Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Żommu l-Paċi mal-Bnedmin Kollha”

“Żommu l-Paċi mal-Bnedmin Kollha”

“Jekk inhu possibbli, sakemm jiddependi minnkom, żommu l-​paċi mal-​bnedmin kollha.”—RUM. 12:18.

1, 2. (a) Ġesù liema twissija ta lis-​segwaċi tiegħu? (b) Fejn nistgħu nsibu parir dwar kif għandna nirreaġixxu għall-​oppożizzjoni?

 ĠESÙ wissa lis-​segwaċi tiegħu li kellhom jiffaċċjaw l-​oppożizzjoni mill-​ġnus tad-​dinja, u fil-​lejla taʼ qabel mewtu, hu spjega għala. Hu qal lill-​appostli tiegħu: “Kieku kontu parti mid-​dinja, id-​dinja kienet tkun ferħana b’dak li hu tagħha. Issa għax m’intomx parti mid-​dinja, imma għażiltkom mid-​dinja, minħabba f’hekk tobgħodkom id-​dinja.”—Ġw. 15:19.

2 L-​appostlu Pawlu esperjenza kemm kien minnu l-​kliem taʼ Ġesù. Fit-​tieni ittra tiegħu lil sieħbu żagħżugħ Timotju, Pawlu kiteb: “Int segwejt mill-​qrib it-​tagħlim tiegħi, il-​kondotta tiegħi, l-​iskop tiegħi, il-​fidi tiegħi, il-​paċenzja kollha tiegħi, l-​imħabba tiegħi, is-​sabar tiegħi, il-​persekuzzjonijiet tiegħi, is-​sofferenzi tiegħi.” Imbagħad Pawlu żied jgħid: “Fil-​fatt, kulmin jixtieq jgħix bid-​devozzjoni lejn Alla fi sħubija maʼ Kristu Ġesù jkun persegwitat ukoll.” (2 Tim. 3:10-12) F’kapitlu 12 tal-​ittra tiegħu lill-​Kristjani f’Ruma, Pawlu ta parir għaqli dwar kif għandhom jirreaġixxu għall-​oppożizzjoni. Kliemu jistaʼ jiggwidana f’dan iż-​żmien tat-​tmiem.

“Agħmlu t-​Tajjeb”

3, 4. Il-​parir mogħti f’Rumani 12:17 kif jistaʼ jiġi applikat (a) f’dar maqsuma reliġjożament? (b) għal kif nittrattaw lill-​ġirien tagħna?

3 Aqra Rumani 12:17. Pawlu spjega li meta niffaċċjaw l-​ostilità, m’għandniex nirritaljaw. Huwa importanti b’mod partikulari li dawk li jgħixu fi djar li huma maqsumin reliġjożament jagħtu kas dan il-​parir. Is-​sieħeb jew is-​sieħba Kristjana tirreżisti t-​tentazzjoni li tpatti kelma jew azzjoni ħarxa b’nuqqas taʼ qalb tajba. Ma joħroġ ebda ġid jekk dak li jkun ‘irodd ħsara bi ħsara.’ Għall-​kuntrarju, attitudni bħal din tistaʼ biss tagħmel is-​sitwazzjoni agħar.

4 Pawlu jissuġġerixxi mod aħjar: “Agħmlu t-​tajjeb quddiem il-​bnedmin kollha.” Fid-​dar, mara miżżewġa li turi qalb tajba ġenwina maʼ żewġha wara li jgħid xi ħaġa mhix sabiħa dwar it-​twemmin tagħha tistaʼ tevita li s-​sitwazzjoni tiżbroffa f’argument. (Prov. 31:12) Carlos, li issa hu membru taʼ familja Betel, jirrakkonta kif ommu għelbet l-​oppożizzjoni ħarxa taʼ missieru billi baqgħet turi qalb tajba u tieħu ħsieb id-​dar b’mod xieraq. “Hi inkuraġġiet lilna t-​tfal biex dejjem nuruh rispett. Kienet tinsisti li nilgħab il-​boċċi miegħu avolja ma kinitx il-​logħba favorita tiegħi. Imma lilu kienet tagħmillu burdata tajba.” Eventwalment hu beda jistudja l-​Bibbja u tgħammed. Rigward li ‘jagħmlu t-​tajjeb quddiem il-​bnedmin kollha,’ ix-​Xhieda taʼ Ġeħova spiss għelbu l-​preġudizzju billi taw għajnuna prattika lill-​ġirien tagħhom meta jseħħ xi diżastru.

Indewbu l-​Oppożizzjoni b’“Ġamar Jaqbad”

5, 6. (a) F’liema sens “ġamar jaqbad” ikun miġmugħ fuq ras xi għadu? (b) Irrakkonta esperjenza lokali li turi kif l-​applikar tal-​parir li nsibu f’Rumani 12:20 jistaʼ jkollu riżultati tajbin.

5 Aqra Rumani 12:20. Meta għażel il-​kliem imniżżel f’dan il-​vers, Pawlu bla dubju kellu f’moħħu dak li naqraw fi Proverbji 25:21, 22: “Jekk min jobogħdok hu bil-​ġuħ, agħtih jiekol il-​ħobż; u jekk hu bil-​għatx, agħtih jixrob l-​ilma. Għax tkun qed tiġmaʼ l-​ġamar fuq rasu, u Ġeħova jippremjak.” Meta nqisu l-​parir tiegħu li nsibu f’Rumani kapitlu 12, Pawlu żgur ma riedx ifisser li l-​ġamar fit-​tixbiha kellu jweġġaʼ jew iġiegħel lil xi opponent jistħi. Minflok, il-​proverbju—kif ukoll il-​kliem simili taʼ Pawlu lir-​Rumani—donnu jirreferi għal metodu antik li kien jintuża biex idewbu l-​minerali għall-​metall tagħhom. Charles Bridges, l-​istudjuż Ingliż tas-​seklu 19, qal: “Dawwar il-​metall li mhuwiex faċli jinħadem minn taħt u minn fuq; mhux biss billi titfgħu fuq in-​nar, imma billi tiġmaʼ ġamar jaqbad fuqu. Ftit hemm qlub li huma tant ebsin li ma jdubux taħt il-​qawwa taʼ mħabba paċenzjuża, mhix egoistika, u b’saħħitha.”

6 Bħal “ġamar jaqbad,” għemejjel taʼ qalb tajba jistgħu jmissu l-​qalb t’opponenti u forsi jdewbu l-​ostilità tagħhom. Azzjonijiet taʼ qalb tajba jistgħu jinfluwenzaw lin-​nies biex ikollhom attitudni iktar favorevoli lejn in-​nies taʼ Ġeħova u l-​messaġġ Bibliku li jippritkaw. L-​appostlu Pietru kiteb: “Żommu kondotta tajba fost il-​ġnus, sabiex, f’dak li qed jgħidu kontrikom bħala li intom nies ħżiena, minħabba l-​għemejjel tajbin tagħkom li jaraw b’għajnejhom stess jigglorifikaw lil Alla fil-​jum taʼ l-​ispezzjoni tiegħu.”—1 Pt. 2:12.

“Żommu l-​Paċi mal-​Bnedmin Kollha”

7. X’inhi l-​paċi li Kristu jħalli lid-​dixxipli tiegħu, u x’għandha tqanqalna nagħmlu?

7 Aqra Rumani 12:18. Matul l-​aħħar lejla li Ġesù qattaʼ mal-​appostli tiegħu, qalilhom: “Inħallilkom il-​paċi, nagħtikom il-​paċi tiegħi.” (Ġw. 14:27) Il-​paċi li Kristu jħalli lid-​dixxipli tiegħu hija l-​kalma ġewwinija li jesperjenzaw meta jħossu li huma maħbubin u approvati minn Alla Ġeħova u Ibnu l-​maħbub. Din il-​paċi ġewwinija għandha tqanqalna ngħixu m’oħrajn fil-​paċi. Kristjani ġenwini jħobbu l-​paċi u jagħmlu minn kollox biex iġibu l-​paċi.—Mt. 5:9.

8. Kif nistgħu nkunu wħud li jġibu l-​paċi fid-​dar u fil-​kongregazzjoni tagħna?

8 Mod wieħed kif iġġib il-​paċi fiċ-​ċirku tal-​familja hu billi tirranġa kwalunkwe nuqqas taʼ ftehim malajr kemm jistaʼ jkun minflok ma tħalli s-​sitwazzjonijiet imorru għall-​agħar. (Prov. 15:18; Efes. 4:26) Dan hu minnu wkoll fil-​kongregazzjoni Kristjana. L-​appostlu Pietru jorbot il-​ġiri wara l-​paċi mat-​trażżin tal-​ilsien. (1 Pt. 3:10, 11) Ġakbu wkoll, wara li ta parir sod dwar l-​użu xieraq tal-​ilsien u l-​bżonn li jiġu evitati l-​għira u spirtu ġellied, kiteb: “L-​għerf li ġej minn fuq hu l-​ewwelnett safi, imbagħad iġib il-​paċi, hu raġunevoli, lest li jobdi, mimli ħniena u frott tajjeb, ma jagħmilx distinzjonijiet parzjali, mhux ipokrita. Barra minn hekk, il-​frott tal-​ġustizzja jinżeraʼ f’kundizzjonijiet paċifiċi għal dawk li qegħdin iġibu l-​paċi.”—Ġak. 3:17, 18.

9. Filwaqt li nipprovaw ‘inżommu l-​paċi mal-​bnedmin kollha,’ x’għandna nżommu f’moħħna?

9 Fl-​istqarrija tiegħu li nsibu f’Rumani 12:18, Pawlu ma japplikahiex biss għaċ-​ċirku tal-​familja u għall-​kongregazzjoni. Hu jgħid li għandna ‘nżommu l-​paċi mal-​bnedmin kollha.’ Dan jinkludi l-​ġirien, sħabna tax-​xogħol u tal-​iskola, u n-​nies li niltaqgħu magħhom fil-​ministeru pubbliku tagħna. Madankollu, l-​appostlu qal dan flimkien mal-​parir: “Jekk inhu possibbli, sakemm jiddependi minnkom.” Dan ifisser li nagħmlu dak kollu li nistgħu b’mod raġunevoli biex ‘inżommu l-​paċi mal-​bnedmin kollha,’ imma mhux sal-​punt li nagħmlu kompromess fejn jidħlu l-​prinċipji ġusti t’Alla.

Il-​Vendetta Hi taʼ Ġeħova

10, 11. F’liema sens ‘nagħmlu l-​wisaʼ għall-​korla,’ u dan għala hu xieraq?

10 Aqra Rumani 12:19. Anki maʼ “dawk li ma jurux attitudni favorevoli” lejn ix-​xogħol u l-​messaġġ tagħna, inkluż dawk li jopponu b’mod dirett, se nżommu ruħna ‘mrażżnin quddiem il-​ħażen’ u naġixxu “bil-​ħlewwa.” (2 Tim. 2:23-25) Pawlu jwissi lill-​Kristjani biex ma jivvendikawx ruħhom imma biex ‘jagħmlu l-​wisaʼ għall-​korla.’ Għall-​korla taʼ min qed jirreferi Pawlu? Żgur ma riedx ifisser li għandna nħallu l-​korla tagħna tiżbroffa. B’mod ċar, aħna nagħmlu l-​wisaʼ għall-​korla t’Alla. Bħala Kristjani, aħna nafu li l-​vendetta mhix f’idejna. Is-​salmista kiteb: “Itlaq ir-​rabja u ħalli d-​dagħdigħa; titbaqbaqx, u b’hekk tagħmel il-​ħażen.” (Salm 37:8) U Salamun ta dan il-​parir: “Tgħidx: ‘Inpatti l-​ħażin!’ Ittama f’Ġeħova, u jsalvak.”—Prov. 20:22.

11 Jekk l-​opponenti jagħmlulna l-​ħsara, ikun għaqli jekk inħallu f’idejn Ġeħova biex jikkastigahom jekk iħoss li hu xieraq li jagħmel dan. Pawlu wera li kellu l-​korla taʼ Ġeħova f’moħħu meta żied jgħid: “Hu miktub: ‘Il-​vendetta hi tiegħi; jien inħallas, jgħid Ġeħova.’” (Qabbel Dewteronomju 32:35.) Li kieku kellna nivvendikaw ruħna, inkunu qed naġixxu bi prużunzjoni, billi nieħdu f’idejna xi ħaġa li Ġeħova rriserva għalih stess. Iżjed minn hekk, inkunu qed nuru nuqqas taʼ fidi fil-​wegħda taʼ Ġeħova: “Jien inħallas.”

12. Il-​korla taʼ Ġeħova meta se tiġi rivelata, u kif?

12 Iktar kmieni fl-​ittra tiegħu lir-​Rumani, Pawlu stqarr: “Il-​korla t’Alla qed tiġi rivelata mis-​sema kontra kull nuqqas taʼ devozzjoni u kull inġustizzja tal-​bnedmin li qed joħonqu l-​verità b’mod inġust.” (Rum. 1:18) Il-​korla taʼ Ġeħova se tiġi rivelata mis-​sema permezz t’Ibnu fi żmien it-​“tribulazzjoni l-​kbira.” (Riv. 7:14) Dan se jkun “prova tal-​ġudizzju ġust t’Alla,” bħalma spjega Pawlu f’ittra ispirata oħra tiegħu: “Dan hu fi qbil mal-​fatt li hu ġust min-​naħa t’Alla li jpatti bi tribulazzjoni lil dawk li jaqilgħulkom it-​tribulazzjoni, imma lilkom li ssofru t-​tribulazzjoni, serħan flimkien magħna fir-​rivelazzjoni tal-​Mulej Ġesù mis-​sema maʼ l-​anġli setgħanin tiegħu f’nar iħeġġeġ, hekk kif iġib vendetta fuq dawk li ma jafux lil Alla u dawk li ma jobdux l-​aħbar tajba dwar il-​Mulej tagħna Ġesù.”—2 Tess. 1:5-8.

Nirbħu l-​Ħażen bit-​Tajjeb

13, 14. (a) Għala ma nissorprendux ruħna meta niġu wiċċ imb wiċċ mal-​oppożizzjoni? (b) Kif nistgħu nbierku lil dawk li jippersegwitawna?

13 Aqra Rumani 12:14, 21. Fiduċjużi għall-​aħħar li Ġeħova se jwettaq l-​iskopijiet tiegħu, aħna nistgħu nikkonċentraw l-​isforzi kollha tagħna fuq ix-​xogħol li tana biex nagħmlu—li nippritkaw “fl-​art abitata kollha” l-​“aħbar tajba tas-​saltna.” (Mt. 24:14) Aħna nafu li din l-​attività Kristjana se tqanqal ir-​rabja tal-​għedewwa tagħna, għax Ġesù wissiena: “Tkunu mibgħudin mill-​ġnus kollha minħabba ismi.” (Mt. 24:9) Għaldaqstant, ma nissorprendux ruħna jew inħossuna skuraġġiti meta niġu wiċċ imb wiċċ mal-​oppożizzjoni. L-​appostlu Pietru kiteb: “Maħbubin, titħawdux minħabba n-​nar li qed jaqbad fostkom u li qed isirilkom bħala prova, bħallikieku qed tiġrilkom xi ħaġa stramba. Għall-​kuntrarju, ibqgħu thennew għax qed tieħdu sehem fis-​sofferenzi tal-​Kristu.”—1 Pt. 4:12, 13.

14 Minflok ma nobogħdu lil dawk li jippersegwitawna, aħna nipprovaw ngħallmuhom, billi nirrikonoxxu li xi wħud minnhom forsi qed jaġixxu hekk minħabba l-​injoranza. (2 Kor. 4:4) Aħna nistinkaw biex insegwu l-​parir taʼ Pawlu: “Ibqgħu bierku lil dawk li jippersegwitawkom; bierku u tisħtux.” (Rum. 12:14) Mod wieħed kif inbierku lil dawk li jopponu hu billi nitolbu għalihom. Fil-​Prietka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù qal: “Komplu ħobbu lill-​għedewwa tagħkom, agħmlu l-​ġid lil dawk li jobogħdukom, bierku lil dawk li jisħtukom, itolbu għal dawk li qed jinsultawkom.” (Lq. 6:27, 28) L-​appostlu Pawlu kien jaf mill-​esperjenza tiegħu stess li persekutur jistaʼ jsir dixxiplu leali taʼ Kristu u qaddej żeluż taʼ Ġeħova. (Gal. 1:13-16, 23) F’ittra oħra, Pawlu stqarr: “Meta jgħajruna, inbierku; meta jippersegwitawna, nissaportu; meta jimmalafamawna, nitolbu bil-​ħrara.”—1 Kor. 4:12, 13.

15. X’inhu l-​aqwa mod biex nirbħu l-​ħażen bit-​tajjeb?

15 Fi qbil maʼ dan, Kristjan veru jobdi dak li hemm miktub fl-​aħħar vers taʼ Rumani kapitlu 12: “Tħallix il-​ħażen jirbħek, imma dejjem irbaħ il-​ħażen bit-​tajjeb.” Is-​sors tal-​ħażen kollu hu Satana x-​Xitan. (Ġw. 8:44; 1 Ġw. 5:19) Fir-​rivelazzjoni mogħtija lill-​appostlu Ġwanni, Ġesù rrivela li ħutu l-​midlukin kienu “rebħulu [lil Satana] minħabba d-​demm tal-​Ħaruf u minħabba l-​kelma li xehdu dwarha.” (Riv. 12:11) Dan juri li l-​aqwa mod biex nirbħu lil Satana u l-​influwenza mill-​agħar li qed jeżerċita fuq is-​sistema preżenti hu billi nagħmlu t-​tajjeb permezz tax-​xogħol tal-​ippritkar tagħna, billi nxandru l-​aħbar tajba tas-​Saltna.

Nifirħu bit-​Tama

16, 17. Rumani kapitlu 12 x’għallimna dwar (a) kif għandna nużaw ħajjitna? (b) kif għandna naġixxu fil-​kongregazzjoni? (ċ) kif għandna nittrattaw lil dawk li jopponu t-​twemmin tagħna?

16 Il-​konsiderazzjoni qasira tagħna taʼ kapitlu 12 tal-​ittra taʼ Pawlu lill-​Kristjani f’Ruma fakkritna f’ħafna affarijiet. Tgħallimna li bħala qaddejja dedikati taʼ Ġeħova, għandna nkunu lesti nagħmlu sagrifiċċji. Imqanqlin mill-​ispirtu t’Alla, nistgħu nagħmlu sagrifiċċji minn jeddna għaliex il-​qawwa tar-​raġuni tagħna kkonvinċietna li din hi r-​rieda t’Alla. Aħna mħeġġin bl-​ispirtu u nużaw l-​għotjiet differenti tagħna biż-​żelu. Aħna naqdu bl-​umiltà u l-​modestja, billi nagħmlu l-​almu tagħna biex nippreservaw l-​unità Kristjana tagħna. Aħna dejjem nuru l-​ospitalità u nuru li ġenwinament inħossu għal xulxin.

17 Rumani kapitlu 12 jagħtina wkoll ħafna pariri dwar kif għandna nirreaġixxu għall-​oppożizzjoni. M’għandniex nirritaljaw. Għandna nipprovaw negħlbu l-​oppożizzjoni b’għemejjel taʼ qalb tajba. Jekk inhu possibbli, mingħajr ma niksru l-​prinċipji Bibliċi, għandna nistinkaw biex ngħixu fil-​paċi mal-​bnedmin kollha. Dan japplika fiċ-​ċirku tal-​familja, fil-​kongregazzjoni, mal-​ġirien, fuq ix-​xogħol, fl-​iskola, u fil-​ministeru pubbliku tagħna. Anki meta niffaċċjaw ostilità diretta, nagħmlu l-​almu tagħna biex nirbħu l-​ħażen bit-​tajjeb, billi niftakru li l-​vendetta hi taʼ Ġeħova.

18. Liema tliet pariri jingħataw f’Rumani 12:12?

18 Aqra Rumani 12:12. Minbarra dawn il-​pariri għaqlin u prattiċi kollha, Pawlu jagħti tliet twissijiet. Ladarba ma nistgħux nagħmlu dan kollu mingħajr l-​għajnuna taʼ Ġeħova, l-​appostlu jagħtina l-​parir biex ‘nipperseveraw fit-​talb.’ Dan se jgħinna biex insegwu parir ieħor li jagħtina, biex ‘nissaportu fit-​tribulazzjoni.’ Finalment, irridu nżommu moħħna ffokat fuq il-​futur li Ġeħova għandu maħżun għalina u ‘nithennew bit-​tama’ taʼ ħajja taʼ dejjem, kemm jekk fis-​sema u kemm jekk fuq l-​art.

Bħala Reviżjoni

• Kif għandna nirreaġixxu għall-​oppożizzjoni?

• F’liema aspetti għandna nipprovaw inġibu l-​paċi, u kif?

• Għala m’għandniex infittxu li nivvendikaw ruħna?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 8]

Għajnuna prattika li nagħtu lill-​ġirien tagħna tistaʼ tgħin biex jingħeleb xi preġudizzju

[Stampa f’paġna 9]

Tistinka int biex iġġib il-​paċi fil-​kongregazzjoni?