Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

It-Talb Tiegħek X’Jirrivela Dwarek?

It-Talb Tiegħek X’Jirrivela Dwarek?

“O Semmiegħ it-​talb, għandek jiġu n-​nies taʼ kull xorta.”—SALM 65:2.

1, 2. Il-​qaddejja taʼ Ġeħova għala jistgħu jitolbuh b’fiduċja?

 ĠEĦOVA qatt ma jinjora l-​petizzjonijiet tal-​qaddejja leali tiegħu. Nistgħu nkunu fiduċjużi li hu jismagħna. Anki jekk miljuni taʼ Xhieda taʼ Ġeħova jitolbu lil Alla fl-​istess ħin, Ġeħova xorta waħda hu kapaċi jismaʼ lil kull wieħed minnhom.

2 Fiduċjuż li Alla kien jismaʼ t-​talb ħerqan tiegħu, is-​salmista David kanta: “O Semmiegħ it-​talb, għandek jiġu n-​nies taʼ kull xorta.” (Salm 65:2) It-​talb taʼ David ġie mwieġeb minħabba li hu kien aduratur leali taʼ Ġeħova. Aħna għandna nistaqsu lilna nfusna: ‘Is-​suppliki tiegħi juru li jien nafda f’Ġeħova u li l-​qima pura hi t-​tħassib primarju tiegħi? It-​talb tiegħi x’jirrivela dwari?’

Itlob lil Ġeħova bl-​Umiltà

3, 4. (a) B’liema attitudni għandna nitolbu lil Alla? (b) X’għandna nagħmlu jekk aħna mtaqqlin bi ‘ħsibijiet li jinkwetawna’ minħabba dnub serju?

3 Jekk irridu li t-​talb tagħna jiġi mwieġeb, għandna nitolbu lil Alla bl-​umiltà. (Salm 138:6) Għandna nistaqsu lil Ġeħova biex jeżaminana, bħalma għamel David meta qal: “Fittex fija, O Alla, u sir af lil qalbi. Eżaminani, u sir af il-​ħsibijiet li jinkwetawni, u ara jekk hemmx fija triq mimlija wġigħ, u mexxini fit-​triq dejjiema.” (Salm 139:23, 24) Jalla ma nitolbux biss, imma wkoll nissottomettu ruħna għal eżami minn Alla u għall-​pariri tal-​Kelma tiegħu. Ġeħova jistaʼ jmexxina “fit-​triq dejjiema,” billi jgħinna ngħixu ħajjitna b’mod li jwassal għall-​ħajja taʼ dejjem.

4 Xi ngħidu jekk aħna mtaqqlin bi ‘ħsibijiet li jinkwetawna’ minħabba dnub serju? (Aqra Salm 32:1-5.) Jekk nipprovaw ninjoraw kuxjenza ħatja, din tistaʼ tixorbilna saħħitna bħalma s-​sħana qawwija tas-​sajf tixrob l-​ilma mis-​siġar. Minħabba d-​dnub tiegħu, David tilef il-​ferħ u għandu mnejn marad. Imma kemm ħass serħan meta stqarr ħtijietu m’Alla! Immaġina l-​ferħ taʼ David meta ħass “li l-​irvell tiegħu nħafirlu” minn Ġeħova. Jekk dak li jkun jistqarr id-​dnub tiegħu m’Alla jistaʼ jġiblu serħan, u l-​għajnuna tal-​anzjani Kristjani se tgħinu wkoll biex jirranġa r-​relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova.—Prov. 28:13; Ġak. 5:13-16.

Issupplika lil Alla u Rringrazzjah

5. Xi jfisser li tissupplika lil Ġeħova?

5 Jekk inkunu ansjużi ħafna għal kull ħaġa taʼ xejn, għandna napplikaw il-​parir taʼ Pawlu: “Tkunu ansjużi fuq xejn, imma f’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-​ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu.” (Flp. 4:6) “Li tissupplika” jfisser “li titlob bil-​ħerqa u bl-​umiltà.” Għandna nissupplikaw lil Ġeħova għall-​għajnuna u l-​gwida speċjalment meta nkunu għaddejjin minn xi periklu jew persekuzzjoni.

6, 7. Għal liema raġunijiet għandna ninkludu radd il-​ħajr fit-​talb tagħna?

6 Madankollu, jekk nitolbu biss meta jkollna bżonn xi ħaġa, dan x’se jirrivela dwar ir-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova? Pawlu qal li għandna nuru lil Alla x’neħtieġu bit-​talb “flimkien maʼ radd il-​ħajr.” Ċertament li għandna għal xiex nesprimu sentimenti bħal taʼ David: “Tiegħek, O Ġeħova, huma l-​kobor u s-​setgħa u l-​ġmiel u l-​eċċellenza u d-​dinjità; għax kulma hemm fis-​smewwiet u fl-​art hu tiegħek. Tiegħek hi s-​saltna, O Ġeħova, int li int l-​ogħla Kap fuq kulħadd. . . . O Alla tagħna, aħna qed nirringrazzjawk u nfaħħru l-​isem sabiħ tiegħek.”—1 Kron. 29:11-13.

7 Ġesù rringrazzja lil Alla għall-​ikel u għall-​ħobż u l-​inbid li uża fl-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej. (Mt. 15:36; Mk. 14:22, 23) Minbarra li nesprimu gratitudni simili, għandna ‘nirringrazzjaw lil Ġeħova’ għall-​“għemejjel tiegħu taʼ l-​għaġeb maʼ wlied il-​bnedmin,” għad-​“deċiżjonijiet ġudizzjarji ġusti” tiegħu, u għall-​kelma, jew il-​messaġġ, tiegħu li issa hi disponibbli fil-​Bibbja.—Salm 107:15; 119:62, 105.

Itlob Għal Oħrajn

8, 9. Għala għandna nitolbu għal sħabna l-​Kristjani?

8 Mingħajr ebda dubju aħna nitolbu għalina nfusna, imma t-​talb tagħna għandu jinkludi lil oħrajn ukoll—saħansitra Kristjani li ma nafuhomx b’isimhom. Għalkemm l-​appostlu Pawlu forsi ma kienx jaf lil dawk kollha li emmnu f’Kolossi, hu kiteb: “Aħna dejjem irroddu ħajr lil Alla, Missier il-​Mulej tagħna Ġesù Kristu, meta nitolbu għalikom, għax smajna bil-​fidi tagħkom fi Kristu Ġesù u l-​imħabba li għandkom għall-​qaddisin kollha.” (Kol. 1:3, 4) Pawlu talab ukoll għall-​Kristjani f’Tessalonika. (2 Tess. 1:11, 12) Talb bħal dan jirrivela ħafna dwarna u dwar kif inqisu lil ħutna fil-​fidi.

9 It-​talb tagħna għall-​Kristjani midlukin u għal sħabhom in-​“nagħaġ oħrajn” juri l-​interess tagħna għall-​organizzazzjoni t’Alla. (Ġw. 10:16) Pawlu talab lill-​aduraturi sħabu biex jitolbu għalih ħalli ‘tingħatalu l-​abbiltà li jitkellem biex jgħarraf is-​sigriet sagru taʼ l-​aħbar tajba.’ (Efes. 6:17-20) Nitolbu aħna personalment għal Kristjani oħrajn b’dan il-​mod?

10. Meta nitolbu għal oħrajn x’effett għandu mnejn iħalli fuqna?

10 Il-​fatt li nitolbu għal oħrajn għandu mnejn ibiddel l-​attitudni tagħna lejhom. Jekk aħna ma tantx ninġibdu lejn persuna imma nitolbu għaliha, kif nistgħu mbagħad nuru nuqqas taʼ mħabba lejn dik il-​persuna? (1 Ġw. 4:20, 21) Talb bħal dan jibni u jippromwovi l-​unità maʼ ħutna. Iktar minn hekk, talb bħal dan jindika li għandna mħabba bħal taʼ Kristu. (Ġw. 13:34, 35) Din il-​kwalità hi parti mill-​frott tal-​ispirtu t’Alla. Nitolbu aħna personalment għall-​ispirtu qaddis, billi nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna nuru l-​frott tiegħu tal-​imħabba, il-​ferħ, il-​paċi, is-​sabar fit-​tul, il-​qalb tajba, it-​tjubija, il-​fidi, il-​ħlewwa, u r-​rażna? (Lq. 11:13; Gal. 5:22, 23) Jekk inhu hekk, il-​kliem u l-​għemejjel tagħna se juru li qed nimxu u ngħixu bl-​ispirtu.—Aqra Galatin 5:16, 25.

11. Għala tistaʼ tgħid li hu xieraq li nistaqsu lil oħrajn biex jitolbu għalina?

11 Jekk insiru nafu li t-​tfal tagħna qed jiġu ttantati biex iqarrqu fl-​eżamijiet tal-​iskola, għandna nitolbu għalihom u wkoll nagħtuhom għajnuna Skritturali ħalli jaġixxu bl-​onestà u ma jagħmlu xejn ħażin. Pawlu qal lill-​Kristjani f’Korintin: “Nitolbu lil Alla biex intom ma tagħmlu ebda ħażen.” (2 Kor. 13:7) Talb umli bħal dan jogħġob lil Ġeħova u jirrifletti tajjeb fuqna. (Aqra Proverbji 15:8.) Nistgħu nistaqsu lil oħrajn biex jitolbu għalina, saħansitra bħalma għamel l-​appostlu Pawlu. “Ibqgħu itolbu għalina,” kiteb hu, “għax aħna fiduċjużi li għandna kuxjenza onesta, peress li nixtiequ nġibu ruħna bl-​onestà f’kollox.”—Ebr. 13:18.

Affarijiet Oħrajn li t-​Talb Tagħna Jindika Dwarna

12. X’għandhom ikunu s-​suġġetti ewlenin tat-​talb tagħna?

12 Juri t-​talb tagħna li aħna Xhieda ferħanin u żelużi taʼ Ġeħova? Huma s-​suppliki tagħna ffokati primarjament fuq it-​twettiq tar-​rieda t’Alla, l-​ippritkar tal-​messaġġ tas-​Saltna, l-​ivvindikar tas-​sovranità taʼ Ġeħova, u t-​taqdis t’ismu? Dawn għandhom ikunu s-​suġġetti ewlenin tat-​talb tagħna, bħalma jidher fit-​talba mudell taʼ Ġesù li tibda bil-​kliem: “Missierna fis-​smewwiet, ħa jitqaddes ismek. Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.”—Mt. 6:9, 10.

13, 14. It-​talb tagħna x’jirrivela dwarna?

13 It-​talb tagħna lil Alla jirrivela l-​motivi, l-​interessi, u x-​xewqat tagħna. Ġeħova jaf x’tip taʼ persuni aħna. Proverbji 17:3 jgħid: “Il-​borma taʼ l-​irfinar qiegħda għall-​fidda u l-​forn għad-​deheb, imma Ġeħova hu dak li jeżamina l-​qlub.” Alla jara dak li hemm f’qalbna. (1 Sam. 16:7) Hu jaf kif inħossuna dwar il-​laqgħat tagħna, il-​ministeru tagħna, u ħutna spiritwali. Ġeħova jaf x’naħsbu dwar ‘ħut’ Kristu. (Mt. 25:40) Hu jaf jekk aħna nixtiqux tassew dak li qed nitolbu għalih jew jekk aħniex sempliċement nirripetu l-​kliem. Ġesù qal: “Meta titlob, toqgħodx tirripeti l-​istess ħaġa, bħalma jagħmlu n-​nies tal-​ġnus, għax dawn jimmaġinaw [b’mod żbaljat] li se jinstemgħu għax jużaw ħafna kliem.”—Mt. 6:7.

14 L-​espressjonijiet tagħna fit-​talb jirrivelaw ukoll kemm nistrieħu fuq Alla. “Int [Ġeħova] kont kenn għalija,” qal David, “torri b’saħħtu meta ffaċċjajt l-​għadu. Jien se nkun il-​mistieden fit-​tinda tiegħek għal dejjem; se nistkenn u ninħeba taħt ġwinħajk.” (Salm 61:3, 4) Meta Alla b’mod figurattiv ‘jifrex it-​tinda tiegħu fuqna,’ aħna ngawdu s-​sigurtà kif ukoll il-​protezzjoni tiegħu. (Riv. 7:15) Kemm hu taʼ faraġ li nersqu lejn Ġeħova bit-​talb konvinti li hu ‘qiegħed fuq in-​naħa tagħna’ matul kwalunkwe prova tal-​fidi tagħna!—Aqra Salm 118:5-9.

15, 16. It-​talb x’jistaʼ jgħinna nagħrfu dwar ix-​xewqa tagħna li jkollna iktar privileġġi taʼ servizz?

15 Talb onest lil Ġeħova dwar il-​motivi tagħna jistaʼ jgħinna nagħrfu l-​verità dwar dawn il-​motivi. Pereżempju, hija l-​ħeġġa biex naqdu f’pożizzjoni t’indokrar fost il-​poplu t’Alla tassew xewqa umli biex inkunu t’għajnuna u biex nagħmlu dak kollu li nistgħu biex navanzaw l-​interessi tas-​Saltna? Jew jistaʼ jkun li rridu “pożizzjoni ewlenija” jew saħansitra li nixtiequ ‘niddominaw’ fuq oħrajn? Dan m’għandux ikun fost in-​nies taʼ Ġeħova. (Aqra t-3 Ġwanni 9, 10; Luqa 22:24-27.) Jekk għandna xewqat ħżiena, talb bl-​onestà lil Alla Ġeħova jistaʼ jikxifhom u jgħinna ninbidlu qabel ma jsiru stabbiliti fis-​sod.

16 Nisa Kristjani miżżewġin għandhom mnejn ikollhom ix-​xewqa li l-​irġiel tagħhom jaqdu bħala qaddejja ministerjali u forsi eventwalment bħala indokraturi, jew anzjani. Dawn in-​nisa jistgħu jaħdmu fi qbil mas-​sentimenti li jesprimu fit-​talb privat tagħhom billi jistinkaw biex jaġixxu b’manjiera eżemplari. Dan hu importanti, għax il-​mod kif jitkellmu u jaġixxu l-​membri tal-​familja jistaʼ jeffettwa kif ir-​raġel ikun meqjus fil-​kongregazzjoni.

Meta Nirrappreżentaw lil Oħrajn f’Talb Pubbliku

17. Għala jkun tajjeb li nkunu waħedna meta nitolbu fil-​privat?

17 Ġesù spiss kien jitlaq minn mal-​folla sabiex jitlob lil Missieru fil-​privat. (Mt. 14:13; Lq. 5:16; 6:12) Aħna wkoll għandna bżonn ftit ħin waħedna. Meta nitolbu bil-​kalma f’kundizzjonijiet paċifiċi, x’aktarx li nagħmlu deċiżjonijiet li jogħġbu lil Ġeħova u li huma fl-​aħjar interessi spiritwali tagħna. Madankollu, Ġesù talab ukoll pubblikament, u jkun tajjeb li nikkunsidraw kif dan jistaʼ jsir b’mod xieraq.

18. X’inhuma xi punti li l-​aħwa rġiel iridu jżommu f’moħħhom meta jirrappreżentaw lill-​kongregazzjoni f’talb pubbliku?

18 Fil-​laqgħat tagħna, irġiel leali jirrappreżentaw lill-​kongregazzjoni f’talb pubbliku. (1 Tim. 2:8) Sħabna fit-​twemmin għandhom ikunu jistgħu jgħidu “ammen,” li tfisser “hekk ikun,” meta tispiċċa talba bħal din. Madankollu, biex jagħmlu hekk għandhom jaqblu maʼ dak li ntqal. M’hemm xejn xokkanti jew mingħajr tattika fit-​talba mudell taʼ Ġesù. (Lq. 11:2-4) Iktar minn hekk, hu ma semmiex kull bżonn jew problema taʼ kull persuna fl-​udjenza tiegħu. Interess persunali huwa suġġett xieraq għal talb privat, mhux pubbliku. U meta nirrappreżentaw lil oħrajn fit-​talb, m’għandniex ninkludu affarijiet kunfidenzjali.

19. Kif għandna nġibu ruħna matul talb pubbliku?

19 Meta qed niġu rappreżentati f’talb pubbliku, għandna bżonn nuru ‘biżaʼ minn Alla’ b’rispett. (1 Pt. 2:17) Jistaʼ jkun hemm ħin u post xieraq għal ċerti azzjonijiet li ma jkunux xierqa f’laqgħa Kristjana. (Ekk. 3:1) Pereżempju, ejja ngħidu li jkun hemm xi ħadd li jrid li kulħadd fi grupp joqgħod labranzetta jew iżommu idejn xulxin waqt talba bħal din. Dan jistaʼ joffendi jew ifixkel lil xi wħud, inkluż viżitaturi li m’għandhomx it-​twemmin tagħna. Xi mseħbin fiż-​żwieġ għandhom mnejn iżommu id xulxin b’mod diskret, imma jekk jgħannqu lil xulxin matul talb pubbliku, dawk li jistgħu jaraw kondotta bħal din għandhom mnejn jitfixklu. Huma jistgħu jaħsbu jew jieħdu l-​impressjoni li l-​koppja kienet qed tiffoka fuq ir-​relazzjoni romantika tagħhom minflok fuq il-​qima lil Ġeħova. B’rispett profond għalih, ejja lkoll ‘nagħmlu kollox għall-​glorja t’Alla’ u nevitaw kondotta li tistaʼ ttellef, taħsad, jew tfixkel lil xi ħadd.—1 Kor. 10:31, 32; 2 Kor. 6:3.

Għal Xiex Għandna Nitolbu?

20. Kif tispjega Rumani 8:26, 27?

20 Kultant, forsi ma nkunux nafu x’se ngħidu fit-​talb privat tagħna. “Il-​problema hi li ma nafux għalxiex għandna nitolbu kif hemm bżonn li nagħmlu,” kiteb Pawlu, “imma l-​ispirtu [qaddis] innifsu jitlob bil-​ħniena għalina bi krib li ma jitlissinx. Iżda [Alla] dak li jfittex fil-​qlub jaf x’inhi t-​tifsira taʼ l-​ispirtu.” (Rum. 8:26, 27) Ġeħova għamel li jinkiteb ħafna talb fl-​Iskrittura. Hu jaċċetta dawn il-​petizzjonijiet ispirati bħallikieku kienu tagħna, u għalhekk iwettaqhom. Alla jaf lilna u jaf it-​tifsir tal-​affarijiet li hu ġiegħel l-​ispirtu tiegħu jitkellem permezz tal-​kittieba tal-​Bibbja. Ġeħova jwieġeb is-​suppliki tagħna meta l-​ispirtu “jitlob bil-​ħniena,” jew jidħol, għalina. Imma hekk kif insiru iktar familjari mal-​Kelma t’Alla, dak li għandna nitolbu għalih jistaʼ jiġi iktar f’moħħna.

21. X’se neżaminaw fl-​artiklu li jmiss?

21 Bħalma tgħallimna, it-​talb tagħna jirrivela ħafna dwarna. Pereżempju, għandu mnejn juri kemm ersaqna qrib lejn Ġeħova u kemm nafu tajjeb il-​Kelma tiegħu. (Ġak. 4:8) Fl-​artiklu li jmiss se neżaminaw xi talb u espressjonijiet taʼ talb li huma miktubin fil-​Bibbja. Eżaminar bħal dan mill-​Iskrittura, x’aktarx li se jkollu liema effett fuq kif navviċinaw lil Alla fit-​talb?

Int Kif Twieġeb?

• B’liema attitudni għandna nersqu lejn Ġeħova fit-​talb?

• Għala għandna nitolbu għal sħabna fit-​twemmin?

• It-​talb tagħna x’jista jirrivela dwarna u dwar il-​motivi tagħna?

• Kif għandna nġibu ruħna matul talb pubbliku?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 4]

Tfaħħar int u tirringrazzjah regolarment lil Ġeħova?

[Stampa f’paġna 6]

L-​imġiba tagħna matul talb pubbliku għandha dejjem tonora lil Ġeħova