Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għamilt Int l-Għeruq u Stabbilit Int fuq il-Pedament?

Għamilt Int l-Għeruq u Stabbilit Int fuq il-Pedament?

QATT rajt siġra kbira tinħakem minn irjieħ b’qawwa taʼ riefnu? Is-​siġra tkun qiegħda taħt pressjoni kbira, u madankollu tibqaʼ soda. Għala? Għaliex għandha għeruq b’saħħithom imqabbdin sew fil-​ħamrija. Aħna nistgħu nkunu bħal din is-​siġra. Meta nkunu qed nissieltu maʼ provi ħorox f’ħajjitna, aħna wkoll nistgħu nibqgħu sodi jekk ikollna ‘l-​għeruq u nkunu stabbiliti fuq il-​pedament.’ (Efes. 3:14-17) X’inhu dan il-​pedament?

Il-Kelma t’Alla tgħid li “Kristu Ġesù nnifsu hu l-​ġebla tax-​xewka tal-​pedament” tal-​kongregazzjoni Kristjana. (Efes. 2:20; 1 Kor. 3:11) Bħala Kristjani, aħna niġu inkuraġġiti biex ‘nibqgħu mexjin f’unjoni miegħu, nagħmlu l-​għeruq u ninbnew fih u nissodaw fil-​fidi.’ Jekk nagħmlu hekk, se nkunu nistgħu negħlbu l-​attakki kollha li jsiru fuq il-​fidi tagħna—inkluż dawk li jiġu fil-​forma t’“argumenti konvinċenti” bbażati fuq il-​“qerq fieragħ” tal-​bnedmin.—Kol. 2:4-8.

“Il-​Wisaʼ u t-​Tul u l-​Għoli u l-​Fond”

Iżda, kif nistgħu aħna ‘nagħmlu l-​għeruq’ u ‘nissodaw fil-​fidi’? Mod importanti kif inniżżlu għeruqna iktar fil-​fond fil-​ħamrija, biex ngħidu hekk, hu permezz taʼ studju diliġenti tal-​Kelma ispirata t’Alla. Ġeħova jridna ‘nifhmu bis-​sħiħ mal-​qaddisin kollha l-​wisaʼ u t-​tul u l-​għoli u l-​fond’ tal-​verità. (Efes. 3:18) Għalhekk, ebda Kristjan m’għandu jikkuntenta b’li sempliċement jifhem b’mod superfiċjali, u jkun sodisfatt b’li jaf biss “l-​affarijiet elementari” li hemm fil-​Kelma t’Alla. (Ebr. 5:12; 6:1) Għall-​kuntrarju, kull wieħed minna għandu jkun ħerqan li jikseb fehma iktar profonda tal-​veritajiet tal-​Bibbja.—Prov. 2:1-5.

M’għandniex xi ngħidu, dan ma jfissirx li hu biżżejjed li jkollna ħafna għarfien sabiex ‘ikollna l-​għeruq u nkunu stabbiliti’ fil-​verità. Wara kollox, Satana nnifsu jaf x’fiha l-​Bibbja. Hemm bżonn xi ħaġa oħra. Għandna bżonn ‘inkunu nafu l-​imħabba taʼ Kristu li tisboq l-​għarfien.’ (Efes. 3:19) Minkejja dan, meta nistudjaw għax inħobbu lil Ġeħova u nħobbu l-​verità, l-​għarfien eżatt tagħna dwar il-​Kelma t’Alla se jiżdied, u b’hekk il-​fidi tagħna se tissaħħaħ.—Kol. 2:2.

Ittestja l-​Fehma Tiegħek

Issa stess, għala ma tittestjax il-​fehma li għandek dwar ftit mill-​veritajiet vitali misjubin fil-​Bibbja? Jekk tagħmel hekk, se tiġi inkuraġġit biex tħabrek iktar fl-​istudju persunali tal-​Bibbja. Bħala eżempju, aqra l-​versi tal-​bidu tal-​ittra li l-​appostlu Pawlu kiteb lill-​Efesin. (Ara l-​kaxxa  “Lill-​Efesin.”) Wara li taqra dawn il-​versi, staqsi lilek innifsek, ‘Nifhem jien it-​tifsir tal-​frażijiet f’din is-​silta mill-​Bibbja li fil-​kaxxa huma miktubin bil-​korsiv?’ Ejja nikkunsidrawhom, waħda waħda.

Determinati “Minn Qabel it-​Tisjis tad-​Dinja”

Pawlu kiteb lil sħabu fit-​twemmin: “[Alla] iddetermina minn qabel li jadottana bħala wliedu permezz taʼ Ġesù Kristu.” Tabilħaqq, Ġeħova ddetermina li hu kien se jadotta xi bnedmin fil-​familja perfetta tiegħu fis-​sema. Dawn l-​ulied adottati t’Alla se jaħkmu bħala slaten u qassisin maʼ Kristu. (Rum. 8:19-23; Riv. 5:9, 10) Fl-​isfida oriġinali tiegħu kontra s-​sovranità taʼ Ġeħova, Satana implika li l-​ħolqien uman t’Alla kien difettuż. Mela bix-​xieraq li Ġeħova għażel membri minn dik l-​istess familja umana biex ikollhom l-​irwol li eventwalment jeħilsu l-​univers mill-​ħażen kollu, inkluż is-​sors tal-​ħażen, Satana x-​Xitan! Madankollu, Ġeħova ma ddeterminax minn qabel liema bnedmin individwali kellhom jiġu adottati bħala wliedu. Minflok, Alla ddetermina li kellu jkun hemm grupp, jew klassi, taʼ bnedmin li kienu se jaħkmu maʼ Kristu fis-​sema.—Riv. 14:3, 4.

Pawlu għal liema “dinja” kien qed jirreferi meta kiteb lil sħabu l-​Kristjani li, bħala grupp, kienu magħżulin “qabel it-​tisjis tad-​dinja”? Hu ma kienx qed jirreferi għal xi żmien qabel m’Alla ħalaq l-​art jew l-​umanità. Dan kien imur kontra l-​prinċipju fundamentali tal-​ġustizzja. Adam u Eva kif setgħu jinżammu responsabbli għall-​azzjonijiet tagħhom li kieku Alla ddetermina minn qabel li kienu se jfallu saħansitra qabel ma kienu maħluqin? Għalhekk, mela, Alla meta ddetermina kif kien se jirranġa s-​sitwazzjoni li qamet meta Adam u Eva ngħaqdu maʼ Satana fir-​ribelljoni tiegħu kontra s-​sovranità t’Alla? Ġeħova għamel dan wara li l-​ġenituri oriġinali tagħna rribellaw, imma qabel ma bdiet teżisti dinja taʼ bnedmin imperfetti li setgħu jiġu mifdijin.

“Skond ir-​Rikkezzi tal-​Qalb Tajba Mhix Mistħoqqa Tiegħu”

Pawlu għala stqarr li l-​arranġamenti li jissemmew fl-​ewwel ftit versi t’Efesin saru “skond ir-​rikkezzi tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa” t’Alla? Dan għamlu sabiex jenfasizza li Ġeħova ma kienx obbligat li jifdi lill-​umanità midinba.

Ħadd minna ma twieled b’xi mertu li jistaʼ jaqlaʼ l-​fidwa. Madankollu, l-​imħabba profonda għall-​familja umana qanqlet lil Ġeħova biex jagħmel arranġament speċjali ħalli jsalvana. Meta nikkunsidraw l-​imperfezzjoni u l-​istat midneb tagħna, il-​fidwa tagħna, bħalma qal Pawlu, hija verament qalb tajba mhix mistħoqqa.

Is-​Sigriet Sagru tal-​Iskop t’Alla

Fil-​bidu, Alla ma rrivelax kif kellu jirranġa l-​ħsara li għamel Satana. Dan kien “sigriet sagru.” (Efes. 3:4, 5) Iktar tard, meta ġiet stabbilita l-​kongregazzjoni Kristjana, Ġeħova rrivela dettalji taʼ kif kellu jwettaq l-​iskop oriġinali tiegħu għall-​umanità u għall-​art. “Fil-​milja taż-​żminijiet stabbiliti,” spjega Pawlu, Alla uża “amministrazzjoni,” sistema biex jamministra l-​affarijiet li se tirriżulta f’li l-​ħlejjaq intelliġenti kollha tiegħu jkunu magħqudin flimkien.

L-ewwel pass biex isseħħ din l-​għaqda sar f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K. meta Ġeħova beda jiġbor lil dawk li kienu se jaħkmu maʼ Kristu fis-​sema. (Atti 1:13-15; 2:1-4) It-​tieni pass kellu jkun il-​ġbir flimkien taʼ dawk li kienu se jgħixu fuq art magħmula ġenna taħt is-​Saltna Messjanika taʼ Kristu. (Riv. 7:14-17; 21:1-5) It-​terminu “amministrazzjoni” ma jirreferix għas-​Saltna Messjanika, ladarba s-​Saltna ma kinitx għadha ġiet stabbilita sal-​1914. Minflok, dan it-​terminu jirreferi għall-​mod kif Alla mexxa, jew organizza, l-​affarijiet sabiex iwettaq l-​iskop tiegħu biex jerġaʼ jġib unità universali.

Kunu “Nies li Kibru Għalkollox fil-​Mentalità Tagħhom”

Bla dubju, drawwiet tajbin taʼ studju persunali se jgħinuk tifhem sew “il-​wisaʼ u t-​tul u l-​għoli u l-​fond” tal-​verità. Madankollu, ma jistaʼ jkun hemm ukoll ebda dubju li l-​ħajja mgħaġġla li għandu l-​bniedem bħalissa tagħmilha iktar faċli biex Satana jdgħajjef—jew saħansitra jeqred—drawwiet bħal dawn. Tħallihx jagħmillek hekk. Uża “l-​kapaċità intellettwali” li tak Alla biex ‘tikber għalkollox fil-​mentalità tiegħek.’ (1 Ġw. 5:20; 1 Kor. 14:20) Kun ċert li tifhem għala temmen dak li temmen u li tistaʼ dejjem tagħti ‘raġuni għat-​tama li għandek.’—1 Pt. 3:15.

Immaġina li kont hemm f’Efesu meta nqrat l-​ittra taʼ Pawlu għall-​ewwel darba. Ma kienx il-​kliem tiegħu jġiegħlek tkun trid tikber “fil-​fidi u fl-​għarfien eżatt dwar l-​Iben t’Alla”? (Efes. 4:13, 14) Dażgur! Għalhekk, ħalli l-​kliem ispirat taʼ Pawlu jimmotivak bl-​istess mod illum. Imħabba profonda għal Ġeħova u għarfien eżatt tal-​Kelma tiegħu se jgħinuk tibqaʼ ‘tagħmel l-​għeruq u tkun stabbilit fuq il-​pedament’ taʼ Kristu. B’dan il-​mod, se tkun tistaʼ tibqaʼ sod matul kwalunkwe maltempata li Satana forsi għad jaqlaʼ kontrik qabel ma tintemm għalkollox din id-​dinja mill-​agħar.—Salm 1:1-3; Ġer. 17:7, 8.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 27]

 “Lill-​Efesin”

“Ikun imbierek Alla u Missier il-​Mulej tagħna Ġesù Kristu, għax berikna b’kull barka spiritwali, f’unjoni maʼ Kristu, fil-​postijiet tas-​sema, bħalma għażilna f’unjoni miegħu qabel it-​tisjis tad-​dinja, biex inkunu qaddisin u bla difett quddiemu fl-​imħabba. Hu ddetermina minn qabel li jadottana bħala wliedu permezz taʼ Ġesù Kristu, skond kif għoġobha r-​rieda tiegħu, b’tifħir għall-​qalb tajba mhix mistħoqqa u glorjuża tiegħu li wriena b’qalb tajba permezz taʼ Ibnu l-​maħbub. Bih għandna l-​ħelsien bil-​fidwa permezz taʼ demmu, iva, il-​maħfra tan-​nuqqasijiet tagħna, skond ir-​rikkezzi tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu. Hu ġiegħel li din toktor fina flimkien maʼ kull għerf u għaqal, billi għarrfilna s-​sigriet sagru tar-​rieda tiegħu. Dan hu skond l-​iskop li għoġbu jfassal fih innifsu għal amministrazzjoni fil-​milja taż-​żminijiet stabbiliti, jiġifieri, li jerġaʼ jiġbor kollox flimkien fil-​Kristu, kulma hemm fis-​smewwiet u kulma hemm fuq l-​art.”—Efes. 1:3-10.