Il-Qima tal-Familja—Vitali għas-Salvazzjoni!
IMMAĠINA kemm se tqanqal biżaʼ l-“gwerra tal-jum il-kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox”! (Riv. 16:14) Fi kliem figurattiv u vivaċi, il-profeta Mikea kiteb: “Il-muntanji jinħallu . . . , u l-pjanuri l-baxxi jinferqu, bħax-xamaʼ minħabba n-nar, bħall-ilmijiet li jgelglu maʼ xi niżla wieqfa.” (Mik. 1:4) X’se jkun ir-riżultat diżastruż għal dawk li ma jaqdux lil Ġeħova? Il-Kelma t’Alla tistqarr: “Dakinhar, dawk maqtulin minn Ġeħova se jkunu minn tarf sat-tarf l-ieħor taʼ l-art.”—Ġer. 25:33.
Minħabba twissijiet bħal dawn, il-kapijiet tal-familja—li ħafna minnhom qed irabbu t-tfal waħedhom—jagħmlu tajjeb li jistaqsu lilhom infushom dwar uliedhom li huma kbar biżżejjed biex jirraġunaw, ‘Se jsalvaw minn Armageddon?’ Il-Bibbja tipprovdi assiguranza li huma se jsalvaw jekk meta sseħħ huma jkunu attivi u b’saħħithom spiritwalment kemm jistaʼ jkun skont l-età tagħhom.—Mt. 24:21.
L-Importanza taʼ li Tiddedika Ħin għall-Qima tal-Familja
Bħala ġenitur, kun ċert li tagħmel dak kollu li tistaʼ biex trabbi lil uliedek “fid-dixxiplina u l-gwida mentali taʼ Ġeħova.” (Efes. 6:4) Iċċekkinx l-importanza taʼ li tistudja l-Bibbja maʼ wliedek. Aħna rridu li ż-żgħażagħ tagħna jkunu bħall-Kristjani ġewwa Filippi, li Pawlu faħħarhom talli obdew minn qalbhom lil Ġeħova. Hu kiteb: “Maħbubin tiegħi, bħalma dejjem obdejtu, mhux biss fil-preżenza tiegħi, imma bil-wisq iktar issa li m’iniex magħkom, ibqgħu wettqu s-salvazzjoni tagħkom bil-biżaʼ u t-tregħid.”—Flp. 2:12.
Uliedek jobduhom il-liġijiet taʼ Ġeħova meta ma tkunx magħhom? Xi ngħidu meta jkunu l-iskola? Kif tistaʼ tgħin lil uliedek ikunu konvinti mill-għerf tal-liġijiet taʼ Ġeħova sabiex dawn jiggwidawhom saħansitra meta int ma tkunx magħhom?
F’dan ir-rigward, il-qima tal-familja jistaʼ jkollha rwol importanti biex tinbena l-fidi taʼ wliedek. Għalhekk, ejja niddiskutu tliet affarijiet importanti biex l-istudju tal-Bibbja tal-familja tiegħek ikun taʼ suċċess.
Kun Konsistenti
Il-Bibbja tindika li l-ulied anġeliċi t’Alla jiġu mistidnin biex jidħlu fil-preżenza tiegħu fi żminijiet speċifiċi. (Ġob 1:6) Agħmel l-istess maʼ wliedek. Stabbilixxi ġurnata u ħin fiss għal-lejla tal-Qima tal-Familja u mbagħad żomm l-appuntament. Barra minn hekk, warrab ħin speċifiku ieħor biex jekk ikun hemm ċirkustanzi mhux mistennijin xorta tkunu tistgħu tagħmlu l-istudju.
Meta jgħaddu ftit tax-xhur tadottax l-attitudni li biżżejjed tagħmel l-istudju darba kultant. Ftakar, uliedek huma l-iktar studenti tal-Bibbja importanti tiegħek. Iżda, Satana jixtieq li jaħtafhom bħala priża. (1 Pt. 5:8) Jekk iċċedi din il-lejla imprezzabbli tal-Qima tal-Familja biex tara t-televixin jew tagħmel xi attività oħra inqas importanti, Satana jkun kiseb rebħa.—Efes. 5:15, 16; 6:12; Flp. 1:10.
Agħmilha Prattika
Il-lejla tal-Qima tal-Familja għandha tkun iktar minn sempliċi lezzjoni biex jitgħallmu ftit fatti. Stinka biex tagħmilha prattika. Kif? Kultant, agħżel suġġetti li jkollhom x’jaqsmu maʼ dak li wliedek ikunu se jħabbtu wiċċhom miegħu fil-jiem jew fil-ġimgħat li jkunu ġejjin. Pereżempju, għala ma tinkludix sessjonijiet li fihom tipprattikaw għall-ministeru? Iż-żgħar jieħdu gost jagħmlu xi ħaġa li jkunu jafu jagħmluha sew. Meta tipprattikaw 2 Tim. 2:15.
preżentazzjonijiet u taħsbu dwar modi kif twieġbu għall-oġġezzjonijiet li jistgħu jqumu, huma jiġu megħjunin biex isiru iktar kunfidenti meta jieħdu sehem fid-diversi aspetti tax-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna.—Tistgħu ukoll tipprattikaw sessjonijiet biex tgħinu lil uliedkom jittrattaw mal-pressjoni minn dawk tamparhom. Kapitlu 15 tal-ktieb Questions Young People Ask—Answers That Work, Volume 2 (Iż-Żgħażagħ Jistaqsu—Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, it-2 Volum), jistaʼ jintuża bħala bażi għad-diskussjoni tal-familja. Il-“Peer-Pressure Planner” (Pjan Kif Se Niffaċċja l-Pressjoni Minn Dawk Tampari) f’paġni 132 u 133 jipprovdi suġġerimenti u jagħti wkoll opportunitajiet lil uliedek biex jiktbu t-tweġibiet li jħossuhom komdi jużawhom. Stqarrija fin-naħa t’isfel taʼ paġna 133 tinkuraġġixxi liż-żgħażagħ: “Ipprattika t-tweġibiet tiegħek maʼ ġenitur jew ħabib matur.” Kultant żmien, għala ma tiħduhiex drawwa biex tagħmlu dan bħala parti mil-lejla tagħkom tal-Qima tal-Familja?
Il-qima tal-familja tipprovdi opportunità lill-ġenituri biex jenfasizzaw il-benefiċċji taʼ li jkollok miri spiritwali. F’dan ir-rigward, Young People Ask, Volume 2, fih informazzjoni eċċellenti f’kapitlu 38, bit-titlu “What Will I Do With My Life?” (X’Se Nagħmel b’Ħajti?) Waqt li tiddiskuti l-kapitlu, għin lil uliedek japprezzaw li l-aħjar triq hi li jiffokaw ħajjithom fuq li jaqdu lil Ġeħova. Ikkultiva f’qalb uliedek ix-xewqa li jaqdu bħala pijunieri, jaqdu f’Betel, jattendu l-Iskola tat-Taħriġ Ministerjali, jew jaqdu f’xi forma oħra taʼ servizz full-time.
Kelma taʼ twissija: Xi ġenituri b’intenzjoni tajba tant jiffokaw fuq dak li jridu lil uliedhom isiru li jonqsu milli jfaħħruhom għal dak li qed jagħmlu. M’għandniex xi ngħidu, huwa tajjeb li tinkuraġġixxi lil uliedek biex jagħmlu miri tajbin, bħalma huma s-servizz f’Betel u x-xogħol missjunarju. Madankollu, oqgħod attent li meta tagħmel dan ma ddejjaqx lil uliedek b’dak li tistenna minnhom u ġġegħelhom jaqtgħu qalbhom. (Kol. 3:21) Dejjem ftakar li wliedek iridu jsiru jħobbu lil Ġeħova b’qalbhom kollha—mhux b’qalbek. (Mt. 22:37) Għalhekk, sib modi kif tfaħħar lil uliedek għal dak li qed jagħmlu tajjeb, u rreżisti t-tentazzjoni li tiffoka fuq dak li mhux qed jagħmlu. Ibni l-apprezzament għal dak kollu li għamel Ġeħova. Imbagħad, ħalli lil qalb uliedek twieġeb għat-tjubija taʼ Ġeħova.
Agħmilha Pjaċevoli
It-tielet ħaġa importanti biex il-lejla tal-Qima tal-Familja tkun taʼ suċċess hi li nagħmluha pjaċevoli. Dan kif tistgħu tagħmluh? Forsi kultant tistgħu tisimgħu xi drama jew taraw u tiddiskutu xi vidjo maħruġ mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Jew forsi tistgħu taqraw parti mill-Bibbja flimkien, billi kull membru tal-familja jiġi assenjat biex jaqra l-parti taʼ karattru partikulari.
Hemm artikli oħrajn fit-Torri tal-Għassa u Stenbaħ!, li jipprovdu bażi eċċellenti għal diskussjoni fil-familja. Pereżempju, forsi tuża l-artiklu f’paġna 31 taʼ kull rivista Stenbaħ!, intitolat “Int Kif Twieġeb?” Il-ħarġiet tat-Torri
tal-Għassa għall-pubbliku jkun fihom il-proġett taʼ studju “Għaż-Żgħażagħ Tagħna.” Ikun hemm ukoll serje għat-tfal iżgħar bit-titlu “Għallem lil Uliedek.”Il-ġenituri tal-adoloxxenti se jsibu interessanti b’mod partikulari l-artikli fis-serje “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu” fi Stenbaħ! kif ukoll il-ktieb Young People Ask, Volume 2. Meta tkun qed tuża dan il-ktieb, tinjorax il-kaxxa “What Do You Think?” (Int X’Taħseb?) fl-aħħar taʼ kull kapitlu. Din il-kaxxa mhijiex biss reviżjoni. Il-mistoqsijiet f’din il-kaxxa jistgħu jintużaw bħala punti għal diskussjoni fil-familja.
Iżda, oqgħod attent li l-istudju tal-familja ma jsirx sessjoni t’interrogazzjoni. Pereżempju, tipprovax tisforza lil uliedek biex jaqraw b’leħen għoli xi ħaġa li jkunu kitbu fuq il-paġni intitolati “My Journal” (Id-Djarju Tiegħi) jew f’xi partijiet oħrajn tal-ktieb li jitolbu lit-tfal jesprimu kif iħossuhom. Fil-parti “Note to Parents” (Nota lill-Ġenituri), f’paġna 3, il-ktieb jgħid “Biex tinkuraġġixxi l-adoloxxenti tiegħek biex jiktbu fil-ktieb tagħhom bis-sinċerità, ħallilhom ammont taʼ privatezza. Iktar tard huma stess għandhom mnejn ikunu lesti li jitkellmu dwar dak li kitbu.”
Jekk iżżomm il-qima tal-familja tiegħek konsistenti, prattika, u pjaċevoli, Ġeħova se jbierek bil-kbir l-isforzi tiegħek. Dan il-ħin speċjali tal-familja se jikkontribwixxi biex il-maħbubin tiegħek jibqgħu attivi u b’saħħithom spiritwalment.
[Kaxxa f’paġna 31]
Kun Kreattiv
“Meta konna nistudjaw mal-bniet żgħar tagħna, jien u r-raġel tiegħi konna ngħaddu l-materjal biex nippreparaw għal xi laqgħa tal-kongregazzjoni u mbagħad konna nitolbu lill-bniet tagħna jpinġu stampa biex juruna fil-qosor dak li tgħallmu. Kultant, konna nirreċtaw xi xena mill-Bibbja jew kien ikollna sessjonijiet biex nipprattikaw preżentazzjonijiet għas-servizz tal-għalqa. Konna nadattaw l-istudju għall-età tagħhom, u nżommuh interessanti, pożittiv, u pjaċevoli.”—J.M., L-Istati Uniti.
“Biex ngħinu lit-tifel tal-istudenta tiegħi tal-Bibbja jifhem x’kien involut fl-użu tar-rombli fi żminijiet Bibliċi, ipprintjajna l-ktieb t’Isaija wara li ħassarna n-numri tal-kapitli u l-versi. Għaqqadna l-paġni flimkien u kull tarf waħħalnieh maʼ romblu. Imbagħad, it-tifel ipprova jagħmel dak li għamel Ġesù fis-sinagoga taʼ Nazaret. Ir-rakkont taʼ Luqa 4:16-21 jgħid li Ġesù ‘fetaħ ir-romblu [t’Isaija] u sab’ is-silta li kien qed ifittex. (Is. 61:1, 2) Madankollu, meta t-tifel ipprova jagħmel bħalu, sabha diffiċli biex isib Isaija 61 fuq dak ir-romblu twil li ma kienx fih numri tal-kapitli u tal-versi. It-tifel tant baqaʼ impressjonat b’kemm Ġesù kien tas-sengħa f’li jfittex fir-rombli li qal: ‘Ġesù m’hawnx bħalu!’”—Y.T., Il-Ġappun.
[Stampa f’paġna 30]
Ipprattika sessjonijiet li jistgħu jgħinu lil uliedek jittrattaw mal-pressjoni minn dawk tamparhom
[Stampa f’paġna 31]
Stinka biex il-lejla tal-Qima tal-Familja tagħmilha pjaċevoli