħova ddikjara permezz tal-​profeta Isaija: “Tiċċassax ’l hemm u ’l hawn, għax jien Alla tiegħek.” Ġeħova se jkun miegħek sakemm int tibqaʼ ħabib miegħu. Hu tabilħaqq se jsaħħek u ‘jżommok sod tassew b’idu l-​leminija tas-​sewwa.’—Is. 41:10.

[Nota taʼ taħt]

a Xi ismijiet ġew mibdulin.

[Stampa f’paġna 4]

Ipprova għaraf x’hemm f’qalb it-​tfal tiegħek

[Stampa f’paġna 6]

Id-​deċiżjoni li titgħammed għandha tiġi minn qalb mimlija mħabba għal Ġeħova