Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għożż lil Ħutek Neqsin mis-Smigħ!

Għożż lil Ħutek Neqsin mis-Smigħ!

IN-​NIES t’Alla llum huma familja kbira t’aħwa spiritwali li l-​wirt tagħhom imur lura sa rġiel u nisa taż-​żminijiet tal-​qedem. Dawn jinkludu lil Samwel, David, Sansun, Raħab, Mosè, Abraham, Sara, Noè, u Abel. Fost il-​qaddejja leali taʼ Ġeħova hemm ħafna individwi neqsin mis-​smigħ. Pereżempju, l-​ewwel żewġ persuni li saru Xhieda taʼ Ġeħova fil-​Mongolja kienu koppja nieqsa mis-​smigħ. U b’riżultat tal-​integrità taʼ sħabna fit-​twemmin neqsin mis-​smigħ fir-​Russja, ksibna rebħa legali fil-​Qorti Ewropea tad-​Drittijiet tal-​Bniedem.

Fi żmienna, “l-​ilsir leali u għaqli” pprovda pubblikazzjonijiet bil-​lingwa tas-​sinjali u organizza kongregazzjonijiet kif ukoll assembleat u konvenzjonijiet bil-​lingwa tas-​sinjali. (Mt. 24:45) Dan kien taʼ benefiċċju kbir għall-​uħud neqsin mis-​smigħ. a Imma qatt ħsibt kif kien għall-​uħud neqsin mis-​smigħ biex jitgħallmu dwar l-​Alla l-​veru u jagħmlu progress fil-​verità mingħajr dawn il-​provvedimenti? Qatt ħsibt x’tistaʼ tagħmel biex tgħin lil dawk li huma neqsin mis-​smigħ li jgħixu fil-​komunità tiegħek?

Qabel il-​Provvedimenti tal-​Lum

Xi ngħidu li kieku kellek tistaqsi lil uħud akbar neqsin mis-​smigħ dwar l-​esperjenzi tagħhom taʼ kif saru jafu lil Alla? Huma jistgħu jgħidulek kif ħassewhom meta tgħallmu għall-​ewwel darba li Alla għandu isem—kif dan il-​fatt biss bidlilhom ħajjithom u sostniehom għal snin sħaħ qabel ma l-​programmi tal-​vidjo jew DVDs bil-​lingwa tas-​sinjali saru disponibbli biex jgħinuhom jitgħallmu veritajiet iktar profondi tal-​Iskrittura. Huma jistgħu jispjegaw kif kienu l-​laqgħat Kristjani meta ma kinux jiġu kondotti jew interpretati bil-​lingwa tas-​sinjali. Minflok, xi ħadd kien joqgħod bilqiegħda ħdejhom u jikteb noti fuq karta biex jgħinhom jifhmu dak li kien qed jingħad. Ħu nieqes mis-​smigħ tgħallem il-​veritajiet tal-​Bibbja b’dan il-​mod għal sebaʼ snin sħaħ sakemm kien hemm xi ħadd li jinterpreta l-​laqgħat bil-​lingwa tas-​sinjali.

Xhieda akbar fl-​età neqsin mis-​smigħ jiftakru kif kienu jippritkaw lil uħud li jisimgħu maʼ membri oħrajn tal-​kongregazzjoni. F’id waħda kienu jżommu karta bi preżentazzjoni sempliċi miktuba fuqha għall-​ministeru. Fl-​id l-​oħra kienu jżommu l-​aħħar ħarġiet tar-​rivisti tat-​Torri tal-​Għassa u Stenbaħ! Kien jeħtieġ sforz kbir biex jikkonduċu studju tal-​Bibbja maʼ persuna oħra nieqsa mis-​smigħ billi jużaw biss pubblikazzjonijiet stampati li ħadd minnhom ma kien jifhem sew. Pubblikaturi neqsin mis-​smigħ akbar fl-​età x’aktarx li jiftakru l-​frustrazzjoni li esperjenzaw meta ma kinux jiġu mifhumin, u għalhekk ma kinux jistgħu jitkellmu iktar dwar il-​veritajiet spiritwali. Huma jafu wkoll x’jiġifieri li jkollok imħabba profonda għal Ġeħova imma li ma tkunx tistaʼ turiha b’kunfidenza. Għala? Minħabba li ma kinux żguri li l-​fehma tagħhom fuq kwistjoni partikulari kinitx korretta.

Minkejja dawn l-​ostakli kollha, ħutna neqsin mis-​smigħ żammew sod l-​integrità tagħhom. (Ġob 2:3) Huma stennew bil-​ħerqa lil Ġeħova. (Salm 37:7) U issa qed iberikhom b’iktar minn dak li ħafna minnhom stennew.

Ikkunsidra l-​isforzi li għamel ċertu ħu nieqes mis-​smigħ li hu raġel miżżewweġ u missier. Qabel ma saru disponibbli l-​vidjos bil-​lingwa tas-​sinjali, hu lealment ħa t-​tmexxija f’li jikkonduċi l-​istudju tal-​familja. Ibnu jiftakar: “L-​istudju tal-​familja kien dejjem diffiċli għal missieri, ladarba kellu biss pubblikazzjonijiet stampati biex jgħallimna minnhom. Spiss, hu ma kienx jifhem għalkollox dak li kien hemm miktub. Aħna t-​tfal ma tantx konna ngħinu lanqas. Malajr konna ngħidulu meta ma kienx jispjega sew. Minkejja dan kollu, hu dejjem għamel l-​istudju tal-​familja. Il-​fatt li nitgħallmu xi ħaġa dwar Ġeħova kien iktar importanti għalih mill-​umiljazzjoni tiegħu taʼ kultant minħabba l-​limitazzjonijiet tiegħu f’li jifhem l-​Ingliż.”

Hemm ukoll l-​eżempju taʼ Richard, ħu li għandu fuq is-​70 sena u li nieqes kemm mid-​dawl u kemm mis-​smigħ u li jgħix fi Brooklyn, New York, l-​Istati Uniti. Richard hu magħruf għar-​regolarità tiegħu fl-​attendenza għal-​laqgħat Kristjani. Biex jattendi, hu jaqbad il-​metro waħdu, u jgħodd kull darba li tieqaf sabiex ikun jaf meta għandu jinżel. Xitwa minnhom, tant kien hemm tempesta tal-​borra qalila li l-​laqgħa ġiet kanċellata. Kulħadd fil-​kongregazzjoni ġie informat, imma bi żball Richard ma ġiex informat. Meta l-​aħwa indunaw x’ġara u marru jfittxuh, sabu lil Richard barra quddiem is-​Sala tas-​Saltna jistenna bil-​paċenzja lil xi ħadd biex jiftaħ. Meta staqsewh għala ħareġ fit-​tempesta, hu wieġeb, “Jien inħobb lil Ġeħova.”

Int X’Tistaʼ Tagħmel?

Jgħixu nies neqsin mis-​smigħ fil-​komunità tiegħek? Tistaʼ titgħallem xi ftit mil-​lingwa tas-​sinjali sabiex tkun tistaʼ tikkomunika magħhom? Ġeneralment, persuni neqsin mis-​smigħ huma qalbhom tajba ħafna u paċenzjużi meta jgħallmu lil oħrajn il-​lingwa tagħhom. Għandek mnejn tiltaqaʼ maʼ persuna nieqsa mis-​smigħ b’mod informali jew fil-​ministeru. Int x’tistaʼ tagħmel? Ipprova kkomunika. Uża ġesti, noti, tpinġija, stampi, jew ftit minn kollox. Anki jekk individwu juri li mhuwiex interessat fil-​verità, għid lil Xhud nieqes mis-​smigħ jew li jaf il-​lingwa tas-​sinjali dwar iż-​żjara tiegħek. Meta lil persuna nieqsa mis-​smigħ jippreżentawlha l-​messaġġ bil-​lingwa tas-​sinjali għandha mnejn tkun iktar interessata.

Forsi int qed titgħallem il-​lingwa tas-​sinjali u qed tattendi kongregazzjoni tal-​lingwa tas-​sinjali. Kif tistaʼ ssir iktar tas-​sengħa f’li tagħmel is-​sinjali u tifhem il-​lingwa? Għalkemm forsi jkun hemm pubblikaturi oħrajn li jisimgħu fil-​kongregazzjoni tiegħek, għala ma tipprovax xorta waħda tikkomunika bis-​sinjali? Dan se jgħinek taħseb bil-​lingwa tas-​sinjali, jiġifieri, viżwalment. Kultant, forsi titħajjar tagħmilha iktar faċli għalik billi titkellem minflok ma tuża s-​sinjali. Madankollu, meta titgħallem kwalunkwe lingwa, trid tippersisti sabiex issir fluwenti.

Meta tagħmel sforz diliġenti biex tuża l-​lingwa tas-​sinjali tkun qed turi mħabba u rispett għal ħutna neqsin mis-​smigħ. Immaġina kemm il-​persuni neqsin mis-​smigħ iħossuhom frustrati kuljum minħabba li ma jkunux jistgħu jifhmu lin-​nies fuq il-​post tax-​xogħol jew l-​iskola. “Kuljum, in-​nies madwari jitkellmu,” jgħid wieħed nieqes mis-​smigħ. “Spiss inħossni waħdi u mwarrab, u nħossni frustrat, saħansitra rrabjat. Il-​kliem ma jistax jispjega bis-​sħiħ kif inħossni kultant.” Il-​laqgħat tagħna għandhom ikunu okkażjonijiet sbieħ fejn ħutna neqsin mis-​smigħ jirċievu ikel spiritwali u jgawdu komunikazzjoni u sħubija li tibni.—Ġw. 13:34, 35

Ma rridux ninsew il-​ħafna gruppi żgħar t’individwi neqsin mis-​smigħ li jiltaqgħu f’kongregazzjonijiet flimkien maʼ dawk li jisimgħu. Il-​laqgħat jiġu interpretati għalihom. Biex jifhmu iktar bis-​sħiħ dak li jintqal, il-​membri tal-​kongregazzjoni neqsin mis-​smigħ joqogħdu bilqiegħda fuq quddiem fis-​Sala tas-​Saltna. Dan jippermettilhom jaraw kemm lill-​interpretu u kemm lill-​kelliemi fl-​istess ħin mingħajr tfixkil. L-​esperjenza wriet li l-​kumplament tal-​kongregazzjoni malajr drat dan l-​arranġament u ma jtellifx. Dawn l-​arranġamenti japplikaw ukoll għall-​assembleat u l-​konvenzjonijiet li jkollhom interpreti tal-​lingwa tas-​sinjali. Membri li jaħdmu iebes fil-​kongregazzjoni jixirqilhom tifħir mill-​qalb talli jinterpretaw bil-​mod li persuna nieqsa mis-​smigħ għandha mnejn tesprimi l-​informazzjoni—b’mod ċar u naturali.

Forsi qiegħed f’kongregazzjoni li tappoġġa grupp tal-​lingwa tas-​sinjali jew li għandha ammont żgħir taʼ persuni neqsin mis-​smigħ li għalihom il-​laqgħat jiġu interpretati. X’tistaʼ tagħmel biex lil dawn l-​aħwa neqsin mis-​smigħ tagħtihom attenzjoni persunali? Stidinhom id-​dar. Jekk hu possibbli, tgħallem ftit sinjali. Taqtax qalbek minħabba l-​ostaklu tal-​komunikazzjoni. Se ssib mod kif tikkomunika, u jekk turi mħabba bħal din se jkollok memorji sbieħ. (1 Ġw. 4:8) Ħutna għeżież neqsin mis-​smigħ għandhom ħafna x’joffru. Huma jitkellmu fuq affarijiet interessanti, għandhom ħafna dehen, u għandhom sens umoristiku. Wieħed ħu li l-​ġenituri tiegħu t-​tnejn huma neqsin mis-​smigħ jgħid: “Ħajti kollha kienet imdawra b’nies neqsin mis-​smigħ, u huma tawni ħafna iktar minn dak li stajt nagħtihom jien. Nistgħu nitgħallmu ħafna minn ħutna neqsin mis-​smigħ.”

Ġeħova jħobb lill-​aduraturi leali tiegħu, inkluż dawk neqsin mis-​smigħ. L-​eżempju tagħhom taʼ fidi u sabar żgur li jżid mar-​rikkezzi tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Għalhekk, jalla ngħożżu lil ħutna neqsin mis-​smigħ!

[Nota taʼ taħt]

a Ara l-​artiklu “Ġeħova Ġiegħel Wiċċu Jiddi Lejhom,” fil-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa tal-​15 t’Awwissu, 2009.

[Stampa f’paġna 31]

Persuna nieqsa mis-​smigħ għandha mnejn tkun iktar interessata meta jippreżentawlha l-​messaġġ tas-​Saltna bil-​lingwa tas-​sinjali

[Stampi f’paġna 32]

Il-​laqgħat tagħna għandhom ikunu okkażjonijiet sbieħ fejn ħutna neqsin mis-​smigħ jirċievu inkuraġġiment spiritwali