Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Intom Ħbiebi”

“Intom Ħbiebi”

“Intom ħbiebi jekk tagħmlu dak li qed nordnalkom.”—ĠW. 15:14.

1, 2. (a) Il-​ħbieb taʼ Ġesù minn liema ambjenti differenti kienu ġejjin? (b) Għala hu vitali li nkunu ħbieb maʼ Ġesù?

 L-​IRĠIEL bilqiegħda fil-​kamra taʼ fuq maʼ Ġesù kienu ġejjin minn ambjenti differenti tal-​ħajja. L-​aħwa Pietru u Indrì kienu sajjieda. Mattew, qabel kien kollettur tat-​taxxa—membru taʼ professjoni li kienet mistmerra mil-​Lhud. Xi wħud, bħal Ġakbu u Ġwanni, x’aktarx li kienu jafu lil Ġesù mit-​tfulija. Oħrajn, bħal Natanjel, forsi kienu ilhom jafuh ftit snin biss. (Ġw. 1:43-50) Madankollu, dawk kollha preżenti f’dak il-​lejl importanti tal-​Qbiż f’Ġerusalemm kienu konvinti li Ġesù kien il-​Messija mwiegħed, l-​Iben tal-​Alla l-​ħaj. (Ġw. 6:68, 69) Żgur li ħassewhom maħbubin meta qalilhom: “Sejjaħtilkom ħbieb, għax kulma smajt mingħand Missieri għarrafthulkom.”—Ġw. 15:15.

2 Dan il-​kliem li Ġesù qal lill-​appostli leali tiegħu japplika fil-​prinċipju għall-​Kristjani midlukin kollha llum u anki għal sħabhom in-​“nagħaġ oħrajn.” (Ġw. 10:16) Hu x’inhu l-​ambjent li ġejjin minnu, jistaʼ jkollna l-​privileġġ li nkunu ħbieb maʼ Ġesù. Il-​ħbiberija tagħna miegħu hi tal-​akbar importanza għax jekk inkunu ħbieb miegħu nkunu wkoll ħbieb maʼ Ġeħova. Fil-​fatt, huwa impossibbli li nersqu qrib lejn Ġeħova mingħajr ma l-​ewwel nersqu qrib lejn Kristu. (Aqra Ġwanni 14:6, 21.) Mela allura, x’għandna nagħmlu biex insiru u nibqgħu ħbieb maʼ Ġesù? Qabel ma neżaminaw dan is-​suġġett importanti, ejja neżaminaw l-​eżempju taʼ Ġesù stess dwar kif kien ħabib tajjeb u naraw x’nistgħu nitgħallmu minn dak li qalu u għamlu d-​dixxipli tiegħu minħabba din il-​ħbiberija.

ĠesùEżempju taʼ Kif Ikun Ħabib Tajjeb

3. Ġesù għal xiex kien magħruf?

3 “Ħafna huma l-​ħbieb taʼ l-​għani,” kiteb l-​għaref Sultan Salamun. (Prov. 14:20) Din l-​osservazzjoni tiġbor fil-​qosor it-​tendenza tal-​bnedmin imperfetti li jifformaw ħbiberiji bbażati fuq dak li jistgħu jirċievu minflok fuq dak li jistgħu jagħtu. Ġesù ma kellux dgħufija bħal din. Hu ma ġiex influwenzat mill-​qagħda finanzjarja jew soċjali taʼ persuna. Veru, Ġesù ħass imħabba għal ħakkiem żagħżugħ għani u stiednu biex ikun segwaċi tiegħu. Madankollu, Ġesù qal lir-​raġel biex ibigħ dak li kellu u jagħtih lill-​foqra. (Mk. 10:17-22; Lq. 18:18, 23) Ġesù kien magħruf bħala ħabib tan-​nies batuti u mistmerra, mhux tas-​sinjuri u l-​prominenti.—Mt. 11:19.

4. Għala nistgħu ngħidu li l-​ħbieb taʼ Ġesù kellhom in-​nuqqasijiet?

4 Ċertament, il-​ħbieb taʼ Ġesù kienu individwi b’nuqqasijiet. Pietru kultant naqas li jara l-​affarijiet minn perspettiva spiritwali. (Mt. 16:21-23) Ġakbu u Ġwanni wrew spirtu ambizzjuż meta staqsew biex Ġesù jagħtihom pożizzjonijiet prominenti fis-​Saltna. L-​azzjoni tagħhom irrabjat lill-​appostli l-​oħrajn, u l-​kwistjoni tal-​prominenza kienet il-​kaġun t’argumenti kontinwi. Madankollu, Ġesù bil-​paċenzja pprova jirranġa l-​ħsieb tal-​ħbieb tiegħu u ma rrabjax magħhom malajr.—Mt. 20:20-28.

5, 6. (a) Ġesù għala baqaʼ ħbieb mal-​biċċa l-​kbira mill-​appostli? (b) Ġesù għala temm il-​ħbiberija tiegħu maʼ Ġuda?

5 Ġesù ma baqax ħbieb maʼ dawn l-​irġiel imperfetti għax kien permissiv iżżejjed jew għax ma kienx jara l-​imperfezzjonijiet tagħhom. Minflok, hu għażel li jiffoka fuq l-​intenzjonijiet tajbin u fuq il-​kwalitajiet pożittivi tagħhom. Pereżempju, Pietru, Ġakbu, u Ġwanni raqdu minflok m’appoġġaw lil Ġesù matul l-​iktar żmien diffiċli tiegħu. Ġesù kellu raġun ikun diżappuntat bihom. Xorta waħda, hu ra li l-​motivi tagħhom kienu tajbin għax qalilhom: “L-​ispirtu hu ħerqan imma l-​laħam dgħajjef.”—Mt. 26:41.

6 B’kuntrast, Ġesù temm il-​ħbiberija tiegħu maʼ Ġuda l-​Iskarjota. Għalkemm Ġuda minn barra deher li żamm il-​ħbiberija, Ġesù induna li dak li qabel kien ħabib tal-​qalb kien ippermetta li qalbu tiġi korrotta. Minħabba li Ġuda sar ħabib tad-​dinja, hu għamel lilu nnifsu għadu t’Alla. (Ġak. 4:4) Għalhekk, Ġesù kien diġà bagħat lil Ġuda ’l barra meta Hu ddikjara l-​ħbiberija Tiegħu mal-​11-il appostlu leali li kien baqaʼ.—Ġw. 13:21-35.

7, 8. Ġesù kif wera mħabbtu għal ħbiebu?

7 Ġesù ma ffokax fuq in-​nuqqasijiet tal-​ħbieb leali tiegħu imma hu aġixxa fl-​aħjar interessi tagħhom. Pereżempju, hu talab lil Missieru biex jipproteġihom matul il-​provi tagħhom. (Aqra Ġwanni 17:11.) Ġesù wera konsiderazzjoni għal-​limitazzjonijiet fiżiċi tagħhom. (Mk. 6:30-32) U ma kienx interessat biss f’li jgħidilhom dak li kien jaħseb hu imma kien ukoll jismaʼ u jifhem dak li huma kienu jaħsbu u kif kienu jħossuhom.—Mt. 16:13-16; 17:24-26.

8 Ġesù għex u miet għal ħbiebu. Veru, hu kien jaf li kellu joffri ħajtu bħala ħtieġa legali biex jissodisfa l-​livell taʼ ġustizzja taʼ Missieru. (Mt. 26:27, 28; Ebr. 9:22, 28) Imma Ġesù ta ħajtu biex juri mħabbtu. Ġesù qal: “Ħadd m’għandu mħabba akbar minn din, li xi ħadd jagħti ruħu għal ħbiebu.”—Ġw. 15:13.

Id-​Dixxipli Kif Irreaġixxew għall-​Ħbiberija taʼ Ġesù?

9, 10. In-​nies kif irreaġixxew għall-​ġenerożità taʼ Ġesù?

9 Ġesù kien ġeneruż fil-​ħin, fl-​affezzjoni, u fl-​affarijiet materjali tiegħu. Minħabba f’hekk, in-​nies kienu jinġibdu lejh u kienu ferħanin li jagħtuh lura. (Lq. 8:1-3) Mill-​esperjenza persunali, Ġesù setaʼ jgħid: “Idraw agħtu, u n-​nies jagħtukom. Iferrgħulkom f’ħoġorkom kejl tajjeb, marsus, mheżżeż, u mfawwar. Għax bil-​kejl li tkejlu, ikejlulkom lura.”—Lq. 6:38.

10 M’għandniex xi ngħidu, xi wħud ipprovaw jissieħbu maʼ Ġesù sempliċement għal dak li setgħu jakkwistaw mingħandu. Dawn il-​ħbieb foloz abbandunaw lil Ġesù meta fehmu ħażin xi ħaġa li kien qal. Minflok ma fdaw f’Ġesù meta ma fehmuhx, huma malajr waslu għal konklużjoni żbaljata u ċaħduh. B’kuntrast, l-​appostli kienu leali. Il-​ħbiberija tagħhom maʼ Kristu spiss għaddiet minn prova, imma huma għamlu l-​aħjar li setgħu biex jappoġġawh matul żminijiet tajbin u koroh. (Aqra Ġwanni 6:26, 56, 60, 66-68.) Fl-​aħħar lejl tiegħu fuq l-​art bħala bniedem, Ġesù esprima l-​apprezzament tiegħu lejn ħbiebu, billi qalilhom: “Intom dawk li bqajtu miegħi fil-​provi tiegħi.”—Lq. 22:28.

11, 12. Ġesù kif aċċertahom lid-​dixxipli, u huma kif wieġbu?

11 Ftit wara li Ġesù faħħar lid-​dixxipli tiegħu għal-​lealtà tagħhom, dawn l-​istess irġiel abbandunawh. Għal ftit, huma ħallew il-​biżaʼ mill-​bniedem jegħleb l-​imħabba tagħhom għal Kristu. Għal darb’oħra, Ġesù ħafrilhom. Wara l-​mewt u l-​irxoxt tiegħu, hu dehrilhom u aċċertahom mill-​ħbiberija tiegħu. Iktar minn hekk, hu fdalhom inkarigu sagru—biex jagħmlu dixxipli “min-​nies tal-​ġnus kollha” u biex ikunu xhieda tiegħu “sa l-​iktar parti mbiegħda taʼ l-​art.” (Mt. 28:19; Atti 1:8) Id-​dixxipli kif wieġbu?

12 Id-​dixxipli ntefgħu b’ruħhom u ġisimhom f’li jxerrdu l-​messaġġ tas-​Saltna. Bl-​għajnuna tal-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova, huma malajr imlew lil Ġerusalemm bit-​tagħlim tagħhom. (Atti 5:27-29) Lanqas saħansitra t-​theddida tal-​mewt ma waqqfithom milli jobdu l-​kmand taʼ Ġesù biex jagħmlu dixxipli. Wara biss ftit għaxriet taʼ snin li rċivew il-​kmand taʼ Ġesù, l-​appostlu Pawlu setaʼ jikteb li l-​aħbar tajba kienet ġiet pritkata “fil-​ħolqien kollu li hu taħt is-​sema.” (Kol. 1:23) Ċertament, dawn id-​dixxipli wrew li huma kienu japprezzaw il-​ħbiberija kbira li kellhom maʼ Ġesù!

13. Id-​dixxipli taʼ Ġesù b’liema modi ħallew it-​tagħlim tiegħu jeffettwahom?

13 Dawk li saru dixxipli ħallew ukoll it-​tagħlim taʼ Ġesù jeffettwa l-​ħajja persunali tagħhom. Għal ħafna, dan kien ifisser li jagħmlu bidliet kbar fl-​imġiba u fil-​personalità tagħhom. Xi dixxipli ġodda qabel kienu omosesswali, adulteri, sakranazzi, jew ħallelin. (1 Kor. 6:9-11) Oħrajn kellhom ibiddlu l-​attitudni tagħhom lejn dawk taʼ razza oħra. (Atti 10:25-28) Xorta waħda, huma obdew lil Ġesù. Huma neżgħu l-​personalità l-​qadima tagħhom u libsu l-​ġdida. (Efes. 4:20-24) Saru familjari mal-​“moħħ taʼ Kristu,” billi fehmu u imitaw il-​mod kif jaħseb u jaġixxi hu.—1 Kor. 2:16.

Ħbiberija maʼ Kristu Llum

14. Ġesù x’wiegħed li se jagħmel matul il-​“konklużjoni tas-​sistema”?

14 Ħafna mill-​Kristjani tal-​ewwel seklu kienu jafu lil Ġesù personalment jew rawh wara li ġie rxoxtat. Ovvjament, aħna ma kellniex dan il-​privileġġ. Allura, kif nistgħu nkunu ħbieb taʼ Kristu? Mod wieħed hu billi nobdu d-​direzzjoni li tagħtina l-​klassi tal-​ilsir leali u għaqli, li hi magħmula minn ħut Ġesù midlukin bl-​ispirtu li għadhom ħajjin fuq l-​art. Ġesù wiegħed li matul il-​“konklużjoni tas-​sistema,” hu kien se jaħtar lil dan l-​ilsir “fuq kulma għandu.” (Mt. 24:3, 45-47) Illum, il-​biċċa l-​kbira minn dawk li jfittxu li jkunu ħbieb maʼ Kristu mhumiex membri taʼ din il-​klassi tal-​ilsir. Il-​mod kif iwieġbu għad-​direzzjoni li jirċievu mingħand il-​klassi tal-​ilsir leali kif jinfluwenza l-​ħbiberija tagħhom maʼ Kristu?

15. X’se jiddetermina jekk persuna tkunx magħduda bħala nagħġa jew bħala mogħża?

15 Aqra Mattew 25:31-40. Ġesù sejħilhom ħutu lil dawk li jifformaw il-​klassi tal-​ilsir leali. Fit-​tixbiha tiegħu dwar is-​separazzjoni tan-​nagħaġ mill-​mogħoż, Ġesù b’mod ċar jgħid li hu jqis il-​mod kif nittrattaw lil ħutu bħala xi ħaġa persunali. Fil-​fatt, hu qal li dak li kien se jiddetermina nagħġa minn mogħża kien se jkun il-​mod kif individwu ttratta saħansitra lil ‘wieħed mill-​iżgħar minn dawn ħutu.’ Għalhekk, il-​mod primarju li bih dawk li għandhom it-​tama għall-​art juru x-​xewqa tagħhom li jkunu ħbieb maʼ Kristu hu billi jappoġġaw il-​klassi tal-​ilsir leali.

16, 17. Kif nistgħu nuru l-​ħbiberija tagħna lejn ħut Kristu?

16 Jekk int tittama li tgħix fuq l-​art taħt is-​Saltna t’Alla, kif tistaʼ turi l-​ħbiberija tiegħek lejn ħut Kristu? Ejja nikkunsidraw tliet modi biss. L-​ewwel, billi tieħu sehem b’qalbek kollha fix-​xogħol tal-​ippritkar. Kristu kkmanda lil ħutu biex jippritkaw l-​aħbar tajba mad-​dinja kollha. (Mt. 24:14) Madankollu, il-​fdal taʼ ħut Kristu fuq l-​art illum kieku jsibuha diffiċli biex iwettqu din ir-​responsabbiltà mingħajr l-​għajnuna taʼ sħabhom in-​nagħaġ l-​oħrajn. Fil-​fatt, kull darba li membri tal-​klassi tan-​nagħaġ oħrajn jieħdu sehem fix-​xogħol tal-​ippritkar, huma jkunu qed jgħinu lil ħut Kristu biex iwettqu l-​inkarigu sagru tagħhom. Kristu u l-​klassi tal-​ilsir leali u għaqli japprezzaw ħafna dan l-​att taʼ ħbiberija.

17 It-​tieni mod li bih dawk tal-​klassi tan-​nagħaġ oħrajn jistgħu jgħinu lil ħut Kristu hu billi jappoġġaw finanzjarjament ix-​xogħol tal-​ippritkar. Ġesù ħeġġeġ lis-​segwaċi tiegħu biex jagħmlu ħbieb għalihom infushom permezz “taʼ l-​għana mhux ġust.” (Lq. 16:9) Mhux għax nistgħu nixtru l-​ħbiberija maʼ Ġesù jew maʼ Ġeħova. Minflok, billi nużaw il-​ġid materjali biex inġibu ’l quddiem l-​interessi tas-​Saltna, aħna nkunu qed nuru l-​ħbiberija u l-​imħabba tagħna, mhux biss bil-​kliem, imma “bl-​għemil u l-​verità.” (1 Ġw. 3:16-18) Aħna nagħtu appoġġ finanzjarju bħal dan meta nieħdu sehem fix-​xogħol tal-​ippritkar, meta nagħtu xi flus għall-​kostruzzjoni u għall-​manutenzjoni tal-​postijiet taʼ qima tagħna, u meta nikkontribwixxu fondi għax-​xogħol tal-​ippritkar mad-​dinja kollha. Hu kemm hu l-​ammont li nikkontribwixxu, kemm Ġeħova kif ukoll Ġesù ċertament li japprezzaw l-​għoti bil-​ferħ tagħna.—2 Kor. 9:7.

18. Għala għandna nobdu d-​direzzjoni bbażata fuq il-​Bibbja li tingħata mill-​anzjani tal-​kongregazzjoni?

18 It-​tielet mod li bih ilkoll kemm aħna nuru li aħna ħbieb taʼ Kristu hu billi nikkooperaw mad-​direzzjoni provduta mill-​anzjani tal-​kongregazzjoni. Dawn l-​irġiel huma maħturin mill-​ispirtu qaddis taħt id-​direzzjoni taʼ Kristu. (Efes. 5:23) “Kunu ubbidjenti lejn dawk li qed imexxu fostkom u kunu sottomessi lejhom,” kiteb l-​appostlu Pawlu. (Ebr. 13:17) Kultant nistgħu nsibuha taʼ sfida li nobdu direzzjoni bbażata fuq il-​Bibbja li tingħata mill-​anzjani lokali. X’aktarx li aħna konxji tal-​imperfezzjonijiet tagħhom, u dan jistaʼ jġegħelna nħarsu lejn il-​parir tagħhom b’mod ħażin. Xorta waħda, Kristu, il-​Kap tal-​kongregazzjoni, hu kuntent li juża lil dawn l-​irġiel imperfetti. Għalhekk, il-​mod kif nirreaġixxu għall-​awtorità tagħhom jinfluwenza direttament il-​ħbiberija tagħna maʼ Kristu. Meta ngħalqu għajnejna għan-​nuqqasijiet tal-​anzjani u bil-​ferħ insegwu d-​direzzjoni tagħhom, nuru l-​imħabba tagħna lejn Kristu.

Fejn Nistgħu Nsibu Ħbieb Tajbin

19, 20. X’nistgħu nsibu fil-​kongregazzjoni, u x’se nikkunsidraw darb’oħra?

19 Ġesù jkompli jieħu ħsiebna mhux biss permezz t’indokrar minn rgħajja kollhom imħabba, imma wkoll billi pprovdielna ommijiet u aħwa spiritwali fil-​kongregazzjoni. (Aqra Marku 10:29, 30.) Meta int għall-​ewwel bdejt tissieħeb mal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, kif irreaġixxew qrabatek? Nittamaw li appoġġaw l-​isforzi tiegħek biex tersaq qrib lejn Alla u Kristu. Imma Ġesù wissa li kultant “bniedem ikollu n-​nies taʼ daru stess għedewwa tiegħu.” (Mt. 10:36) Kemm hu taʼ faraġ li nkunu nafu li fil-​kongregazzjoni nistgħu nsibu wħud li jintrabtu magħna iktar minn ħu letterali!—Prov. 18:24.

20 Bħalma hu indikat mit-​tislijiet persunali taʼ Pawlu fil-​konklużjoni tal-​ittra tiegħu lill-​kongregazzjoni taʼ Ruma, hu għamel ħafna ħbieb tal-​qalb. (Rum. 16:8-16) L-​appostlu Ġwanni għalaq it-​tielet ittra tiegħu bil-​kliem: “Sellili għall-​ħbieb b’isimhom.” (3 Ġw. 14) Ovvjament, hu wkoll kien żviluppa ħbiberiji dejjiema. Kif nistgħu aħna nimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù u tad-​dixxipli tal-​bidu billi nagħmlu u nżommu ħbiberiji b’saħħithom maʼ ħutna spiritwali? L-​artiklu li jmiss se jikkunsidra t-​tweġiba għal din il-​mistoqsija.

Int Kif Twieġeb?

• Liema eżempju ħalla Ġesù dwar kif ikun ħabib tajjeb?

• Id-​dixxipli kif irreaġixxew għall-​ħbiberija taʼ Ġesù?

• Kif nistgħu nuru li aħna ħbieb taʼ Kristu?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 14]

Ġesù kien interessat f’dak li kienu jaħsbu ħbiebu u kif kienu jħossuhom

[Stampi f’paġna 16]

Kif nistgħu nuru x-​xewqa tagħna li nkunu ħbieb maʼ Kristu?