Għożż il-Post Tiegħek fil-Kongregazzjoni
“Alla qiegħed il-membri fil-ġisem, kull wieħed minnhom, kif għoġbu.”—1 KOR. 12:18.
1, 2. (a) X’juri li kulħadd fil-kongregazzjoni jistaʼ jkollu post li jgħożż? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw f’dan l-artiklu?
MINN żmien Israel tal-qedem ’il quddiem, il-kongregazzjoni kienet l-arranġament taʼ Ġeħova biex jieħu ħsieb lill-poplu tiegħu spiritwalment u biex jagħtihom id-direzzjoni. Pereżempju, wara li l-Israelin għelbu l-belt t’Għaj, Ġożwè “qara jgħajjat il-kliem kollu tal-liġi, il-barka u s-saħta, skond kulma hemm miktub fil-ktieb tal-liġi . . . quddiem il-kongregazzjoni kollha taʼ Israel.”—Ġoż. 8:34, 35.
2 Fl-ewwel seklu E.K., l-appostlu Pawlu qal lill-anzjan Kristjan Timotju li l-kongregazzjoni Kristjana kienet id-“dar t’Alla” u “pilastru u appoġġ tal-verità.” (1 Tim. 3:15) Id-“dar” t’Alla llum hija l-fratellanza madwar id-dinja taʼ Kristjani veri. F’kapitlu 12 tal-ewwel ittra tiegħu ispirata lill-Korintin, Pawlu jqabbel il-kongregazzjoni maʼ ġisem uman. Hu jgħid li għalkemm kull membru għandu funzjoni differenti, kollha huma neċessarji. “Alla qiegħed il-membri fil-ġisem,” jikteb Pawlu, “kull wieħed minnhom, kif għoġbu.” Saħansitra jenfasizza li “l-partijiet tal-ġisem li naħsbu li huma inqas onorabbli nagħtuhom ferm iktar unur.” (1 Kor. 12:18, 23) B’hekk, l-irwol t’individwu rett fid-dar t’Alla la hu aħjar u lanqas agħar minn dak taʼ Kristjan leali ieħor. Sempliċement hu differenti. Allura, kif nistgħu nsibu l-post tagħna fl-arranġament t’Alla u ngħożżuh, jew inqisuh taʼ valur? Liema fatturi jistgħu jeffettwaw il-post li għandna? U kif jistaʼ kulħadd ‘jara li qed navanzaw’?—1 Tim. 4:15.
Ngħożżu l-Post Tagħna—Kif?
3. X’inhu mod wieħed kif insibu l-post tagħna fil-kongregazzjoni u nuru li ngħożżuh?
3 Mod wieħed kif insibu l-post tagħna fil-kongregazzjoni u nuru li ngħożżuh hu billi nikkooperaw bis-sħiħ mal-“ilsir leali u għaqli” u l-Ġemgħa li Tiggverna li tirrappreżentah. (Aqra Mattew 24:45-47.) Irridu neżaminaw kif inwieġbu għad-direzzjoni li nirċievu mill-klassi tal-ilsir. Pereżempju, matul is-snin irċivejna direzzjoni diretta dwar l-ilbies u d-dehra, id-divertiment, u l-użu mhux xieraq tal-Internet. Nagħtu kas dawn il-pariri tajbin sabiex inkunu protetti spiritwalment? Xi ngħidu dwar it-twissija biex nistabbilixxu rutina regulari taʼ qima tal-familja? Ħadna dan il-parir bis-serjetà u warrabna lejla għal dan l-iskop? Jekk aħna waħedna, qed inwarrbu ħin għall-istudju persunali tal-Iskrittura? Ġeħova se jberikna individwalment u bħala familji jekk insegwu l-gwida tal-klassi tal-ilsir.
4. X’għandna nikkunsidraw meta nagħmlu għażliet persunali?
4 Xi wħud għandhom mnejn jirraġunaw li aspetti bħad-divertiment u l-ilbies u d-dehra huma kwistjonijiet persunali. Però, għal Kristjan dedikat li jgħożż il-post tiegħu fil-kongregazzjoni, preferenzi persunali m’għandhomx ikunu l-uniku fattur meta jieħu deċiżjoni. Trid tingħata konsiderazzjoni b’mod speċjali għall-ħarsa taʼ Ġeħova kif tidher fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Il-messaġġ tagħha għandu jkun ‘musbieħ għal sieqna, u dawl għal triqatna.’ (Salm 119:105) Inkunu għaqlin ukoll jekk nikkunsidraw kif l-għażliet li nagħmlu fi kwistjonijiet persunali jeffettwaw il-ministeru tagħna u lil nies oħrajn, kemm ġewwa kif ukoll barra l-kongregazzjoni.—Aqra t-2 Korintin 6:3, 4.
5. Għala għandna ngħassu kontra l-ispirtu t’indipendenza?
5 “L-ispirtu li issa qed jaħdem f’ulied id-diżubbidjenza” tant hu mifrux li hu bħall-arja li nieħdu. (Efes. 2:2) Dan l-ispirtu jistaʼ jġegħelna naħsbu li m’għandniex bżonn il-gwida mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Żgur li ma rridux inkunu bħal Dijotrefe, li ‘ma kien jilqaʼ xejn mingħand l-appostlu Ġwanni bir-rispett.’ (3 Ġw. 9, 10) Irridu ngħassu kontra li niżviluppaw spirtu t’indipendenza. Bil-kliem jew bl-azzjoni, jalla qatt ma nisfidaw il-mezz taʼ komunikazzjoni li Ġeħova qed juża llum. (Num. 16:1-3) Għall-kuntrarju, għandna ngħożżu l-privileġġ tagħna li nikkooperaw mal-klassi tal-ilsir. U m’għandniex aħna nistinkaw biex inkunu ubbidjenti u sottomessi lejn dawk li qed jieħdu t-tmexxija fil-kongregazzjoni lokali tagħna?—Aqra Ebrej 13:7, 17.
6. Għala għandna neżaminaw iċ-ċirkustanzi persunali tagħna?
6 Mod ieħor kif nuru li ngħożżu l-post tagħna fil-kongregazzjoni hu billi neżaminaw mill-qrib iċ-ċirkustanzi persunali tagħna u nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ‘nigglorifikaw il-ministeru tagħna’ u nġibu unur lil Ġeħova. (Rum. 11:13) Xi wħud jistgħu jaqdu bħala pijunieri regulari. Oħrajn jaqdu f’oqsma speċjali taʼ servizz full-time bħala missjunarji, indokraturi li jivvjaġġaw, u membri taʼ familji Betel madwar id-dinja. Ħafna aħwa rġiel u nisa jgħinu fil-bini taʼ Swali tas-Saltna. Il-biċċa l-kbira minn dawk li jqimu lil Ġeħova qed jagħmlu l-almu tagħhom biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali tal-familji tagħhom u jkollhom sehem sħiħ fil-ministeru kull ġimgħa. (Aqra Kolossin 3:23, 24.) Nistgħu nkunu fiduċjużi li meta noffru lilna nfusna minn jeddna fis-servizz t’Alla u nagħmlu l-almu tagħna biex naqduh b’ruħna kollha, dejjem hemm post għalina fl-arranġament tiegħu.
Fatturi li Jagħmlu Differenza
7. Spjega kif iċ-ċirkustanzi tagħna jistgħu jeffettwaw il-post li għandna fil-kongregazzjoni.
7 Huwa importanti li niflu ċ-ċirkustanzi tagħna għaliex, sa ċertu punt, jeffettwaw dak li nistgħu nagħmlu fil-kongregazzjoni. Pereżempju, il-post li għandu ħu fil-kongregazzjoni f’ċerti aspetti huwa differenti minn dak li għandha oħt. L-età, is-saħħa, u fatturi oħrajn ukoll jinfluwenzaw dak li nistgħu nagħmlu fis-servizz taʼ Ġeħova. “Is-sbuħija taʼ l-irġiel żgħażagħ hija l-qawwa tagħhom,” jgħid Proverbji 20:29, “u l-ġmiel taʼ l-irġiel xjuħ hu x-xagħar griż.” Membri iżgħar fil-kongregazzjoni għandhom mnejn ikunu jistgħu jagħmlu iktar fiżikament minħabba l-enerġija taż-żgħożija tagħhom, filwaqt li oħrajn akbar huma taʼ benefiċċju kbir għall-kongregazzjoni minħabba l-għerf u l-esperjenza tagħhom. Irridu wkoll inżommu f’moħħna li dak kollu li nistgħu nagħmlu fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova jiddependi mill-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla.—Atti 14:26; Rum. 12:6-8.
8. Ix-xewqa kemm teffettwa dak li nagħmlu fil-kongregazzjoni?
8 Tixbiha taʼ żewġ nisa żgħażagħ li huma aħwa tad-demm tenfasizza fattur ieħor li jeffettwa l-post tagħna fil-kongregazzjoni. It-tnejn li huma jiggradwaw mill-iskola. Għandhom l-istess ċirkustanzi. Il-ġenituri tagħhom għamlu ħilithom biex jinkuraġġuhom it-tnejn biex jirsistu għas-servizz taʼ pijunier regulari wara li jkunu ggradwaw. Wara li jiggradwaw, waħda minnhom tidħol fis-servizz taʼ pijunier, filwaqt li l-oħra tibda taħdem full-time sekularment. X’kienet id-differenza? Kienet ix-xewqa. Fl-aħħar mill-aħħar, it-tnejn għamlu dak li xtaqu huma. Mhuwiex dan minnu għall-maġġuranza minna? Irridu naħsbu bis-serjetà dwar x’nixtiequ nagħmlu fis-servizz t’Alla. Nistgħu nżidu s-sehem tagħna fih, anki jekk dan ifisser li naġġustaw iċ-ċirkustanzi tagħna?—2 Kor. 9:7.
9, 10. X’għandna nagħmlu jekk m’għandniex il-motivazzjoni biex nagħmlu iktar fis-servizz taʼ Ġeħova?
9 Xi ngħidu jekk sempliċement m’għandniex il-motivazzjoni biex nagħmlu iktar fis-servizz taʼ Ġeħova u għandna t-tendenza li nagħmlu l-inqas possibbli fil-kongregazzjoni? Fl-ittra tiegħu lill-Filippin, Pawlu jgħid: “Alla hu dak li, għax hekk għoġbu, qed jaħdem fikom kemm biex ikollkom ir-rieda u kemm biex taġixxu.” Iva, Ġeħova jistaʼ jaħdem fina u jeffettwa r-rieda, jew ix-xewqat, tagħna.—Flp. 2:13; 4:13.
10 Għalhekk, m’għandniex aħna nitolbu lil Ġeħova biex iqanqalna nkunu rridu nagħmlu r-rieda tiegħu? Is-Sultan David t’Israel tal-qedem hekk għamel. Hu talab: “Għarrafni triqatek, O Ġeħova; għallimni mogħdijietek. Mexxini fil-verità tiegħek u għallimni, għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi. Fik ittamajt il-jum kollu.” (Salm 25:4, 5) Aħna nistgħu nagħmlu l-istess billi nitolbu li Ġeħova jqanqalna nkunu rridu nagħmlu dak li jogħġob lilu. Meta nirriflettu dwar kif Alla Ġeħova u Ibnu jħossuhom dwar dak li nagħmlu biex naqdu l-interessi tagħhom, qlubna jimtlew b’apprezzament għalihom. (Mt. 26:6-10; Lq. 21:1-4) Dan is-sentiment taʼ gratitudni jistaʼ jqanqalna nitolbu lil Ġeħova bil-ħrara biex jagħmilna nkunu rridu nagħmlu progress spiritwali. Il-profeta Isaija pprovda eżempju tal-attitudni li għandna nikkultivaw. Meta semaʼ leħen Ġeħova jistaqsi: “Lil min se nibgħat, u min se jmurilna?” il-profeta wieġeb: “Hawn jien! Ibgħat lili.”—Is. 6:8.
Agħmel Progress—Kif?
11. (a) Xi ħtieġa hemm biex aħwa rġiel jistinkaw għal responsabbiltajiet fl-organizzazzjoni? (b) Ħu kif jistaʼ jirsisti biex jilħaq privileġġi taʼ servizz?
11 Peress li tgħammdu 289,678 ruħ madwar id-dinja matul is-sena taʼ servizz 2008, jidher ċar li hemm bżonn kbir t’aħwa rġiel biex jieħdu t-tmexxija. Ħu kif għandu jwieġeb għal din il-ħtieġa? Fi kliem sempliċi, billi jistinka biex jilħaq il-kwalifiki għall-qaddejja ministerjali u għall-anzjani mniżżlin fl-Iskrittura. (1 Tim. 3:1-10, 12, 13; Titu 1:5-9) Ħu kif jistaʼ jistinka biex jilħaq ħtiġijiet Skritturali bħal dawn? Billi jkollu sehem attiv fil-ministeru, billi jieħu ħsieb l-inkarigi tiegħu fil-kongregazzjoni b’mod diliġenti, billi jaħdem iebes biex itejjeb il-kwalità tal-kummenti tiegħu fil-laqgħat Kristjani, u billi jieħu interess persunali fi sħabu fit-twemmin. Hu b’hekk juri li jgħożż il-post tiegħu fil-kongregazzjoni.
12. Iż-żgħażagħ kif jistgħu juru ż-żelu tagħhom għall-verità?
12 X’jistgħu jagħmlu aħwa rġiel żgħażagħ, speċjalment dawk fl-adoloxxenza, biex jagħmlu progress fil-kongregazzjoni? Jistgħu jagħmlu sforz biex jikbru ‘fl-għerf u fl-abbiltà mogħtija mill-ispirtu t’Alla biex jifhmu b’mod sħiħ’ billi jieħdu għarfien mill-Iskrittura. (Kol. 1:9) Il-fatt li jkunu studenti diliġenti tal-Kelma t’Alla u jkollhom sehem attiv fil-laqgħat tal-kongregazzjoni żgur li se jikkontribwixxi għal dan. Irġiel żgħażagħ jistgħu jirsistu wkoll billi jaħdmu biex jikkwalifikaw ħalli jgħaddu mill-“bieb kbir għax-xogħol” f’diversi aspetti tas-servizz full-time. (1 Kor. 16:9) Li wieħed ifittex karriera fis-servizz taʼ Ġeħova huwa mod taʼ ħajja verament sodisfaċenti u wieħed li jġib barkiet kbar.—Aqra Ekkleżjasti 12:1.
13, 14. L-aħwa nisa b’liema modi jistgħu juru li jgħożżu l-irwol tagħhom fil-kongregazzjoni?
13 L-aħwa nisa wkoll jistgħu juru li jgħożżu l-privileġġ tagħhom li jieħdu sehem personalment fit-twettiq taʼ Salm 68:11. Hemmhekk naqraw: “Ġeħova joħroġ il-kelma; in-nisa li qed ixandru l-aħbar tajba huma armata kbira.” Wieħed mill-iktar modi notevoli li fih l-aħwa nisa jistgħu juru l-gratitudni tagħhom għall-post li għandhom fil-kongregazzjoni hu billi jipparteċipaw fix-xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli. (Mt. 28:19, 20) Għalhekk, billi jkollhom sehem sħiħ fil-ministeru u billi minn jeddhom jagħmlu sagrifiċċji għal dan ix-xogħol, l-aħwa nisa juru li jgħożżu l-irwol tagħhom fil-kongregazzjoni.
14 Fl-ittra tiegħu lil Titu, Pawlu stqarr: “In-nisa mdaħħlin fiż-żmien, ħa juru l-biżaʼ t’Alla fl-imġiba tagħhom, . . . għalliema taʼ dak li hu tajjeb; b’hekk ikunu jistgħu jġibu f’sensihom lin-nisa żgħażagħ biex iħobbu lil żwieġhom, iħobbu lil uliedhom, ikunu moħħhom f’loku, safjin, ħaddiema fid-dar, tajbin, sottomessi lejn żwieġhom, sabiex il-kelma t’Alla ma tkunx immaqdra.” (Titu 2:3-5) X’effett mill-aqwa jistaʼ jkollhom aħwa nisa maturi fuq il-kongregazzjoni! Billi jirrispettaw l-aħwa rġiel li jieħdu t-tmexxija u billi jieħdu deċiżjonijiet għaqlin f’aspetti tal-ħajja bħall-ilbies u d-dehra u d-divertiment, huma jħallu eżempju tajjeb għal oħrajn u juru li jqisu l-post tagħhom fil-kongregazzjoni bħala xi ħaġa prezzjuża.
15. Oħt mhix miżżewġa x’tistaʼ tagħmel biex tkampa mas-solitudni?
15 Kultant, jistaʼ jkun diffiċli għal oħt mhix miżżewġa biex issib il-post tagħha fil-kongregazzjoni. Waħda oħt li esperjenzat dan qalet: “Ħajja bħala mara mhix miżżewġa kultant tistaʼ tkun waħda taʼ solitudni.” Meta ġiet mitluba tesprimi ruħha dwar kif tkampa mas-sitwazzjoni, hi qalet: “It-talb u l-istudju jgħinuni nerġaʼ nsib il-post tiegħi. Nistudja dwar kif Ġeħova jħares lejja. Imbagħad nirsisti biex nipprova nkun t’għajnuna għal oħrajn fil-kongregazzjoni. Dan jgħinni ma niffokax fuqi nnifsi.” Skont Salm 32:8, Ġeħova qal lil David: “Se nagħtik pariri u nżomm għajnejja fuqek.” Iva, Ġeħova jieħu interess persunali fil-qaddejja kollha tiegħu, inkluż aħwa nisa mhux miżżewġin, u se jgħin lil kulħadd isib il-post tiegħu fil-kongregazzjoni.
Titlifx il-Post Tiegħek!
16, 17. (a) Il-fatt li aċċettajna l-istedina taʼ Ġeħova biex inkunu parti mill-organizzazzjoni tiegħu, għala kienet l-aħjar deċiżjoni li qatt ħadna? (b) Kif nistgħu ma nitilfux il-post tagħna fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova?
16 Ġeħova bi mħabba daħħal lil kull wieħed mill-qaddejja tiegħu f’relazzjoni miegħu. Ġesù qal: “Ebda bniedem ma jistaʼ jiġi għandi jekk ma jiġbdux il-Missier li bagħatni.” (Ġw. 6:44) Mill-biljuni taʼ nies fuq l-art, Ġeħova għamlilna stedina persunali biex inkunu parti mill-kongregazzjoni tiegħu llum. L-aqwa deċiżjoni li qatt ħadna kienet li aċċettajna din l-istedina. Tat skop lil ħajjitna. U x’ferħ u sodisfazzjon nesperjenzaw minħabba li għandna post fil-kongregazzjoni!
17 Is-salmista qal: “Ġeħova, jien ħabbejtha d-dar fejn tgħammar int.” Kanta wkoll: “Sieqi se tieqaf fuq art wâtja; fost il-qtajjaʼ miġburin jien se nbierek lil Ġeħova.” (Salm 26:8, 12) L-Alla l-veru għandu post għal kull wieħed u waħda minna fl-organizzazzjoni tiegħu. Billi nkomplu nsegwu d-direzzjoni teokratika u billi nibqgħu beżlin fis-servizz t’Alla, qatt ma se nitilfu l-post prezzjuż tagħna fl-arranġament taʼ Ġeħova.
Tiftakar Int?
• Għala huwa raġunevoli li nikkonkludu li l-Kristjani kollha għandhom post fil-kongregazzjoni?
• Kif nuru li ngħożżu l-post tagħna fl-organizzazzjoni t’Alla?
• Liema fatturi jistgħu jeffettwaw il-post tagħna fil-kongregazzjoni?
• Żgħażagħ u adulti Kristjani kif jistgħu juru li jqisu l-post tagħhom fl-arranġament t’Alla bħala xi ħaġa prezzjuża?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampi f’paġna 16]
Aħwa rġiel kif jistgħu jirsistu għal privileġġi fil-kongregazzjoni?
[Stampa f’paġna 17]
Aħwa nisa kif jistgħu juru li jgħożżu l-post tagħhom fil-kongregazzjoni?