Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Kunu Mħeġġin bl-Ispirtu”

“Kunu Mħeġġin bl-Ispirtu”

“Titnikkrux f’xogħolkom. Kunu mħeġġin bl-​ispirtu. Tjassru għal Ġeħova.”—RUM. 12:11.

1. L-​Israelin għala għamlu sagrifiċċji tal-​annimali u offerti oħrajn?

 ĠEĦOVA japprezza s-​sagrifiċċji mill-​qalb li jagħmlu l-​qaddejja tiegħu biex jesprimu mħabbithom lejh u s-​sottomissjoni tagħhom għar-​rieda tiegħu. Fi żmien il-​qedem, hu aċċetta diversi sagrifiċċji tal-​annimali u offerti oħrajn. Dawn saru fi qbil mal-​Liġi Mosajka minn Israelin li kienu qed ifittxu li jiksbu l-​maħfra għad-​dnubiet u biex jesprimu radd il-​ħajr. Fil-​kongregazzjoni Kristjana, Ġeħova ma jitlobx minna sagrifiċċji formali u materjali bħal dawn. Madankollu, f’kapitlu 12 tal-​ittra tiegħu lill-​Kristjani f’Ruma, l-​appostlu Pawlu juri li xorta hu mistenni minna li noffru xi sagrifiċċji. Ejja naraw kif.

Sagrifiċċju Ħaj

2. Bħala Kristjani, liema mod taʼ ħajja ngħixu, u dan x’jinvolvi?

2 Aqra Rumani 12:1, 2. Lejn il-​bidu tal-​ittra tiegħu, Pawlu wera biċ-​ċar li l-​Kristjani midlukin, kemm jekk Lhud u kemm jekk Ġentili, kienu dikjarati ġusti quddiem Alla bil-​fidi, mhux bl-​għemejjel. (Rum. 1:16; 3:20-24) F’kapitlu 12, Pawlu jispjega li l-​Kristjani għandhom juru l-​gratitudni tagħhom billi jgħixu ħajja taʼ sagrifiċċji persunali. Sabiex nagħmlu dan, hemm bżonn li nġeddu moħħna. Minħabba l-​imperfezzjoni li writna, aħna suġġettati għal-​“liġi tad-​dnub u l-​mewt.” (Rum. 8:2) Għalhekk, għandna bżonn ninbidlu, jiġifieri, ‘niġġeddu fil-​forza li qed tqanqal lil moħħna,’ billi nbiddlu l-​inklinazzjonijiet tagħna b’mod drastiku. (Efes. 4:23) Bidla kompleta bħal din tistaʼ ssir biss bl-​għajnuna t’Alla u tal-​ispirtu tiegħu. Tirrikjedi wkoll sforz kbir min-​naħa tagħna, billi nużaw “il-​qawwa tar-​raġuni” tagħna. Dan ifisser li nagħmlu l-​almu tagħna biex ma nkunux “magħġunin skond din is-​sistema” bil-​morali korrotti, id-​divertiment baxx, u l-​mod taʼ ħsieb mgħawweġ tagħha.—Efes. 2:1-3.

3. Għala nieħdu sehem f’attivitajiet Kristjani?

3 Pawlu jistidinna wkoll biex nużaw “il-​qawwa tar-​raġuni” tagħna biex nagħtu prova lilna nfusna tar-​“rieda tajba u aċċettabbli u perfetta t’Alla.” Għala naqraw il-​Bibbja kuljum, nimmeditaw fuq dak li naqraw, nitolbu, nattendu l-​laqgħat Kristjani, u nieħdu sehem fl-​ippritkar tal-​aħbar tajba tas-​Saltna? Huwa minħabba li l-​anzjani tal-​kongregazzjoni jħeġġuna biex nagħmlu dan? Huwa minnu li aħna grati għat-​tfakkiriet t’għajnuna li jagħtu l-​anzjani. Imma aħna nieħdu sehem f’attivitajiet Kristjani għaliex niġu mqanqlin mill-​ispirtu t’Alla biex nuru l-​imħabba tagħna mill-​qalb lejn Ġeħova. Iżjed minn hekk, aħna konvinti personalment li hija r-​rieda t’Alla għalina li nwettqu dawn l-​attivitajiet. (Żak. 4:6; Efes. 5:10) Iġibilna ħafna ferħ u sodisfazzjon il-​fatt li nirrealizzaw li billi ngħixu ħajja verament Kristjana, nistgħu nkunu aċċettabbli għal Alla.

Għotjiet Differenti

4, 5. L-​anzjani Kristjani kif għandhom jużaw l-​għotjiet tagħhom?

4 Aqra Rumani 12:6-8, 11. Pawlu jispjega li “għandna għotjiet differenti skond il-​qalb tajba mhix mistħoqqa li ntwerejna.” Ftit mill-​għotjiet li jsemmi Pawlu—li wieħed iwiddeb u li jippresiedi—jikkonċernaw b’mod speċjali lill-​anzjani Kristjani, li huma mwissijin biex jippresiedu “bil-​ħeġġa kollha.”

5 Din l-​istess ħeġġa għandha tkun evidenti, jgħid Pawlu, fil-​mod kif indokraturi jaqdu bħala għalliema u jwettqu “ministeru.” Il-​kuntest jidher li jindika li Pawlu hawn jirreferi għal “ministeru” li jitwettaq fil-​kongregazzjoni, jew fil-​“ġisem wieħed.” (Rum. 12:4, 5) Dan il-​ministeru huwa simili għall-​wieħed imsemmi f’Atti 6:4, fejn l-​appostli jiddikjaraw: “Aħna ningħataw għat-​talb u għall-​ministeru tal-​kelma.” X’jinvolvi ministeru bħal dan? Anzjani Kristjani jużaw l-​għotjiet tagħhom biex jibnu lill-​membri tal-​kongregazzjoni. Juru li huma medhijin “b’dan il-​ministeru” meta b’ħeġġa jipprovdu gwida u istruzzjoni lill-​kongregazzjoni mill-​Kelma t’Alla bl-​istudju, ir-​riċerka, it-​tagħlim, u l-​indokrar tagħhom li jagħmlu bit-​talb. L-​indokraturi għandhom jużaw l-​għotjiet tagħhom b’mod kuxjenzjuż u jieħdu ħsieb in-​nagħaġ “bil-​ferħ.”—Rum. 12:7, 8; 1 Pt. 5:1-3.

6. Kif nistgħu nsegwu l-​parir li ngħata f’Rumani 12:11, l-​iskrittura użata bħala t-​tema taʼ dan l-​artiklu?

6 Pawlu jkompli jgħid: “Titnikkrux f’xogħolkom. Kunu mħeġġin bl-​ispirtu. Tjassru għal Ġeħova.” Jekk nindunaw li għandna t-​tendenza li ma nwettqux il-​ministeru tagħna bl-​entużjażmu, għandna mnejn ikollna nirrivedu d-​drawwiet taʼ studju tagħna u nitolbu b’iktar ħeġġa u iktar spiss għall-​ispirtu taʼ Ġeħova, li jistaʼ jgħinna negħlbu kwalunkwe nuqqas taʼ ħeġġa u nġeddu ż-​żelu tagħna. (Lq. 11:9, 13; Riv. 2:4; 3:14, 15, 19) L-​ispirtu qaddis qanqal lill-​Kristjani tal-​bidu biex jitkellmu dwar “l-​affarijiet grandjużi t’Alla.” (Atti 2:4, 11) Bl-​istess mod, jistaʼ jqanqalna nkunu żelużi fil-​ministeru, biex inkunu “mħeġġin bl-​ispirtu.”

L-​Umiltà u l-​Modestja

7. Għala għandna naqdu bl-​umiltà u l-​modestja?

7 Aqra Rumani 12:3, 16. L-​għotjiet li jistaʼ jkollna huma grazzi għall-​“qalb tajba mhix mistħoqqa” taʼ Ġeħova. F’vers ieħor Pawlu jgħid: “Il-​fatt li aħna kwalifikati biżżejjed ġej minn Alla.” (2 Kor. 3:5) Għalhekk, m’għandniex nigglorifikaw lilna nfusna. Għandna nirrikonoxxu umilment li kwalunkwe suċċess li jistaʼ jkollna fil-​ministeru tagħna huwa r-​riżultat tal-​barka t’Alla, mhux tal-​abbiltà tagħna. (1 Kor. 3:6, 7) Fi qbil maʼ dan, Pawlu jgħid: “Ngħid lil kull wieħed minnkom biex ma jaħsibx li hu xi ħaġa iktar milli hu xieraq.” Huwa neċessarju li jkollna rispett lejna nfusna u li nsibu ferħ u sodisfazzjon fis-​servizz tagħna lil Ġeħova. Madankollu, il-​fatt li nkunu modesti, jew li nkunu konxji tal-​limitazzjonijiet tagħna, se jgħinna biex ma nkunux taʼ rasna. Minflok, irridu ‘naħsbu b’tali mod li jkollna moħħ f’loku.’

8. Kif nistgħu nevitaw li nkunu ‘għaqlin f’għajnejna stess’?

8 Ikun bluha min-​naħa tagħna jekk niftaħru b’dak li nwettqu. Huwa “Alla li jkabbar.” (1 Kor. 3:7) Pawlu jgħid li Alla ta lil kull membru tal-​kongregazzjoni “qjies taʼ fidi.” Minflok ma nħossuna superjuri, għandna nagħrfu li oħrajn qed iwettqu affarijiet skont il-​qjies taʼ fidi li għandhom. Pawlu jżid jgħid: “Aħsbu f’oħrajn bl-​istess mod kif taħsbu fikom infuskom.” F’ittra oħra minn tiegħu, l-​appostlu jgħidilna biex ‘ma nagħmlu xejn bi ġlied jew bi kburija, imma b’umiltà nqisu lill-​oħrajn superjuri għalina.’ (Flp. 2:3) Hemm bżonn t’umiltà vera u sforz kuxjenzjuż biex nagħrfu li kull wieħed u waħda minn ħutna huma superjuri għalina b’xi mod jew ieħor. L-​umiltà se twaqqafna milli nkunu ‘għaqlin f’għajnejna stess.’ Filwaqt li privileġġi taʼ servizz speċjali jistgħu jagħmlu lil xi wħud jispikkaw, ilkoll se nsibu ferħ kbir jekk inwettqu affarijiet “umli” li spiss ma jiġux notati minn bnedmin oħrajn.—1 Pt. 5:5.

L-​Unità Kristjana Tagħna

9. Pawlu għala jqabbel lill-​Kristjani midlukin bl-​ispirtu maʼ membri taʼ ġisem?

9 Aqra Rumani 12:4, 5, 9, 10. Pawlu jqabbel lill-​Kristjani midlukin maʼ membri taʼ ġisem li jaqdu flimkien taħt ir-​Ras tagħhom, Kristu. (Kol. 1:18) Hu jfakkar lill-​Kristjani midlukin bl-​ispirtu li ġisem għandu ħafna membri b’funzjonijiet differenti u li dawn, ‘għalkemm ħafna, huma ġisem wieħed f’unjoni maʼ Kristu.’ B’mod simili, Pawlu ħeġġeġ lill-​Kristjani midlukin f’Efesu: “Ħa nikbru bl-​imħabba f’kollox fi Kristu, li hu l-​kap. Minnu l-​ġisem kollu, li hu magħqud flimkien b’mod armonjuż u magħmul biex jikkoopera permezz taʼ kull ġog li jagħti dak li hu meħtieġ, skond ix-​xogħol taʼ kull membru rispettiv bi qjies xieraq, jaħdem għat-​tkabbir tal-​ġisem biex jibni lilu nnifsu fl-​imħabba.”—Efes. 4:15, 16.

10. Liema awtorità għandhom jirrikonoxxu n-​“nagħaġ oħrajn”?

10 Għalkemm in-​“nagħaġ oħrajn” mhumiex parti mill-​ġisem kompost taʼ Kristu, jistgħu jitgħallmu ħafna minn din it-​tixbiha. (Ġw. 10:16) Pawlu jgħid li Ġeħova ‘ssuġġetta kollox taħt [saqajn Kristu], u għamlu kap fuq kollox għall-​kongregazzjoni.’ (Efes. 1:22) Illum, in-​nagħaġ oħrajn huma parti minn “kollox,” jiġifieri, dak kollu li Ġeħova qiegħed taħt Ibnu bħala l-​kap. Huma wkoll fost “kulma għandu,” jiġifieri, dak kollu li Kristu fada f’idejn l-​“ilsir leali u għaqli” tiegħu. (Mt. 24:45-47) Għalhekk, dawk b’tama għall-​art għandhom jirrikonoxxu lil Kristu bħala l-​Kap tagħhom u jkunu sottomessi lejn l-​ilsir leali u għaqli u l-​Ġemgħa li Tiggverna tiegħu u lejn l-​irġiel maħturin bħala indokraturi fil-​kongregazzjoni. (Ebr. 13:7, 17) Dan jikkontribwixxi għall-​unità Kristjana.

11. L-​unità tagħna fuqiex hija bbażata, u liema parir ieħor ta Pawlu?

11 Unità bħal din hija bbażata fuq l-​imħabba, ir-​“rabta perfetta li tgħaqqad.” (Kol. 3:14) F’Rumani kapitlu 12, Pawlu jenfasizza dan, billi jgħid li mħabbitna għandha tkun “mingħajr ipokrisija” u li “bi mħabba lejn l-​aħwa” għandu jkollna “affezzjoni tenera lejn xulxin.” Dan iwassal biex ikollna rispett lejn xulxin. L-​appostlu jgħid: “Kunu minn taʼ quddiem biex tonoraw lil xulxin.” M’għandniex xi ngħidu, m’għandniex inħalltu l-​imħabba mas-​sentimentalità. Għandna nagħmlu ħilitna kollha biex inżommu l-​kongregazzjoni nadifa. Meta ta dan il-​parir dwar l-​imħabba, Pawlu żied jgħid: “Stmerru dak li hu ħażin, żommu sod maʼ dak li hu tajjeb.”

Uru Dejjem l-​Ospitalità

12. Rigward li tintwera l-​ospitalità, x’nistgħu nitgħallmu mill-​Kristjani fil-​Maċedonja tal-​qedem?

12 Aqra Rumani 12:13. Imħabbitna għal ħutna se tqanqalna biex ‘naqsmu milli għandna mal-​qaddisin skond il-​ħtiġijiet tagħhom’ u skont l-​abbiltà tagħna. Anki jekk aħna fqar, nistgħu naqsmu dak li għandna m’oħrajn. Meta kiteb dwar il-​Kristjani fil-​Maċedonja, Pawlu qal: “Minkejja l-​faqar bla qjies tagħhom, tqanqlu minn ferħ kbir u wrew li kienu għonja spiritwalment permezz tal-​ġenerożità kbira tagħhom. Għax skond kemm setgħu, iva, nixhdilhom li kien saħansitra iktar milli setgħu, minn jeddhom baqgħu jitolbuna bi ħrara kbira biex ikollhom il-​privileġġ li jagħtu b’qalb tajba u jieħdu sehem fil-​ministeru li kellu jsir lill-​qaddisin [fil-Lhudija].” (2 Kor. 8:2-4) Għalkemm huma nfushom kienu fqar, il-​Kristjani fil-​Maċedonja kienu ġenerużi ħafna. Huma qisuh bħala privileġġ li jaqsmu maʼ ħuthom fil-​Lhudija li kienu fil-​bżonn.

13. Xi tfisser il-​frażi “uru dejjem l-​ospitalità”?

13 Il-​frażi “uru dejjem l-​ospitalità” hija traduzzjoni t’espressjoni Griega li timplika li wieħed jieħu l-​inizjattiva. The New Jerusalem Bible tittraduċi din l-​espressjoni “fittex opportunitajiet biex tkun ospitabbli.” Kultant l-​ospitalità tintwera billi nistiednu lil xi ħadd għal xi ikla, u meta dan isir bl-​imħabba, hu taʼ min ifaħħru. Imma jekk nieħdu l-​inizjattiva, se niskopru ħafna iktar modi kif nuru l-​ospitalità. Pereżempju, jekk m’għandniex il-​mezzi jew is-​saħħa biex nistiednu lil oħrajn għal xi ikla, li noffru kikkra kafè, te, jew xi ħaġa oħra huwa mod ieħor kif nuru l-​ospitalità.

14. (a) Il-​kelma Griega tradotta “ospitalità” hi magħmula minn liema kliem? (b) Fil-​ministeru, kif nistgħu nuru l-​interess li għandna fil-​barranin?

14 L-​ospitalità tinvolvi l-​ħarsa tagħna. Il-​kelma Griega tradotta “ospitalità” hi magħmula minn żewġ kelmiet tal-​għerq li jfissru “mħabba” u “stranġier.” Kif inħossuna lejn l-​istranġieri, jew il-​barranin? Kristjani li jistinkaw biex jitgħallmu lingwa oħra sabiex jippritkaw l-​aħbar tajba fost barranin li jkunu marru joqogħdu fit-​territorju tal-​kongregazzjoni tagħhom jistgħu verament jingħaddu fost dawk li dejjem juru l-​ospitalità. M’għandniex xi ngħidu, ħafna minna m’aħniex f’pożizzjoni li nitgħallmu lingwa oħra. Xorta waħda, ilkoll kemm aħna jistaʼ jkollna sehem siewi f’li ngħinu lill-​barranin billi nagħmlu użu tajjeb mill-​ktejjeb tagħna Good News for People of All Nations, li fih messaġġ Bibliku b’ħafna lingwi. Kellek riżultati tajbin meta użajt dan il-​ktejjeb fil-​ministeru?

Inħossu Għal Xulxin

15. Ġesù kif wera xi jfisser il-​parir li ngħata f’Rumani 12:15?

15 Aqra Rumani 12:15. Il-​parir taʼ Pawlu f’dan il-​vers jistaʼ jinġabar f’żewġ kelmiet: Uri empatija. Hemm bżonn nitgħallmu nifhmu u saħansitra nħossu s-​sentimenti taʼ ħaddieħor, kemm jekk taʼ ferħ u kemm jekk taʼ niket. Jekk aħna mħeġġin bl-​ispirtu, is-​sentimenti li nħossu taʼ ferħ jew mogħdrija se jkunu jidhru. Meta 70 dixxiplu taʼ Kristu rritornaw bil-​ferħ minn kampanja taʼ ppritkar u rrakkontaw ir-​riżultati tajbin taʼ xogħolhom, Ġesù nnifsu “ħass ferħ kbir bl-​ispirtu qaddis.” (Lq. 10:17-21) Hu ħass il-​ferħ tagħhom. Mill-​banda l-​oħra, Ġesù ‘beka maʼ min kien qed jibki’ meta miet il-​ħabib tiegħu Lazzru.—Ġw. 11:32-35.

16. Kif nistgħu nuru li nħossu għal xulxin, u min, b’mod partikulari, għandu jagħmel dan?

16 Aħna rridu nsegwu l-​eżempju t’empatija li wera Ġesù. Meta Kristjan seħibna jifraħ, aħna nixtiequ nħossu l-​ferħ tiegħu. B’mod simili, għandna nkunu sensittivi għall-​uġigħ u n-​niket taʼ ħutna rġiel u nisa. Spiss, nistgħu nġibu ħafna serħan lil sħabna fit-​twemmin li qed isofru emozzjonalment jekk nieħdu l-​ħin biex nisimgħuhom bl-​empatija. U kultant, nistgħu nsibu li tant nitqanqlu li l-​empatija sinċiera tagħna tintwera bid-​dmugħ. (1 Pt. 1:22) L-​anzjani, b’mod partikulari, għandhom isegwu l-​parir li Pawlu jagħti dwar l-​empatija.

17. X’tgħallimna s’issa minn Rumani kapitlu 12, u x’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

17 Il-​versi li kkunsidrajna s’issa f’Rumani kapitlu 12 tawna pariri li nistgħu napplikaw fil-​ħajja persunali tagħna bħala Kristjani u fir-​relazzjoni tagħna maʼ ħutna. Fl-​artiklu li jmiss, se neżaminaw il-​kumplament tal-​versi taʼ dan il-​kapitlu, li jiddiskutu kif għandna nħarsu lejn in-​nies barra l-​kongregazzjoni Kristjana u kif għandna nittrattawhom, inkluż dawk li jopponuna u jippersegwitawna.

Bħala Reviżjoni

• Kif nuru li aħna “mħeġġin bl-​ispirtu”?

• Għala għandna naqdu lil Alla bl-​umiltà u l-​modestja?

• B’liema modi nistgħu nuru l-​empatija u l-​mogħdrija maʼ sħabna fit-​twemmin?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampi f’paġna 4]

Għala nieħdu sehem f’dawn l-​attivitajiet Kristjani?

[Stampa f’paġna 6]

Kull wieħed u waħda minna kif jistaʼ jieħu sehem f’li jgħin lill-​barranin jitgħallmu dwar is-​Saltna?