L-Imħabba taʼ Kristu Tqanqalna Nħobbu
“Ġesù, għax ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, baqaʼ jħobbhom sa l-aħħar.”—ĠW. 13:1.
1, 2. (a) L-imħabba taʼ Ġesù kif tispikka? (b) Liema aspetti tal-imħabba se niddiskutu f’dan l-artiklu?
ĠESÙ ħalla l-eżempju perfett taʼ mħabba. Dak kollu li għamel—il-kliem tiegħu, il-kondotta tiegħu, it-tagħlim tiegħu, u l-mewta tiegħu bħala sagrifiċċju—wera l-imħabba tiegħu. Sal-aħħar nett taʼ ħajtu fuq l-art, Ġesù wera mħabba lejn dawk li ltaqaʼ magħhom u speċjalment lejn id-dixxipli tiegħu.
2 L-eżempju taʼ mħabba li jispikka taʼ Ġesù jistabbilixxi livell għoli biex is-segwaċi tiegħu jżommu miegħu. Ukoll, jimmotivana biex nuru mħabba simili lejn ħutna spiritwali kif ukoll lejn kulħadd. F’dan l-artiklu, se nikkunsidraw dak li l-anzjani fil-kongregazzjoni jistgħu jitgħallmu minn Ġesù dwar li juru mħabba lejn dawk li kkommettew xi żball, saħansitra żball serju. Se niddiskutu wkoll kif l-imħabba taʼ Ġesù tqanqal lill-Kristjani biex jieħdu azzjoni pożittiva fi żmien taʼ tbatija, diżastru, u mard.
3. Minkejja n-nuqqasijiet serji taʼ Pietru, Ġesù kif ittrattah?
3 Fil-lejl taʼ qabel ma miet Ġesù, l-appostlu tiegħu Pietru ċaħdu tliet darbiet. (Mk. 14:66-72) Madankollu, meta Pietru reġaʼ lura, kif Ġesù kien bassar li se jagħmel, Ġesù ħafirlu. Ġesù fada lil Pietru b’responsabbiltajiet kbar. (Lq. 22:32; Atti 2:14; 8:14-17; 10:44, 45) X’nitgħallmu mill-attitudni taʼ Ġesù lejn uħud li għandhom nuqqasijiet serji?
Uri l-Attitudni Mentali taʼ Kristu Lejn Dawk li Għamlu l-Ħażen
4. F’liema sitwazzjoni b’mod speċjali jeħtieġ li tintwera l-attitudni mentali taʼ Kristu?
4 Fost il-ħafna sitwazzjonijiet li fihom hemm bżonn li tintwera l-attitudni mentali taʼ Kristu, waħda li tistaʼ tkun partikolarment taʼ qsim il-qalb hija meta xi ħadd jikkommetti xi ħażen serju, sew fil-familja u sew fil-kongregazzjoni. B’dispjaċir, hekk kif l-aħħar jiem tas-sistema taʼ Satana jilħqu l-quċċata tagħhom, l-ispirtu tad-dinja qed jeffettwa l-morali iktar minn qatt qabel. L-attitudnijiet morali ħżiena jew indifferenti tad-dinja jistgħu jeffettwaw kemm liż-żgħar u kemm lill-kbar, billi jdgħajfu d-determinazzjoni taʼ dak li jkun biex jagħmel it-tajjeb. Fl-ewwel seklu, xi wħud kellhom jiġu maqtugħin mis-sħubija mill-kongregazzjoni Kristjana, u oħrajn ġew imwiddbin. L-istess hu minnu llum. (1 Kor. 5:11-13; 1 Tim. 5:20) Minkejja dan, meta l-anzjani li jieħdu ħsieb dawn il-kwistjonijiet juru mħabba bħal taʼ Kristu, dan jistaʼ jkollu impatt profond fuq il-wieħed li jkun għamel il-ħażen.
5. L-anzjani kif għandhom jimitaw l-attitudni taʼ Kristu lejn uħud li jkunu għamlu l-ħażen?
5 Bħal Ġesù, l-anzjani għandhom iżommu mal-livelli ġusti taʼ Ġeħova f’kull ħin. Jekk jagħmlu dan, ikunu qed jirriflettu l-ħlewwa, il-qalb tajba, u l-imħabba taʼ Ġeħova. Meta xi ħadd ikun verament niedem, ‘qalbu maqsuma’ u “bi spirtu miksur” minħabba l-iżball tiegħu, forsi ma jkunx diffiċli għall-anzjani biex ‘jaġġustawh mill-ġdid bi spirtu taʼ ħlewwa.’ (Salm 34:18; Gal. 6:1) Imma xi ngħidu jekk ikollhom jittrattaw maʼ xi ħadd li ma jridx jismaʼ u li ftit li xejn juri dispjaċir?
6. L-anzjani x’għandhom jevitaw meta jkunu qed jittrattaw maʼ xi midneb, u għala?
6 Meta midneb jirrifjuta l-parir Skritturali jew jipprova jwaħħal f’ħaddieħor għall-ħażen tiegħu, l-anzjani u oħrajn għandhom mnejn iħossuhom irrabjati. Minħabba li jkunu jafu l-ħsara li l-individwu jkun diġà għamel, għandhom mnejn ikunu jixtiequ jesprimu s-sentimenti tagħhom stess dwar l-azzjonijiet u l-attitudni tal-individwu. Madankollu, ir-rabja tagħmel il-ħsara u ma tirriflettix “il-moħħ taʼ Kristu.” (1 Kor. 2:16; aqra Ġakbu 1:19, 20.) Ġesù kien sod fi kliemu meta wissa lil xi wħud fi żmienu, imma qatt ma qal xi ħaġa b’mibegħda jew biex iweġġaʼ lil dak li jkun. (1 Pt. 2:23) Minflok, ħalla l-bieb miftuħ għall-midinbin biex jindmu u jerġgħu jiksbu l-approvazzjoni taʼ Ġeħova. Tabilħaqq, waħda mir-raġunijiet prinċipali għala Ġesù ġie fid-dinja kienet “biex isalva lill-midinbin.”—1 Tim. 1:15.
7, 8. X’għandu jiggwida lill-anzjani fi kwistjonijiet ġudizzjarji?
7 L-eżempju taʼ Ġesù f’dan ir-rigward kif għandu jeffettwa l-attitudni tagħna lejn dawk li jeħtieġu d-dixxiplina mill-kongregazzjoni? Ftakar li l-arranġament Skritturali għal azzjoni ġudizzjarja fil-kongregazzjoni jipproteġi l-merħla u jistaʼ jqanqal lill-midneb li jkun ġie dixxiplinat biex jindem. (2 Kor. 2:6-8) Hija ħaġa taʼ niket li xi wħud ma jindmux u jkollhom jiġu maqtugħin mis-sħubija, però huwa inkuraġġanti li nkunu nafu li għadd kbir minn dawn l-uħud maż-żmien jerġgħu lura lejn Ġeħova u l-kongregazzjoni tiegħu. Meta l-anzjani juru attitudni bħal taʼ Kristu, jgħinu biex iwittu t-triq għall-individwu ħalli jindem u eventwalment jerġaʼ lura. Fil-futur, xi wħud minn dawk li għamlu xi dnub forsi ma jiftakrux il-pariri Skritturali kollha li l-anzjani jkunu tawhom, imma żgur se jiftakru li l-anzjani wrewhom rispett u ttrattawhom bl-imħabba.
8 Għalhekk, l-anzjani għandhom juru “l-frott taʼ l-ispirtu,” prinċipalment l-imħabba bħal taʼ Kristu, anki f’ċirkustanzi diffiċli. (Gal. 5:22, 23) Qatt m’għandhom jgħaġġlu biex jaqtgħu lil xi midneb mis-sħubija. Għandhom juru li jixtiequ li dawk li jkunu żbaljaw jerġgħu lura lejn Ġeħova. B’hekk, meta midneb iktar tard jindem, kif jagħmlu ħafna, jistaʼ jkun grat ħafna kemm lejn Ġeħova kif ukoll lejn l-“irġiel bħala għotjiet” li jkunu għamluha iktar faċli għalih biex jerġaʼ lura lejn il-kongregazzjoni.—Efes. 4:8, 11, 12.
Nuru Mħabba Bħal taʼ Kristu fiż-Żmien tat-Tmiem
9. Semmi eżempju li fih Ġesù wera mħabbtu għad-dixxipli tiegħu b’mod prattiku.
9 Luqa niżżel bil-miktub eżempju li jispikka tal-imħabba taʼ Ġesù fl-azzjoni. Billi kien jaf li, maż-żmien, is-suldati Rumani kellhom jassedjaw il-belt taʼ Ġerusalemm li kienet kundannata għall-qerda, u ma jħallu lil ħadd jaħrab, Ġesù bi mħabba wissa lid-dixxipli tiegħu: “Meta taraw lil Ġerusalemm imdawra bil-kampijiet taʼ l-armati, imbagħad kunu afu li qorbot il-ħerba tagħha.” X’kellhom jagħmlu? Ġesù ta istruzzjonijiet ċari u speċifiċi bil-quddiem. “Imbagħad dawk li jkunu fil-Lhudija ħa jibdew jaħarbu lejn il-muntanji, u dawk li jkunu f’nofsha ħa joħorġu minnha, u dawk li jkunu fil-kampanja ħa ma jidħlux fiha; għax dawn ikunu jiem biex issir ġustizzja, ħalli jitwettaq kulma hu miktub.” (Lq. 21:20-22) Wara li l-armati Rumani dawru lil Ġerusalemm fis-sena 66 E.K., dawk ubbidjenti segwew dawn l-istruzzjonijiet.
10, 11. Il-fatt li nikkunsidraw il-ħarba tal-Kristjani tal-bidu minn Ġerusalemm kif jistaʼ jgħinna nippreparaw għat-“tribulazzjoni kbira”?
10 Waqt il-ħarba tagħhom minn Ġerusalemm, il-Kristjani kellhom bżonn juru mħabba bħal taʼ Kristu lejn xulxin, sewwasew bħalma Kristu kien wera magħhom. Żgur li kellhom jaqsmu dak li kellhom maʼ xulxin. Imma l-profezija taʼ Ġesù kellha twettiq ħafna akbar milli sempliċement il-qerda taʼ dik il-belt tal-qedem. Hu bassar: “Ikun hemm tribulazzjoni kbira li qatt ma kien hawn bħalha mill-bidu tad-dinja s’issa, le, lanqas jerġaʼ jkun hawn.” (Mt. 24:17, 18, 21) Qabel u matul din it-“tribulazzjoni kbira” li għad trid tiġi, aħna wkoll għandna mnejn niffaċċjaw tbatijiet u nuqqas t’affarijiet bżonnjużi. Jekk ikollna l-attitudni mentali taʼ Kristu se niġu megħjunin biex nissaportuhom.
11 Dakinhar, se jkollna bżonn insegwu l-eżempju taʼ Ġesù, billi nuru mħabba mhix egoistika. F’dan ir-rigward, Pawlu tana l-parir: “Ħa jogħġob kull wieħed minna lill-proxxmu tiegħu f’dak li hu tajjeb biex jgħinu jinbena. Għax lanqas il-Kristu ma fittex li jogħġob lilu nnifsu . . . L-Alla li jipprovdi s-sabar u l-faraġ jagħtikom li jkollkom bejnietkom l-istess attitudni mentali li kellu Kristu Ġesù.”—Rum. 15:2, 3, 5.
12. Liema tip taʼ mħabba hemm bżonn li nikkultivaw issa, u għala?
12 Pietru, li kien esperjenza l-imħabba taʼ Ġesù, b’mod simili ħeġġeġ lill-Kristjani biex jikkultivaw “affezzjoni lejn l-aħwa mingħajr ipokrisija” u biex juru ‘ubbidjenza lejn il-verità.’ Għandhom ‘iħobbu lil xulxin mill-qalb bil-ħeġġa kollha.’ (1 Pt. 1:22) Illum, iktar minn qatt qabel, jeħtieġ li niżviluppaw dawn il-kwalitajiet bħal taʼ Kristu. Il-pressjonijiet fuq in-nies kollha t’Alla diġà qed jiżdiedu. Ħadd m’għandu jpoġġi l-fiduċja tiegħu fi kwalunkwe aspett taʼ din id-dinja, kif qed naraw b’mod ċar mit-taqlib reċenti li hemm fis-sistema finanzjarja taʼ din id-dinja. (Aqra l-1 Ġwanni 2:15-17.) Minflok, hekk kif tmiem din is-sistema qed joqrob dejjem iktar, irridu nersqu eqreb lejn Ġeħova u lejn xulxin, billi nikkultivaw ħbiberiji ġenwini fil-kongregazzjoni. Pawlu ta dan il-parir: “Ħa jkollkom affezzjoni tenera lejn xulxin bi mħabba lejn l-aħwa. Kunu minn taʼ quddiem biex tonoraw lil xulxin.” (Rum. 12:10) U Pietru enfasizza l-punt iktar billi qal: “Fuq kollox, ħa jkollkom imħabba profonda lejn xulxin, għax l-imħabba tgħatti kotra taʼ dnubiet.”—1 Pt. 4:8.
13-15. Xi aħwa kif urew imħabba bħal taʼ Kristu wara xi diżastru?
13 Madwar id-dinja, ix-Xhieda taʼ Ġeħova huma magħrufin li juru l-imħabba tagħhom bħal taʼ Kristu fl-azzjoni. Ikkunsidra lix-Xhieda li wieġbu għall-għajta tal-għajnuna wara li maltempati u uragani għamlu ħerba minn inħawi kbar fin-Nofsinhar tal-Istati Uniti fl-2005. Imqanqlin mill-eżempju taʼ Ġesù, iktar minn 20,000 ruħ qdew bħala volontieri, u ħafna minnhom telqu dar komda u xogħol fiss biex jgħinu lil ħuthom li kienu ntlaqtu.
14 F’post wieħed, l-ilma tal-baħar telaʼ sa 80 kilometru fuq l-art, u dan ifforma ħajt tal-ilma li kien għoli sa 10 metri. Meta l-ilma reġaʼ lura, terz mid-djar u bini ieħor minn fejn għadda tħalla kompletament ħerba. Xhieda volontieri minn diversi pajjiżi, uħud minnhom bi snajjaʼ meħtiġin, marru fuq il-post u ħadu magħhom għodod u materjal għall-bini u kienu lesti li jagħmlu kwalunkwe xogħol li kien hemm bżonn. Żewġ nisa romol li kienu aħwa mid-demm ippakkjaw l-affarijiet tagħhom fi trakk żgħir u saqu iktar minn 3,000 kilometru biex jagħtu daqqa t’id. Waħda minnhom baqgħet f’dawk l-inħawi u għadha qed tgħin lill-kumitat għall-għajnuna lokali u taqdi bħala pijuniera regulari.
15 Iktar minn 5,600 dar tax-Xhieda u t’oħrajn fir-reġjun inbnew mill-ġdid jew ġew irranġati. Ix-Xhieda lokali kif ħassewhom dwar din it-turija rimarkevoli taʼ mħabba li rċivew? Waħda oħt li d-dar tagħha kienet ġiet meqruda marret toqgħod f’karavan żgħir b’saqaf iqattar u li kien fih forn imkisser. L-aħwa bnewlha dar modesta imma komda. Bilwieqfa quddiem id-dar sabiħa u ġdida tagħha, hi nfexxet tibki għax tant kienet grata lejn Ġeħova u lejn ħutha. F’ħafna każi oħrajn, Xhieda lokali li kienu spiċċaw bla dar baqgħu fl-akkomodazzjoni temporanja tagħhom għal sena jew iktar wara li djarhom kienu nbnew mill-ġdid. Għala? Sabiex id-dar ġdida tagħhom tkun disponibbli għall-volontieri. X’eżempju tal-attitudni mentali taʼ Kristu fl-azzjoni!
Nuru l-Attitudni taʼ Kristu Lejn il-Morda
16, 17. B’liema modi nistgħu nirriflettu l-attitudni mentali taʼ Kristu lejn il-morda?
16 Relattivament ftit minna kellna niffaċċjaw xi diżastru naturali kbir. Imma kważi kulħadd ikollu jiffaċċja xi problema taʼ saħħa, kemm jekk tiegħu stess u kemm jekk tal-membri tal-familja. L-attitudni mentali taʼ Ġesù lejn il-morda sservi t’eżempju għalina. Imħabbtu qanqlitu jitħassarhom. Meta l-folol kienu jiħdulu l-morda, “fejjaq lil kulmin kien magħdur.”—Mt. 8:16; 14:14.
17 Illum, il-Kristjani m’għandhomx il-qawwa mirakoluża taʼ Ġesù biex ifejqu, imma għandhom l-istess attitudni taʼ mogħdrija li kellu Ġesù lejn il-morda. Din kif tintwera? Evidenza waħda hi li l-anzjani juru li għandhom l-attitudni mentali taʼ Kristu billi jagħmlu arranġamenti biex jgħinu lill-morda fil-kongregazzjoni u jaraw li dawn l-arranġamenti jkunu mexjin sew, u b’hekk ikunu qed isegwu l-prinċipju tal-azzjoni msemmija f’Mattew 25:39, 40. a (Aqra.)
18. Żewġ aħwa nisa kif urew imħabba ġenwina lejn oħt oħra, u x’kienu r-riżultati?
18 M’għandniex xi ngħidu, dak li jkun m’hemmx għalfejn ikun anzjan biex jagħmel il-ġid lil oħrajn. Ikkunsidra l-każ taʼ Charlene, oħt t’44 sena li kellha kanċer u ntqalilha li kien fadlilha għaxart ijiem ħajja. Minħabba li raw il-bżonn tagħha u l-piż li kellu jġorr ir-raġel devot tagħha minħabba li kien qed jieħu ħsiebha, żewġ aħwa spiritwali, Sharon u Nicolette, għamlu lilhom infushom disponibbli full-time biex jgħinuha matul l-aħħar jiem tagħha. Dawk il-ġranet spiċċaw biex kienu sitt ġimgħat, imma ż-żewġ aħwa wrew imħabbithom sal-aħħar. “Huwa diffiċli meta tkun taf li xi ħadd mhux se jirkupra,” tosserva Sharon. “Però, Ġeħova tana s-saħħa. L-esperjenza resqitna eqreb lejh u lejn xulxin.” Ir-raġel taʼ Charlene jgħid: “Qatt mhu se ninsa l-appoġġ prattiku li taw b’qalb tajba dawn iż-żewġ aħwa għeżież. Il-motiv pur u l-attitudni pożittiva tagħhom għenu biex din l-aħħar prova tkun eħfef għall-għażiża Charlene tiegħi li baqgħet leali u kienu sors taʼ serħan fiżiku u emozzjonali li tant kelli bżonn. Se nibqaʼ grat lejhom għal dejjem. Is-sagrifiċċju persunali tagħhom saħħaħ il-fidi tiegħi f’Ġeħova u l-imħabba tiegħi għall-fratellanza kollha tagħna.”
19, 20. (a) Liema ħames aspetti tal-attitudni mentali taʼ Kristu kkunsidrajna? (b) X’int determinat li tagħmel?
19 F’dan is-serje taʼ tliet artikli, ikkunsidrajna ħames aspetti tal-attitudni mentali taʼ Ġesù u kif nistgħu nadottaw il-mod kif kien jaħseb u jaġixxi. Ejja nkunu ‘ġwejdin u umli f’qalbna,’ bħalma kien Ġesù. (Mt. 11:29) Jalla aħna wkoll nistinkaw biex nittrattaw lil oħrajn b’qalb tajba, anki meta l-imperfezzjonijiet u d-dgħufijiet tagħhom jidhru ċari. Ejja b’kuraġġ nobdu l-ħtiġijiet kollha taʼ Ġeħova, anki waqt il-provi.
20 Fl-aħħar, ejja nuru mħabba bħal taʼ Kristu maʼ ħutna kollha, bħalma għamel Kristu nnifsu, “sa l-aħħar.” Imħabba bħal din tidentifikana bħala s-segwaċi veri taʼ Ġesù. (Ġw. 13:1, 34, 35) Iva, “komplu uru mħabbitkom lejn l-aħwa.” (Ebr. 13:1) Iżżommx lura! Uża ħajtek biex tfaħħar lil Ġeħova u tgħin lil oħrajn! Ġeħova se jbierek l-isforzi sinċieri tiegħek.
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-artiklu “Agħmel Iktar Milli Tgħid: ‘Żommu Sħan u Mitmugħin Tajjeb’” fil-ħarġa tat-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Jannar, 1987.
Tistaʼ Tispjega?
• L-anzjani kif jistgħu jirriflettu l-attitudni mentali taʼ Kristu lejn il-midinbin?
• Għala huwa importanti speċjalment f’dan iż-żmien tat-tmiem li nimitaw l-imħabba taʼ Kristu?
• Kif nistgħu nirriflettu l-attitudni mentali taʼ Kristu lejn il-morda?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 17]
L-anzjani jridu li dawk li jiżbaljaw jerġgħu lura lejn Ġeħova
[Stampa f’paġna 18]
Il-Kristjani li telqu minn Ġerusalemm kif irriflettew l-attitudni mentali taʼ Kristu?
[Stampa f’paġna 19]
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova huma magħrufin li juru l-imħabba bħal taʼ Kristu fl-azzjoni