Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

X’Nitgħallmu Minn Proverbji 24:27?

Il-​kittieb taʼ Proverbji jagħti dan il-​parir lil raġel żagħżugħ: “Ipprepara xogħlok barra, u ħejjih għalik fl-​għalqa. Imbagħad ibni wkoll lil taʼ darek.” X’punt qed joħroġ dan il-​proverbju mnebbaħ? Li raġel għandu jipprepara sew qabel jiżżewweġ u jibda l-​familja tiegħu stess, billi jagħraf ir-​responsabbiltajiet li hemm involuti f’dan l-​obbligu.

Fil-passat, dan il-​vers xi drabi ġie spjegat bħala li jfisser li raġel miżżewweġ u missier ma jridx jieħu ħsieb biss ix-​xogħol sekulari tiegħu, imma wkoll li jibni, jew jinkuraġġixxi lill-​familja tiegħu, pereżempju billi jgħallimhom dwar Alla u l-​Bibbja. Filwaqt li dan il-​ħsieb ċertament huwa minnu u Skritturali, jidher li mhuwiex il-​punt prinċipali taʼ dan il-​vers. Għala le? Ikkunsidra żewġ raġunijiet.

L-ewwel, konsiderazzjoni tal-​lingwa oriġinali taʼ din il-​frażi tindika li hawn mhuwiex qed jitkellem dwar li jibni fis-​sens taʼ li jinkuraġġixxi, jew isaħħaħ, il-​familja li diġà għandu. Pjuttost, l-​idea hi li jibni dar letteralment. Il-​kelma tradotta “ibni” tistaʼ tkun ukoll figurattiva, fis-​sens taʼ li wieħed jibni, jew jistabbilixxi, familja—jiġifieri, li jiżżewweġ u jkollu t-​tfal.

It-tieni, il-​vers jenfasizza li wieħed jagħmel l-​affarijiet fl-​ordni xierqa, bħallikieku, “L-​ewwel agħmel hekk; imbagħad agħmel hekk.” Għalhekk, mela, jistaʼ jkun li dan il-​proverbju qed jissuġġerixxi li r-​responsabbiltajiet sekulari jiġu qabel dawk spiritwali? Dażgur li le!

Fi żminijiet Bibliċi, jekk raġel ried ‘jibni daru,’ jew jistabbilixxi familja billi jiżżewweġ, hu kellu bżonn jistaqsi lilu nnifsu, ‘Lest jien biex nieħu ħsieb u mmantni mara u t-​tfal li jistaʼ jkollna iktar ’il quddiem?’ Qabel ma jibda familja, hu kellu xogħol x’jagħmel, li jieħu ħsieb l-​għelieqi jew l-​uċuħ tar-​rabaʼ. B’hekk, it-​Today’s English Version, tgħid ċar u tond: “M’għandekx tibni darek u tistabbilixxi dar qabel ikunu lesti l-​għelieqi tiegħek, u tkun ċert li tistaʼ taqlaʼ l-​għajxien.” Għadu japplika dan il-​prinċipju llum?

Iva. Raġel li jrid jiżżewweġ jeħtieġ li jipprepara sew għal din ir-​responsabbiltà. Jekk hu b’saħħtu fiżikament se jkollu jaħdem. M’għandniex xi ngħidu, ix-​xogħol iebes taʼ raġel m’għandux ikun limitat għal li jipprovdi affarijiet materjali għall-​familja tiegħu. Il-​Kelma t’Alla tindika li raġel li ma jiħux ħsieb il-​bżonnijiet fiżiċi, emozzjonali, u spiritwali tal-​familja tiegħu hu agħar minn bniedem mingħajr fidi! (1 Tim. 5:8) Għaldaqstant, żagħżugħ li qed jipprepara għaż-​żwieġ u biex ikollu familja għandu jistaqsi lilu nnifsu mistoqsijiet bħal dawn: ‘Preparat jien b’mod raġunevoli biex nipprovdi materjalment għal familja? Lest jien li bħala kap immexxi familja spiritwalment? Se nwettaq jien ir-​responsabbiltà li nistudja regolarment il-​Bibbja maʼ marti u wliedi?’ Il-​Kelma t’Alla ċertament li tenfasizza dawn ir-​responsabbiltajiet vitali.—Dt. 6:6-8; Efes. 6:4.

Għalhekk, raġel żagħżugħ li qed ifittex sieħba fiż-​żwieġ għandu jirrifletti bis-​serjetà dwar il-​prinċipju misjub fi Proverbji 24:27. Bl-​istess mod, mara żagħżugħa tagħmel tajjeb li tistaqsi lilha nfisha jekk hijiex preparata għar-​responsabbiltajiet taʼ li tkun sieħba fiż-​żwieġ u omm. Koppja żagħżugħa jistgħu jistaqsu lilhom infushom mistoqsijiet bħal dawn meta jkunu qed jaħsbu dwar il-​possibbiltà li jkollhom it-​tfal. (Lq. 14:28) Meta n-​nies t’Alla japplikaw din il-​gwida mnebbħa f’ħajjithom, huma se jiġu megħjunin biex jevitaw ħafna qsim il-​qalb u jgawdu ħajja tal-​familja premjanti.

[Kumment f’paġna 12]

Raġel żagħżugħ liema mistoqsijiet dwar iż-​żwieġ għandu jistaqsi lilu nnifsu?