Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Huwa xieraq li oħt tgħatti rasha meta tkun qed tinterpreta taħditiet Bibliċi bil-​lingwa tas-​sinjali f’laqgħat, assembleat, jew konvenzjonijiet Kristjani?

Ġeneralment, mara Kristjana għandha tgħatti rasha meta tieħu ħsieb kwistjonijiet li s-​soltu jkunu r-​responsabbiltà tar-​raġel tagħha jew taʼ xi ħu fil-​kongregazzjoni. Dan hu fi qbil mal-​prinċipju li stqarr l-​appostlu Pawlu li “kull mara li titlob jew tipprofetizza u ma jkollhiex rasha mgħottija tagħmel għajb lil rasha” għax “il-​kap tal-​mara hu r-​raġel.” (1 Kor. 11:3-10) Meta oħt tilbes għata tar-​ras modesta u adattata f’sitwazzjonijiet bħal dawn, huwa sinjal taʼ sottomissjoni għall-​arranġament teokratiku fil-​kongregazzjoni Kristjana.—1 Tim. 2:11, 12. a

Imma xi ngħidu għal sitwazzjoni fejn oħt qed tinterpreta bil-​lingwa tas-​sinjali dak li ħu qed jgħid f’taħdita? Huwa minnu li l-​oħt qiegħda twassal il-​ħsieb tal-​kelliemi lill-​udjenza. Jiġifieri, it-​tagħlim mhuwiex tagħha stess imma tal-​ħu li qed tinterpreta għalih. Madankollu, l-​interpretazzjoni bil-​lingwa tas-​sinjali hija differenti ferm minn interpretazzjoni bejn lingwi mitkellmin. B’lingwi mitkellmin, l-​udjenza tistaʼ tiffoka iktar fuq il-​kelliemi filwaqt li xorta tismaʼ lill-​interpretu. Ukoll, għall-​kuntrarju tal-​interpretazzjoni bil-​lingwa tas-​sinjali, aħwa nisa li jinterpretaw lingwi mitkellmin normalment ma jingħatawx l-​attenzjoni primarja. Xi drabi jistaʼ jkollhom l-​għażla li joqogħdu bilqiegħda waqt li qed jinterpretaw jew, jekk ikunu bilwieqfa, li jħarsu lejn il-​kelliemi minflok lejn l-​udjenza. Għalhekk, oħt li qed tinterpreta b’lingwa mitkellma m’għandhiex għalfejn tgħatti rasha.

Flimkien maʼ dan, minħabba l-​bidliet fit-​teknoloġija użata meta t-​taħditiet qed jiġu interpretati bil-​lingwa tas-​sinjali, l-​irwol tal-​interpretu jistaʼ jingħata saħansitra iktar attenzjoni. Huwa komuni li l-​persuna li qed tinterpreta bil-​lingwa tas-​sinjali tidher fuq skrin kbir filwaqt li l-​kelliemi nnifsu għandu mnejn li lanqas biss ikun viżibbli għall-​udjenza. B’dan f’moħħna, jidher li jkun adattat li l-​oħt li qed tinterpreta bil-​lingwa tas-​sinjali tagħraf l-​irwol sekondarju tagħha bħala interpreta billi tgħatti rasha.

Dan it-​tibdil fid-​direzzjoni kif jeffettwa l-​interpretazzjoni bil-​lingwa tas-​sinjali taʼ taħditiet fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku, turijiet, u kummenti waqt l-​Istudju tal-​Bibbja tal-​Kongregazzjoni, il-​Laqgħa tas-​Servizz, u l-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa? Għandha oħt li hija interpreta tal-​lingwa tas-​sinjali tgħatti rasha f’okkażjonijiet bħal dawn? Jidher li f’ċerti ċirkustanzi oħt m’għandhiex għalfejn tgħatti rasha, ladarba dawk kollha fl-​attendenza għandhom jifhmu li fir-​realtà mhijiex qed tikkonduċi l-​laqgħa. Pereżempju, dan ikun minnu meta tkun qed tinterpreta kummenti mill-​udjenza, taħditiet mogħtijin minn aħwa nisa, jew turijiet. Madankollu, meta tkun qed tinterpreta taħditiet għal aħwa rġiel waqt dawn il-​laqgħat, meta tkun qed tinterpreta għal dak li jikkonduċi l-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa jew għal dak li jikkonduċi l-​Istudju tal-​Bibbja tal-​Kongregazzjoni, jew meta tieħu t-​tmexxija fl-​għanjiet bil-​lingwa tas-​sinjali, għandha tgħatti rasha. Waqt li tkun għaddejja l-​laqgħa, jistaʼ jkun li oħt ikollha tinterpreta għal aħwa rġiel u nisa, tfal, u wħud imdaħħlin fiż-​żmien. Meta nqisu dan, jistaʼ jkun iktar prattiku li tgħatti rasha waqt il-​laqgħa kollha kemm hi.

[Nota taʼ taħt]

a Għal diskussjoni dettaljata fuq is-​suġġett tal-​għata tar-​ras għan-​nisa Kristjani, ara paġni 209 sa 212 tal-​ktieb “Żommu Ruħkom fl-​Imħabba t’Alla.”