Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Warrabt Ħin Biex Tistudja l-Bibbja?

Warrabt Ħin Biex Tistudja l-Bibbja?

IS-​SENA l-​oħra, il-​Ġemgħa li Tiggverna ħabbret aġġustament fl-​iskeda tal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni li jippermetti iktar ħin għall-​istudju u għal diskussjoni fuq il-​Bibbja bħala familja. Jekk int kap taʼ familja, kun ċert li tagħmel studju regulari tal-​Bibbja tal-​familja maʼ martek u wliedek li jolqot il-​ħtiġijiet tagħhom. Koppji miżżewġin bla tfal għandhom jużaw dan il-​ħin biex jistudjaw il-​Bibbja flimkien. Aħwa mhux miżżewġin u li m’għandhomx responsabbiltajiet tal-​familja se jkunu jistgħu jagħmlu użu tajjeb minn dan il-​ħin għall-​istudju persunali tal-​Bibbja.

Ħafna esprimew apprezzament għall-​arranġament tal-​lejla tal-​Qima tal-​Familja. Pereżempju, wieħed anzjan jismu Kevin kiteb: “Il-​kelma ‘grazzi’ mhijiex biżżejjed biex tesprimi kif inħossuna aħna fil-​kongregazzjoni. Bħala anzjani ddiskutejna kif nużaw din il-​lejla mingħajr laqgħat biex nagħmlu preċiż dak li qaltilna nagħmlu l-​Ġemgħa li Tiggverna—biex nistudjaw mal-​familji tagħna.”

Jodi, li r-​raġel tagħha hu anzjan, kitbet: “Aħna għandna tlett ibniet, waħda taʼ 15, l-​oħra taʼ 11, u l-​oħra taʼ sentejn. Dan l-​aħħar morna naqdu f’kongregazzjoni tal-​lingwa tas-​sinjali. Jeħtieġ ħafna ħin u sforz biex nippreparaw għal-​laqgħat kollha. Issa, b’dan l-​aġġustament, għandna lejla oħra li tgħinna niffokaw fuq il-​qima tal-​familja!”

John u JoAnn, koppja miżżewġa li qed jaqdu bħala pijunieri regulari, kitbu: “L-​istudju tal-​Bibbja tal-​familja tagħna spiss kien irregulari għax kellna ndeffsuh bejn id-​diversi attivitajiet tal-​kongregazzjoni. Dan l-​arranġament ġdid hu għotja mingħand Ġeħova li tirrifreskana spiritwalment—jekk nużaw il-​ħin bil-​mod li suppost nużawh.”

Tony, ħu li mhuwiex miżżewweġ u li għandu madwar 25 sena, iwarrab il-​ġurnata tat-​Tlieta filgħaxija bħala l-​lejla għall-​istudju persunali tiegħu. Hu juża ħinijiet oħrajn matul il-​ġimgħa biex jipprepara għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Madankollu, Tony jgħid, “Jien inħares ’il quddiem speċjalment għal nhar taʼ Tlieta.” Għala? “Dik il-​lejla hi l-​ħin speċjali tiegħi maʼ Ġeħova.” Tony jispjega: “Għal madwar sagħtejn, nistudja suġġetti li jsaħħuli r-​relazzjoni tiegħi maʼ Ġeħova. Peress li għandi iktar ħin għall-​istudju nkun nistaʼ nimmedita fuq il-​versi li naqra mill-​Bibbja.” Ir-​riżultat? “Il-​pariri taʼ Ġeħova qed jinżlu iktar fil-​fond f’qalbi minn qabel.” Jistaʼ jagħti xi eżempju taʼ dan? “Fil-​ktieb Insight qrajt dwar il-​ħbiberija bejn David u Ġonatan. Tgħallimt ħafna mill-​karattru mhux egoist taʼ Ġonatan. L-​eżempju tiegħu għenni nara iktar ċar xi jfisser li tkun ħabib veru. Tassew inħares ’il quddiem biex niskopri ħafna u ħafna iktar ħaġar prezzjuż nhar taʼ Tlieta filgħaxija!”

Bla dubju, il-​qaddejja kollha taʼ Ġeħova se jibbenefikaw ħafna milli jużaw tajjeb dan il-​ħin li żdidilna, u li issa huwa disponibbli għal studju tal-​Bibbja li jolqot il-​ħtiġijiet tagħna u għall-​qima tal-​familja.