Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Sibt Skop fil-Ħajja

Sibt Skop fil-Ħajja

Kif rakkontata minn Gaspar Martínez

Sa ċertu punt, l-​istorja sempliċi tiegħi hija taʼ tifel fqir tal-​kampanja li mar jgħix f’belt u sar sinjur. Imma se taraw li r-​rikkezzi li ksibt ma kinux eżattament dak li stennejt.

JIEN trabbejt f’inħawi xagħri fil-​kampanja matul is-​snin tletin, fir-​reġjun taʼ Rioja fit-​Tramuntana taʼ Spanja. Meta kelli għaxar snin, kelli noħroġ mill-​iskola, imma sa dak iż-​żmien kont diġà tgħallimt nikteb u naqra. Flimkien mas-​sitt ħuti subien u bniet qattajt ħafna ġranet fl-​għelieqi nieħu ħsieb in-​nagħaġ jew naħdem l-​għelieqi żgħar li kellna.

Peress li konna fqar konna naħsbu li l-​affarijiet materjali kienu importanti ħafna. Bdejna ngħiru għal dawk li kellhom iktar minna. Minkejja dan, l-​isqof darba qal li tagħna kien “l-​iktar raħal reliġjuż fid-​djoċesi tiegħu.” Ftit li xejn irrealizza li, maż-​żmien, ħafna kienu se jabbandunaw il-​Kattoliċiżmu.

Tfittxija Għal Xi Ħaġa Aħjar

Jien iżżewwiġt lil Mercedes, tfajla mir-​raħal tiegħi. Ma domniex ma kellna tifel x’nieħdu ħsieb. Fl-​1957 morna noqogħdu fil-​belt taʼ Logroño, li kienet qrib, u maż-​żmien il-​familja kollha tiegħi għamlu bħalna. Malajr skoprejt li bħala ħaddiem bla sengħa, ftit kelli prospetti li naqlaʼ paga deċenti. Ma kontx naf lejn min se ndur għall-​gwida. Bdejt infittex fil-​librerija lokali għalkemm ma kontx naf eżattament x’qed infittex.

Xi żmien wara, smajt dwar programm tar-​radju li offra kors taʼ studju tal-​Bibbja bil-​korrispondenza. Ftit wara li lestejtu kkuntattjawni xi Protestanti Evanġeliċi. Wara ftit drabi li żort il-​post fejn kienu jiltaqgħu għall-​qima stajt nara l-​piki fost il-​membri prominenti taʼ dan il-​grupp. Ma rġajtx mort għax ikkonkludejt li r-​reliġjonijiet kollha kienu xorta.

Jaqaʼ l-​Qxur Minn Għajnejja

Fl-​1964 ġie għandna żagħżugħ jismu Eugenio. Kien wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, reliġjon li qatt ma kont smajt biha qabel. Imma kont ħerqan ħafna li nitkellem dwar il-​Bibbja. Kont naħseb li kelli għarfien tajjeb tal-​Iskrittura. Wiġibtu billi użajt ftit mill-​versi Bibliċi li kont tgħallimt mill-​kors li għamilt bil-​korrispondenza. Għalkemm ipprovajt niddefendi ċerti duttrini Protestanti, f’qalbi ma kontx verament nemminhom.

Wara ż-​żewġ konversazzjonijiet twal li kelli miegħu, kelli nammetti li Eugenio kien espert f’li juża l-​Kelma t’Alla. Bqajt miblugħ meta rajt kemm kien jaf isib l-​iskritturi u jirraġuna dwar kif setgħu jiġu applikati għalkemm kellu skola inqas minni. Eugenio wrieni mill-​Bibbja li qed ngħixu fl-​aħħar jiem u li s-​Saltna t’Alla dalwaqt kienet se ġġib ġenna tal-​art. Din il-​ħaġa affaxxinatni.​—Salm 37:​11, 29; Is. 9:​6, 7; Mt. 6:​9, 10.

Mill-ewwel aċċettajt studju tal-​Bibbja. Tistaʼ tgħid li dak kollu li tgħallimt kien ġdid għalija, u messli qalbi. Quddiemi kelli prospetti ġodda li offrewli skop għal xiex ngħix. It-​tfittxija tiegħi kienet waslet fi tmiemha. Issa l-​isforzi li għamilt biex intejjeb il-​qagħda soċjali tiegħi u l-​ġlieda li kelli biex insib xogħol aħjar ma kinux għadhom daqshekk importanti. Sirt naf li saħansitra l-​mard u l-​mewt kienu se jispiċċaw.​—Is. 33:24; 35:​5, 6; Riv. 21:4.

Mill-ewwel bdejt ngħid lil qrabati dwar dak li kont qed nitgħallem u nispjegalhom b’entużjażmu kbir li Alla jwiegħed li se jġib ġenna tal-​art fejn il-​bnedmin leali jistgħu jgħixu għal dejjem.

Il-​Familja Tiegħi Taċċetta l-​Verità tal-​Bibbja

F’qasir żmien, madwar tużżana minna ddeċidejna li niltaqgħu kull nhar taʼ Ħadd waranofsinhar fid-​dar taz-​ziju biex niddiskutu l-​wegħdi tal-​Bibbja. Konna nqattgħu sagħtejn jew tliet sigħat kull ġimgħa niddiskutu. Meta Eugenio ra li kien hemm grupp daqshekk kbir minn qrabati li kellhom interess fil-​Bibbja, hu għamel arranġamenti biex jagħti attenzjoni persunali lil kull familja.

Kelli qraba oħrajn f’Durango, belt żgħira madwar 120 kilometru ’l bogħod, fejn ma kienx hemm Xhieda. Għalhekk, tliet xhur wara, ħadt ftit ġranet leave biex inżurhom ħalli nispjegalhom dwar it-​twemmin ġdid tiegħi. F’din l-​okkażjoni, madwar għaxra minna konna niltaqgħu kull filgħaxija, u kont nibqaʼ sejjer bid-​diskussjoni sas-​sigħat bikrin taʼ filgħodu. Ilkoll kemm huma ħadu gost ħafna jisimgħu. Meta temmejt iż-​żjara qasira tiegħi, ħallejtilhom xi Bibbji u letteratura Biblika. Minn dakinhar bqajna nikkuntattjaw lil xulxin.

Meta x-​Xhieda waslu Durango​—fejn ħadd qatt ma kien ipprietka—sabu 18-il ruħ jistennew bil-​ħerqa għal studju tal-​Bibbja. Ix-​Xhieda ħadu gost jagħmlu arranġamenti biex kull familja jkollha studju tal-​Bibbja.

Sa dan iż-​żmien, Mercedes kienet għadha m’aċċettatx il-​verità, u dan kien iktar minħabba l-​biżaʼ mill-​bniedem milli għax ma riditx taċċetta t-​tagħlim tal-​Bibbja. Dak iż-​żmien, ix-​xogħol tax-​Xhieda taʼ Ġeħova kien projbit fi Spanja, u għalhekk ħasbet li l-​awtoritajiet kienu se jkeċċu liż-​żewġt itfal tagħna mill-​iskola u li lkoll kemm aħna konna se niġu mwarrbin minn kulħadd. Imma meta rat li l-​familja kollha kienet qed taċċetta l-​verità tal-​Bibbja, hi wkoll riedet tistudja.

Fi żmien sentejn, 40 membru mill-​familja tiegħi saru Xhieda u tgħammdu b’simbolu tad-​dedikazzjoni tagħhom biex jaqdu lil Alla. Iva, il-​membri tal-​familja tiegħi kellhom l-​istess mira u skop fil-​ħajja li kelli jien. Ħassejt li kont wettaqt xi ħaġa verament imprezzabbli. Konna ġejna mberkin b’abbundanza taʼ rikkezzi spiritwali.

Iktar Ma Kbirt Iktar Ħajti Saret Sodisfaċenti

Fl-​20 sena taʼ wara, ikkonċentrajt fuq it-​trobbija taż-​żewġ subien tagħna u fuq li ngħin il-​kongregazzjoni lokali. Meta jien u Mercedes morna noqogħdu f’Logroño, kien hemm biss 20 Xhud f’din il-​belt taʼ madwar 100,000 abitant. Ma domtx ma ngħatajt ħafna responsabbiltajiet fil-​kongregazzjoni.

Imbagħad, meta kelli 56 sena, il-​kumpanija fejn kont naħdem, bla mistenni għalqet il-​fabbrika u sibt ruħi bla xogħol. Dejjem kelli xewqa kbira biex nieħu sehem fil-​ministeru full-time, u għalhekk ħtaft l-​opportunità f’dawn iċ-​ċirkustanzi ġodda li sibt ruħi fihom biex naqdi bħala pijunier. Il-​pensjoni li rċivejt kienet żgħira ħafna, u ma kienx faċli li tgħix biha. Mercedes għenet billi kienet tagħmel xi xogħlijiet taʼ tindif. Aħna stajna ngħaddu bihom u qatt ma naqsuna l-​affarijiet li kellna bżonn. Jien għadni pijunier, u hi taqdi minn żmien għal żmien bħala pijuniera awżiljarja, u tieħu gost ħafna fix-​xogħol tal-​ippritkar.

Ftit snin ilu, Mercedes kienet tħalli regolarment ir-​rivisti tagħna maʼ żagħżugħa jisimha Merche, li meta kienet tifla kienet tistudja l-​Bibbja. Merche kienet taqra l-​letteratura tagħna b’interess, u Mercedes innotat li Merche f’qalbha kien għad għandha apprezzament għall-​verità tal-​Bibbja. Fl-​aħħar, Merche aċċettat studju tal-​Bibbja u bdiet tagħmel ħafna progress. Imma Vicente, ir-​raġel tagħha, kien jixrob ħafna u ma setax iżomm impjieg regulari. Minħabba f’hekk, hu ma kienx imantniha finanzjarjament; l-​abbuż tiegħu mix-​xorb alkoħoliku kien qed jhedded li jkisser iż-​żwieġ tagħhom.

Marti ssuġġeriet lil Merche biex Vicente jkellimni, u sa fl-​aħħar hekk għamel. Wara diversi żjajjar, hu aċċetta studju tal-​Bibbja. Vicente beda jinbidel, u kien jagħmel diversi ġranet ma jixrobx. Imbagħad il-​perijodi tiegħu bla ma jixrob bdew idumu xi ġimgħa jew iktar. Maż-​żmien, hu qataʼ x-​xorb alkoħoliku għalkollox. Id-​dehra tiegħu tjiebet ħafna, u l-​familja tiegħu saret magħquda. Il-​familja tiegħu kollha, inkluż martu u bintu, jaħdmu iebes biex jappoġġaw lill-​kongregazzjoni żgħira fil-​Canary Islands, fejn qed jgħixu issa.

Nirrifletti fuq il-​Ħajja Sodisfaċenti Tiegħi

Għalkemm xi wħud minn qrabati li snin ilu kienu tgħallmu x’tgħid il-​Bibbja llum huma mejtin, il-​familja estiża tagħna kompliet tikber, u Alla berikna bil-​kbir. (Prov. 10:22) Kemm inħoss sodisfazzjon meta nara li kważi dawk kollha li bdew jistudjaw il-​Bibbja 40 sena ilu​—flimkien maʼ wliedhom u wlied uliedhom​—baqgħu jaqdu lil Ġeħova fedelment!

Jien issa għandi għadd kbir taʼ qraba li huma Xhieda, u li ħafna minnhom jaqdu bħala anzjani, qaddejja ministerjali, u pijunieri. Ibni l-​kbir u martu jaqdu fl-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova f’Madrid, Spanja. Meta sirt Xhud, kien hemm madwar 3,000 Xhud fi Spanja. Issa hemm iktar minn 100,000 Xhud. Tassew nieħu gost naqdi fil-​ministeru full-time, u grat ħafna lejn Alla għall-​ħajja meraviljuża fis-​servizz tiegħu. Minkejja li m’għandix ħafna skola, minn żmien għal żmien jien nistaʼ naqdi bħala sostitut tal-​indokratur tas-​circuit.

Ftit snin ilu, skoprejt li r-​raħal li trabbejt fih kien kważi abbandunat għalkollox. Maż-​żmien, il-​faqar ġiegħel lill-​abitanti kollha jabbandunaw l-​għelieqi u d-​djar tagħhom biex ifittxu ħajja aħjar. B’ferħ, għadd kbir minn dawk l-​emigranti ​—inkluż jien​—sabu teżori spiritwali. Aħna tgħallimna li l-​ħajja għandha skop u li l-​akbar ferħ immaġinabbli jiġi milli wieħed jaqdi lil Ġeħova.

[Stampa f’paġna 32]

Kważi l-​familja kollha taʼ Ħuna Martínez li qiegħda fil-​verità