Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Inżommu Ħbiberiji f’Dinja Nieqsa mill-Imħabba

Inżommu Ħbiberiji f’Dinja Nieqsa mill-Imħabba

“Dan nordnalkom, li tħobbu lil xulxin.”—ĠW. 15:17.

1. Il-​Kristjani tal-​ewwel seklu għala kellhom bżonn jibqgħu ħbieb tal-​qalb?

 MATUL l-​aħħar lejl tiegħu fuq l-​art, Ġesù inkuraġġixxa lid-​dixxipli leali tiegħu biex jibqgħu ħbieb maʼ xulxin. Iktar kmieni dik il-​lejla, hu qal li l-​imħabba li huma juru lejn xulxin se tidentifikahom bħala s-​segwaċi tiegħu. (Ġw. 13:35) L-​appostli kellhom bżonn jibqgħu ħbieb tal-​qalb biex jissaportu l-​provi li kellhom quddiemhom u biex iwettqu x-​xogħol li Ġesù dalwaqt kien se jagħtihom. Tabilħaqq, il-​Kristjani tal-​ewwel seklu saru magħrufin għall-​imħabba kbira tagħhom għal Alla u għal xulxin.

2. (a) X’aħna determinati li nagħmlu, u għala? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

2 Illum, kemm hu pjaċevoli li nissieħbu m’organizzazzjoni mad-​dinja kollha li l-​membri tagħha jsegwu l-​eżempju li ħallew dawk il-​Kristjani tal-​ewwel seklu! Aħna determinati li nobdu l-​kmand taʼ Ġesù biex nuru mħabba ġenwina lejn xulxin. Madankollu, matul dawn l-​aħħar jiem, in-​nies inġenerali huma żleali u jonqsu milli juru mħabba naturali. (2 Tim. 3:1-3) Il-​ħbiberiji li dawn jifformaw spiss huma superfiċjali u għall-​interessi persunali. Biex inżommu l-​identità tagħna bħala Kristjani veri m’għandniex nimitaw dawn l-​attitudnijiet. Mela, ejja nikkunsidraw dan li ġej: X’inhi l-​bażi taʼ ħbiberiji tajbin? Kif nistgħu nagħmlu ħbieb tajbin? Meta jkun hemm bżonn intemmu ħbiberija? U kif nistgħu nżommu ħbiberiji li jibnu?

X’Inhi l-​Bażi taʼ Ħbiberiji Tajbin?

3, 4. X’inhi l-​bażi tal-​ħbiberiji l-​iktar b’saħħithom, u għala?

3 L-​iktar ħbiberiji b’saħħithom huma dawk li huma bbażati fuq l-​imħabba għal Ġeħova. Is-​Sultan Salamun kiteb: “Wieħed li jkun waħdu jistaʼ jingħeleb minn xi ħadd, imma jekk ikunu tnejn flimkien jistgħu jiqfulu. Ħabel bi tlieta ma jinqatax malajr fi tnejn.” (Ekk. 4:12) Meta Ġeħova jkun it-​tielet parti tal-​ħabel fi ħbiberija, dik il-​ħbiberija se ddum.

4 Veru, dawk li ma jħobbux lil Ġeħova wkoll jistgħu jifformaw ħbiberiji sodisfaċenti. Imma meta individwi jinġibdu lejn xulxin sforz l-​imħabba li t-​tnejn ikollhom għal Alla, il-​ħbiberija tagħhom tkun soda. Jekk ikun hemm nuqqas taʼ qbil, ħbieb veri se jittrattaw lil xulxin b’mod li jogħġob lil Ġeħova. Jekk l-​opponenti t’Alla jipprovaw joħolqu firdiet, dawn l-​għedewwa se jsibu li l-​ħbiberiji fost il-​Kristjani veri huma sodi. Matul l-​istorja, qaddejja taʼ Ġeħova wrew li huma lesti li jmutu minflok ma jittradixxu lil xulxin.—Aqra l-1 Ġwanni 3:16.

5. Il-​ħbiberija bejn Rut u Nagħomi għala kienet daqstant b’saħħitha u dejjiema?

5 Mingħajr dubju, il-​ħbiberiji li jġibu l-​iktar sodisfazzjon huma dawk li għandna maʼ wħud li jħobbu lil Ġeħova. Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Rut u Nagħomi. Dawn in-​nisa fformaw ħbiberija li hi fost l-​iktar taʼ min jammiraha li nsibu fil-​Bibbja. Il-​ħbiberija tagħhom għala kienet daqstant b’saħħitha u dejjiema? Rut irrivelat ir-​raġuni meta qalet lil Nagħomi: “Il-​poplu tiegħek ikun il-​poplu tiegħi, u Alla tiegħek, Alla tiegħi. . . . Jalla Ġeħova jagħmilli hekk u iktar minn hekk jekk ma tkunx il-​mewt li tifridni minnek.” (Rut 1:16, 17) Ovvjament, kemm Rut kif ukoll Nagħomi kellhom imħabba profonda għal Alla, u huma ħallew din l-​imħabba tinfluwenza l-​mod kif ittrattaw lil xulxin. B’riżultat taʼ dan, iż-​żewġ nisa ġew imberkin minn Ġeħova.

Kif Tagħmel Ħbieb Tajbin

6-8. (a) Ħbiberiji dejjiema huma riżultat taʼ xiex? (b) Kif tistaʼ tieħu l-​inizjattiva biex tagħmel ħbieb?

6 L-​eżempju taʼ Rut u Nagħomi juri li ħbiberiji tajbin ma jiġux b’kumbinazzjoni. Il-​bażi hi mħabba għal Ġeħova min-​naħa tat-​tnejn. Imma ħbiberiji dejjiema huma riżultat taʼ xogħol iebes u sagrifiċċju persunali. Saħansitra aħwa tal-​istess familja li jqimu lil Ġeħova bħala Kristjani għandhom bżonn jaħdmu biex jifformaw ħbiberija mill-​qrib. Mela allura, kif tistaʼ tagħmel ħbieb tajbin?

7 Ħu l-​inizjattiva. L-​appostlu Pawlu inkuraġġixxa lil ħbiebu fil-​kongregazzjoni taʼ Ruma biex ‘juru dejjem l-​ospitalità.’ (Rum. 12:13) Li turi dejjem l-​ospitalità jinvolvi serje t’azzjonijiet żgħar u regulari. Dan hu bħal meta timxi f’mogħdija, li jinvolvi serje taʼ passi wieħed wara l-​ieħor. Ħadd ma jistaʼ jimxi l-​mogħdija tal-​ospitalità għalik. (Aqra Proverbji 3:27.) Mod wieħed kif tkun ospitabbli hu billi tistieden uħud differenti mill-​kongregazzjoni biex jieklu miegħek ikla sempliċi. Tistaʼ tiħodha drawwa li turi ospitalità lejn membri tal-​kongregazzjoni tiegħek?

8 Mod ieħor kif tistaʼ tieħu l-​inizjattiva biex tagħmel ħbieb hu billi tistieden uħud differenti biex jieħdu sehem miegħek fix-​xogħol tax-​xandir. Meta tkun fil-​ministeru u tismaʼ lil min ikun miegħek jitkellem mill-​qalb dwar l-​imħabba li għandu għal Ġeħova maʼ persuna li ma jafhiex, mingħajr ma trid se tinġibed iktar lejn dak li qed taħdem miegħu.

9, 10. Pawlu liema eżempju ħalla, u kif nistgħu nimitawh?

9 Wessgħu qalbkom fl-​affezzjoni tagħkom. (Aqra t-2 Korintin 6:12, 13.) Ġieli ħassejt li m’hemm ħadd fil-​kongregazzjoni tiegħek li tistaʼ tkun ħabib miegħu? Jekk inhu hekk, jistaʼ jkun li qed tillimita min taħseb li jistaʼ jkun ħabib? L-​appostlu Pawlu ħalla eżempju tajjeb f’li jwessaʼ qalbu fl-​affezzjoni tiegħu. Kien hemm żmien meta lanqas biss kien jgħaddilu minn moħħu li jagħmel ħbieb tal-​qalb maʼ dawk li mhumiex Lhud. Madankollu, hu sar “appostlu tal-​ġnus.”—Rum. 11:13.

10 Iktar minn hekk, Pawlu m’għamilx ħbieb biss maʼ dawk li kienu tamparu. Pereżempju, hu u Timotju saru ħbieb tal-​qalb minkejja differenza fl-​età u l-​ambjent li kienu ġejjin minnu. Illum, ħafna żgħażagħ jgħożżu l-​ħbiberiji li għamlu maʼ membri akbar tal-​kongregazzjoni. “Jien għandi ħabiba għażiża ħafna li għandha ’l fuq minn 50 sena,” tgħid Vanessa li għandha ftit iktar minn 20 sena. “Nistaʼ ngħidilha kulma ngħid il-​ħbieb tal-​età tiegħi. U hi jimpurtaha ħafna minni.” Kif jifformaw ħbiberiji bħal dawn? Vanessa tgħid: “Biex ikolli din il-​ħbiberija kelli nagħmel sforz.” Lest int li tagħmel ħbieb maʼ dawk li mhumiex tamparek? Ċertament li Ġeħova se jbierkek għall-​isforzi tiegħek.

11. X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Ġonatan u David?

11 Kun leali. “Ħabib veru jħobb il-​ħin kollu; huwa ħu mwieled għal meta jkun hemm in-​niket,” kiteb Salamun. (Prov. 17:17) Meta kien qed jikteb dan il-​kliem, Salamun forsi kellu f’moħħu l-​ħbiberija li missieru, David, kellu maʼ Ġonatan. (1 Sam. 18:1) Is-​Sultan Sawl ried li ibnu Ġonatan jiret it-​tron t’Israel. Imma Ġonatan aċċetta l-​fatt li Ġeħova kien għażel lil David għal dan il-​privileġġ. Għall-​kuntrarju taʼ Sawl, Ġonatan ma kienx għajjur għal David. Hu ma ħassux offiż minħabba li David ġie mfaħħar, u lanqas m’emmen il-​kalunnji li Sawl xerred dwar David. (1 Sam. 20:24-34) Aħna bħal Ġonatan? Meta l-​ħbieb tagħna jirċievu privileġġi, inkunu ferħanin għalihom? Meta jsofru minn tbatija, infarrġuhom u nappoġġawhom? Jekk nisimgħu xi qlajja’ dwar ħabib, ħa nemmnuha malajr? Jew, bħal Ġonatan, se niddefendu lealment il-​ħabib tagħna?

Meta Jkun Hemm Bżonn Intemmu Ħbiberija

12-14. Xi studenti tal-​Bibbja liema sfidi jiffaċċjaw, u kif nistgħu ngħinuhom?

12 Meta student tal-​Bibbja jibda jagħmel bidliet fil-​ħajja tiegħu, hu għandu mnejn jiffaċċja sfida kbira rigward il-​ħbieb. Hu forsi għandu ħbieb li jieħu pjaċir magħhom imma li ma jgħixux skont il-​livelli morali tal-​Bibbja. Fil-​passat, hu forsi regolarment qattaʼ ħin magħhom. Imma, issa, qed jara li l-​attivitajiet tagħhom setgħu kienu t’influwenza ħażina għalih, u jħoss li għandu jillimita l-​kuntatt tiegħu maʼ wħud bħal dawn. (1 Kor. 15:33) Xorta waħda, hu forsi jħoss li jekk ma jibqax jissieħeb magħhom ikun qed juri nuqqas taʼ lealtà.

13 Jekk int student tal-​Bibbja li qed tiffaċċja din l-​isfida, ftakar li ħabib taʼ veru se jkun ferħan li int qed tipprova ttejjeb ħajtek. Hu jew hi forsi saħansitra tkun trid tissieħeb miegħek f’li titgħallem dwar Ġeħova. Mill-​banda l-​oħra, dawk li mhumiex ħbieb veri se ‘jibdew jgħajruk’ peress li ma tkomplix tiġri magħhom fl-​“istess livell baxx taʼ ħajja sfrattata.” (1 Pt. 4:3, 4) Fil-​verità, huma dawn il-​ħbieb li mhumiex leali lejk u mhux int lejhom.

14 Meta studenti tal-​Bibbja jiġu abbandunati mill-​ħbieb li kellhom qabel li m’għandhomx imħabba għal Alla, membri tal-​kongregazzjoni għandhom jimlew dak il-​vojt. (Gal. 6:10) Tafhom int personalment lil dawk li qed jattendu l-​laqgħat tiegħek u li qed jistudjaw il-​Bibbja? Tistaʼ int kultant tipprovdilhom sħubija li tibni?

15, 16. (a) Kif għandna nirreaġixxu jekk ħabib jieqaf jaqdi lil Ġeħova? (b) Kif nistgħu nuru mħabbitna lejn Alla?

15 Imma, xi ngħidu, jekk ħabib minn ġewwa l-​kongregazzjoni jiddeċiedi li jiċħad lil Ġeħova, forsi billi jkun hemm bżonn li jiġi maqtugħ mis-​sħubija? Ċirkustanza bħal din tistaʼ tkun taʼ niket kbir. Waħda oħt iddeskriviet ir-​reazzjoni tagħha meta ħabiba tal-​qalb waqfet taqdi lil Ġeħova b’dan il-​kliem: “Ħassejtni mnikkta għall-​aħħar. Kont naħseb li l-​ħabiba tiegħi kienet b’saħħitha fil-​verità, imma ma kinitx. Bdejt naħseb jekk kinitx qdiet lil Ġeħova sempliċement biex togħġob lill-​familja tagħha. Imbagħad bdejt nikkunsidra mill-​ġdid il-​motivi tiegħi stess. Kont qed naqdi lil Ġeħova b’motivi tajbin?” Kif kampat din l-​oħt? “Jien tfajt it-​toqol tiegħi fuq Ġeħova,” tgħid hi. “Jien determinata li nuri lil Ġeħova li jien inħobbu għal dak li hu, u mhux biss għax jipprovdili ħbieb fl-​organizzazzjoni tiegħu.”

16 Ma nistgħux nistennew li nibqgħu ħbieb t’Alla jekk nappoġġaw lil dawk li jagħżlu li jkunu ħbieb mad-​dinja. Id-​dixxiplu Ġakbu kiteb: “Ma tafux li l-​ħbiberija mad-​dinja hi għadwa m’Alla? Għalhekk, kulmin irid ikun ħabib tad-​dinja qed jagħmel lilu nnifsu għadu t’Alla.” (Ġak. 4:4) Aħna nistgħu nuru mħabbitna lejn Alla billi jkollna fiduċja li jekk aħna nibqgħu leali lejh, Hu se jgħinna nkampaw meta nitilfu ħabib. (Aqra Salm 18:25.) L-​oħt li semmejna qabel tiġbor il-​kwistjoni b’dan il-​mod: “Jien tgħallimt li ma nistgħux inġiegħlu lil xi ħadd iħobb lil Ġeħova jew lilna. Fl-​aħħar mill-​aħħar hi għażla persunali.” Iżda, x’nistgħu nagħmlu biex inżommu ħbiberiji li jibnu maʼ dawk li jibqgħu ġewwa l-​kongregazzjoni?

Inżommu Ħbiberiji Tajbin

17. Ħbieb tajbin kif jitkellmu maʼ xulxin?

17 Komunikazzjoni tajba żżomm ħbiberija ħajja. Hekk kif taqra rakkonti tal-​Bibbja li jinvolvu lil Rut u Nagħomi, lil David u Ġonatan, u lil Pawlu u Timotju, se tinnota li ħbieb tajbin jitkellmu sinċerament imma b’rispett maʼ xulxin. Rigward il-​mod li għandna nikkomunikaw m’oħrajn, Pawlu kiteb: “Ħa jkun kliemkom dejjem kollu ħlewwa, imħawwar bil-​melħ.” Pawlu kien qed jirreferi speċifikament għall-​mod li għandna nkellmu lil dawk taʼ “barra,” jiġifieri, lil dawk li mhumiex ħutna Kristjani. (Kol. 4:5, 6) Ċertament, jekk dawk li ma jemmnux bħalna jixirqilhom ir-​rispett meta nitkellmu magħhom, kemm iktar l-​għeżież ħbieb tagħna ġewwa l-​kongregazzjoni!

18, 19. Kif għandna nqisu kwalunkwe parir li nirċievu mingħand ħabib Kristjan, u liema eżempju ħallew għalina l-​anzjani f’Efesu?

18 Ħbieb tajbin jistmaw l-​opinjoni taʼ xulxin, u għalhekk il-​komunikazzjoni bejniethom għandha bżonn tkun kemm bil-​ħlewwa kif ukoll bis-​sinċerità. Is-​sultan għaref Salamun kiteb: “Iż-​żejt u l-​inċens iferrħu l-​qalb; hekk ukoll il-​ħlewwa li juri sieħeb minħabba l-​pariri li jagħti b’ruħu kollha.” (Prov. 27:9) Int hekk tqisu kwalunkwe parir li tirċievi mingħand ħabib? (Aqra Salm 141:5.) Jekk ħabib jesprimi tħassib dwar xi azzjoni li int qed tieħu, kif tirreaġixxi? Se tqis il-​kummenti bħala att taʼ qalb tajba bl-​imħabba, jew se tieħu għalik?

19 L-​appostlu Pawlu kien igawdi relazzjoni mill-​qrib mal-​anzjani tal-​kongregazzjoni f’Efesu. Hu x’aktarx li kien jaf lil xi wħud minn dawn l-​irġiel minn mindu saru jemmnu. Imma matul l-​aħħar laqgħa tiegħu magħhom tahom xi pariri diretti. Kif irreaġixxew? Il-​ħbieb taʼ Pawlu ma ħadux għalihom. Minflok, huma apprezzaw l-​interess tiegħu fihom, u saħansitra bkew minħabba l-​ħsieb li mhux se jerġgħu jarawh.—Atti 20:17, 29, 30, 36-38.

20. X’se jagħmel ħabib li jħobb?

20 Ħbieb tajbin mhux biss jaċċettaw pariri għaqlin imma wkoll jagħtuhom. M’għandniex xi ngħidu, għandna bżonn nagħrfu meta m’għandniex ‘nindaħlu fl-​affarijiet taʼ ħaddieħor.’ (1 Tess. 4:11) U għandna nirrikonoxxu wkoll li kull wieħed minna “se jagħti kont tiegħu nnifsu lil Alla.” (Rum. 14:12) Imma meta jkun neċessarju, ħabib li jħobb se jfakkar b’qalb tajba lil sieħbu dwar il-​livelli taʼ Ġeħova. (1 Kor. 7:39) Pereżempju, x’se tagħmel jekk tinnota li ħabib mhux miżżewweġ qed jiżviluppa relazzjoni emozzjonali maʼ xi ħadd li mhuwiex tal-​istess twemmin? Se żżomm lura milli tgħidlu dwar it-​tħassib tiegħek għax tibżaʼ li tagħmel ħsara lill-​ħbiberija tagħkom? Jew jekk ħabibek jinjora l-​parir tiegħek, x’se tagħmel? Ħabib tajjeb se jfittex l-​għajnuna taʼ rgħajja kollhom imħabba biex jgħinu lil ħabib li jkun għamel xi pass falz. Azzjoni bħal din teħtieġ il-​kuraġġ. Madankollu, mhux se jkun hemm ħsara permanenti fuq ħbiberija li hi bbażata fuq l-​imħabba għal Ġeħova.

21. X’se nagħmlu lkoll kemm aħna kultant, imma għala hu vitali li nżommu ħbiberiji b’saħħithom fil-​kongregazzjoni?

21 Aqra Kolossin 3:13, 14. Kultant, ħbiebna se jkollhom ‘għalxiex jilmentaw’ kontrina, u huma wkoll se jagħmlu jew jgħidu affarijiet li jdejquna. “Ilkoll nitfixklu ħafna drabi,” kiteb Ġakbu. (Ġak. 3:2) Madankollu, dak li jiddetermina ħbiberija mhuwiex kemm spiss nidinbu kontra xulxin imma kemm naħfru għalkollox dawn in-​nuqqasijiet. Kemm hu vitali li nibnu ħbiberiji b’saħħithom billi nikkomunikaw bil-​miftuħ u naħfru lil xulxin mill-​qalb! Jekk nuruha din l-​imħabba se ssir “rabta perfetta li tgħaqqad.”

Int Kif Twieġeb?

• Kif nistgħu nagħmlu ħbieb tajbin?

• Meta jkun hemm bżonn li tintemm ħbiberija?

• X’għandna nagħmlu biex inżommu ħbiberiji b’saħħithom?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 18]

X’kienet il-​bażi tal-​ħbiberija dejjiema bejn Rut u Nagħomi?

[Stampa f’paġna 19]

Turi int ospitalità regolarment?