Nuru Manjieri Tajbin Bħala Ministri t’Alla
“Imitaw lil Alla.”—EFES. 5:1.
1, 2. (a) Manjieri tajbin għala huma importanti? (b) X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?
RIGWARD kondotta rispettuża, l-awtriċi Sue Fox kitbet: “Dejjem għandna nuru manjieri tajbin. Li tkun edukat jaħdem kullimkien, f’kull ħin.” Meta n-nies jagħmluha drawwa li jkunu edukati, problemi m’oħrajn jiċkienu u spiss jisparixxu. Imma l-oppost huwa minnu wkoll. Li nittrattaw lil oħrajn b’mod maledukat jistaʼ jwassal għal ġlied, riżentiment, u dwejjaq.
2 Manjieri tajbin ġeneralment jiffjorixxu fil-kongregazzjoni Kristjana vera. Xorta waħda, irridu ngħassu kontra li nadottaw il-manjieri ħżiena li huma komuni fid-dinja taʼ llum. Ejja naraw kif l-applikar taʼ prinċipji Bibliċi fil-kwistjoni taʼ manjieri tajbin jistaʼ jipproteġina f’dan ir-rigward u jiġbed lin-nies lejn il-qima vera. Biex nifhmu x’hemm involut f’li nuru manjieri tajbin, ejja nikkunsidraw l-eżempju t’Alla Ġeħova u t’Ibnu.
Ġeħova u Ibnu—Eżempji taʼ Manjieri Tajbin
3. Alla Ġeħova ħalla liema eżempju taʼ manjieri tajbin?
3 Alla Ġeħova jħalli l-eżempju perfett taʼ manjieri tajbin. Minkejja l-pożizzjoni għolja tiegħu bħala s-Sovran tal-univers, hu jittratta lill-bnedmin b’qalb tajba u b’rispett kbir. Meta indirizza kemm lil Abraham kif ukoll lil Mosè, Ġeħova uża terminu Ebrajk spiss tradott “jekk jogħġbok.” (Ġen. 13:14; Eżo. 4:6) Meta l-qaddejja tiegħu jikkommettu dnubiet, Ġeħova hu ‘ħanin u grazzjuż, bil-mod biex jirrabja u għani fil-qalb tajba bl-imħabba u l-verità.’ (Salm 86:15) Hu differenti ħafna minn xi bnedmin li jiżbroffaw b’rabja meta oħrajn ma jagħmlux dak li jistennew minnhom.
4. Kif nistgħu nimitaw lil Ġeħova meta oħrajn ikellmuna?
4 Il-manjieri tajbin t’Alla jidhru wkoll fil-mod li hu jagħti widen lill-bnedmin. Meta Abraham qajjem xi mistoqsijiet rigward in-nies taʼ Sodoma, Ġeħova bil-paċenzja wiġibhom kollha. (Ġen. 18:23-32) Ma qiesx it-tħassib t’Abraham bħala ħela taʼ ħin. Ġeħova jagħti widen għat-talb tal-qaddejja tiegħu u l-għajjat taʼ midinbin niedma. (Aqra Salm 51:11, 17.) M’għandniex aħna nimitaw lil Ġeħova billi nagħtu widen meta oħrajn ikellmuna?
5. Il-fatt li nimitaw il-manjieri tajbin taʼ Ġesù kif jistaʼ jtejjeb ir-relazzjonijiet tagħna m’oħrajn?
5 Il-manjieri tajbin huma fost il-ħafna affarijiet li Ġesù Kristu tgħallem mingħand Missieru. Għalkemm il-ministeru tiegħu kultant kien jirrikjedi ħafna mill-ħin u l-enerġija tiegħu, Ġesù dejjem kien paċenzjuż u qalbu tajba. Imġiddmin, nies għomja li kienu jittallbu, u oħrajn fil-bżonn sabu lil Ġesù lest biex jgħinhom. Hu ma injorahomx avolja marru għandu mingħajr appuntament. Spiss kien jieqaf minn dak li kien qed jagħmel sabiex jgħin lil xi individwu mnikket. Ġesù wera konsiderazzjoni straordinarja lejn dawk li poġġew il-fidi tagħhom fih. (Mk. 5:30-34; Lq. 18:35-41) Bħala Kristjani, aħna nsegwu l-eżempju taʼ Ġesù billi nkunu qalbna tajba u t’għajnuna. Kondotta bħal din tiġi notata mill-qraba u l-ġirien tagħna, u minn oħrajn. Iżjed minn hekk, kondotta bħal din tigglorifika lil Ġeħova u tagħmilna ferħanin.
6. Ġesù liema eżempju ħalla taʼ dħulija?
6 Ġesù wera wkoll rispett għan-nies billi uża isimhom. Kienu l-mexxejja reliġjużi Lhud jagħmlu l-istess? Le. Huma kienu jqisu lil dawk li ma kinux jafu l-Liġi bħala nies ‘misħutin’ u hekk ittrattawhom. (Ġw. 7:49) L-Iben t’Alla ma ttrattax lin-nies hekk. Marta, Marija, Żakkew, u ħafna oħrajn semgħuh isejħilhom b’isimhom. (Lq. 10:41, 42; 19:5) Filwaqt li l-kultura u ċ-ċirkustanzi jistgħu jeffettwaw il-mod kif inkellmu lin-nies illum, il-qaddejja taʼ Ġeħova jagħmlu sforz biex ikunu dħulin m’oħrajn. a Huma ma jħallux distinzjonijiet bejn il-klassijiet iwaqqfuhom milli juru r-rispett li jistħoqqilhom sħabhom fit-twemmin u oħrajn.—Aqra Ġakbu 2:1-4.
7. Il-prinċipji Bibliċi kif jgħinuna nuru manjieri tajbin maʼ sħabna l-bnedmin kullimkien?
7 Il-mod grazzjuż li Alla u Ibnu jittrattaw lin-nies taʼ kull ġens u grupp etniku jagħti dinjità lil individwi bħal dawn u jiġbed lil dawk li għandhom attitudni xierqa lejn il-verità. M’għandniex xi ngħidu, il-manjieri tajbin ivarjaw minn post għal ieħor. Għalhekk, ma nsegwux għadd taʼ regoli stretti rigward il-manjieri. Minflok, inħallu prinċipji Bibliċi jagħtuna flessibiltà f’li nuru rispett lil sħabna l-bnedmin kullimkien. Ejja neżaminaw kif jekk nittrattaw lin-nies b’manjieri tajbin jistaʼ jwassal għal li nkunu iktar produttivi fil-ministeru Kristjan.
Insellmu lin-Nies u Nkellmuhom
8, 9. (a) Liema drawwa tistaʼ tiġi interpretata bħala maledukazzjoni? (b) Għala għandna nħallu l-kliem taʼ Ġesù f’Mattew 5:47 jeffettwa l-mod kif nittrattaw lin-nies?
8 Fil-ħajja mgħaġġla li hija komuni f’ħafna postijiet illum, tnejn min-nies spiss jgħaddu minn ħdejn xulxin mingħajr ma jsellmu lil xulxin. M’għandniex xi ngħidu, ħadd ma jistenna li dak li jkun ikellem lil kull min jgħaddi minn ħdejh fuq bankina kollha nies. Madankollu, f’ħafna sitwazzjonijiet oħrajn huwa xieraq u mixtieq li nsellmu lil oħrajn. Hija d-drawwa tiegħek li ssellem lin-nies? Jew spiss tgħaddi minn ħdejn xi ħadd mingħajr tbissima jew kelma dħulija? Mingħajr intenzjoni ħażina, individwu jistaʼ jiżviluppa drawwa li fir-realtà hija maledukazzjoni.
9 Ġesù tana tfakkira meta qal: “Jekk issellmu lil ħutkom biss, x’qed tagħmlu speċjali? Mhux hekk ukoll jagħmlu n-nies tal-ġnus?” (Mt. 5:47) F’dan ir-rigward, is-speċjalista Donald Weiss kiteb: “In-nies iħossuhom offiżi meta oħrajn ma jirrikonoxxuhomx. Sempliċement m’hemmx skuża tajba biex tinjora lil xi ħadd. Ir-rimedju huwa sempliċi: Sellem lin-nies. Kellimhom.” Jekk noqogħdu attenti li ma nitbegħdux minn oħrajn jew li ma nkunux berdin, se jkollna riżultati tajbin.
10. Manjieri tajbin kif jistgħu jgħinuna jkollna ministeru produttiv? (Ara l-kaxxa “Ibda bi Tbissima Ħelwa.”)
10 Ikkunsidra l-każ taʼ koppja Kristjana jisimhom Tom u Carol, li jgħixu f’belt kbira fl-Amerika taʼ Fuq. Huma għamlu konversazzjonijiet pjaċevoli mal-ġirien tagħhom parti mill-ministeru tagħhom. Dan kif jagħmluh? B’referenza għal Ġakbu 3:18, Tom jgħid: “Nipprovaw inkunu dħulin u nżommu l-paċi man-nies. Navviċinaw lil dawk li naraw quddiem id-dar tagħhom u lil dawk li jaħdmu fl-inħawi. Nitbissmu u nsellmulhom. Nitkellmu dwar dak li jinteressahom—it-tfal, il-klieb, id-djar, u l-impjiegi tagħhom. Maż-żmien iqisuna bħala l-ħbieb tagħhom.” Carol iżżid tgħid: “Wara ftit żjajjar ngħidulhom x’jisimna u nistaqsuhom x’jisimhom. Ngħidulhom x’aħna nagħmlu fl-inħawi imma nżommu l-konversazzjonijiet qosra. Maż-żmien, inkunu nistgħu nagħtuhom xhieda.” Tom u Carol kisbu l-fiduċja taʼ ħafna mill-ġirien tagħhom. Għadd kbir minnhom aċċettaw pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja, u xi ftit urew interess akbar f’li jitgħallmu l-verità.
Nuru Manjieri Tajbin f’Ċirkustanzi Diffiċli
11, 12. Għala għandna nistennew li niġu trattati ħażin meta nippritkaw l-aħbar tajba, u kif għandna nirreaġixxu għal dan?
11 Kultant, niġu trattati b’maledukazzjoni hekk kif nippritkaw l-aħbar tajba. Dan nistennewh, għax Kristu Ġesù wissa lid-dixxipli tiegħu: “Jekk ippersegwitaw lili, jippersegwitaw lilkom ukoll.” (Ġw. 15:20) Imma jekk nirritaljaw għal kummenti taʼ tmaqdir ma se joħroġ ebda ġid. Kif għandna nirreaġixxu? L-appostlu Pietru kiteb: “Qaddsu lill-Kristu bħala Mulej fi qlubkom, u kunu dejjem lesti li tiddefendu ruħkom quddiem kulmin ikun irid raġuni għat-tama li għandkom, imma dan agħmluh bil-ħlewwa u b’rispett profond.” (1 Pt. 3:15) Jekk nuru manjieri tajbin—billi nwieġbu bil-ħlewwa u bir-rispett—nistgħu rrattbu l-attitudni taʼ dawk li jinsultawna.—Titu 2:7, 8.
12 Nistgħu nippreparaw lilna nfusna biex niffaċċjaw kummenti negattivi b’mod li jilħaq l-approvazzjoni t’Alla? Iva. Pawlu ssuġġerixxa: “Ħa jkun kliemkom dejjem kollu ħlewwa, imħawwar bil-melħ, sabiex tkunu tafu kif għandkom twieġbu lil kulħadd.” (Kol. 4:6) Jekk nagħmluha drawwa li nuru manjieri tajbin mal-membri tal-familja, mal-istudenti sħabna, maʼ dawk li naħdmu magħhom, mal-membri tal-kongregazzjoni, u mal-ġirien, inkunu preparati aħjar biex niffaċċjaw twaqqigħ għaċ-ċajt u insulti b’mod li jixraq lil Kristjan.—Aqra Rumani 12:17-21.
13. Agħti eżempju taʼ kif manjieri tajbin jistgħu jrattbu l-attitudni t’opponenti.
13 Li nuru manjieri tajbin f’sitwazzjonijiet diffiċli jġib riżultati tajbin. Pereżempju, fil-Ġappun ċertu Xhud iffaċċja twaqqigħ għaċ-ċajt minn inkwilin u mistieden tiegħu. Bl-edukazzjoni kollha, il-ħu telaq minn quddiem il-bieb. Hekk kif kompla jipprietka fit-territorju, hu nnota li l-mistieden kien qed josservah minn ftit ’il bogħod. Meta l-ħu avviċinah, ir-raġel qal: “Jiddispjaċini għal dak li ġara. Avolja ma ttrattajniekx sew, innotajt li int bqajt titbissem. Xi rrid nagħmel biex inkun hekk?” Minħabba li dan ir-raġel kien tilef l-impjieg tiegħu u ommu kienet għadha kif mietet, kien tilef kull tama li jkun ferħan. Ix-Xhud offrilu studju tal-Bibbja, u r-raġel aċċetta. Ma damx ma kien qed jistudja darbtejn fil-ġimgħa.
L-Aqwa Mod Kif Niżviluppaw Manjieri Tajbin
14, 15. Qaddejja taʼ Ġeħova fi żminijiet Bibliċi kif kienu jħarrġu lil uliedhom?
14 Ġenituri li kellhom il-biżaʼ t’Alla fi żminijiet Bibliċi għamlu ċert li wliedhom jitgħallmu juru manjieri tajbin fid-dar. Ikkunsidra l-mod edukat li Abraham u ibnu Iżakk kellmu lil xulxin f’Ġenesi 22:7. Il-każ taʼ Ġużeppi wkoll juri li kellu taħriġ tajjeb mill-ġenituri tiegħu. Meta kien il-ħabs, wera manjieri tajbin saħansitra mal-ħabsin l-oħrajn. (Ġen. 40:8, 14) Il-mod kif kellem lill-Fargħun juri li hu tgħallem il-mod xieraq kif jindirizza lil xi persuna taʼ pożizzjoni għolja.—Ġen. 41:16, 33, 34.
15 L-Għaxar Kmandamenti li ngħataw lil ulied Israel inkludew dan il-kmand: “Onora lil missierek u lil ommok sabiex ittawwal jiemek fuq l-art li qed jagħtik Ġeħova Alla tiegħek.” (Eżo. 20:12) Mod wieħed kif it-tfal kienu jonoraw lill-ġenituri tagħhom kien billi juru manjieri tajbin fid-dar. It-tifla taʼ Ġefta wriet rispett li jispikka għal missierha billi żammet mal-wegħda tiegħu f’sitwazzjoni diffiċli ħafna.—Mħ. 11:35-40.
16-18. (a) X’tistaʼ tagħmel biex it-tfal jitgħallmu manjieri tajbin? (b) X’inhuma xi benefiċċji taʼ li tgħallem it-tfal manjieri tajbin?
16 Il-valur taʼ li nħarrġu lil uliedna biex ikollhom manjieri tajbin ma jistax jiġi enfasizzat iżżejjed. Biex jirnexxu bħala adulti, iż-żgħar għandhom bżonn jitgħallmu l-mod xieraq kif jilqgħu lill-mistidnin, kif iwieġbu t-telefon, u kif jieklu ikla m’oħrajn. Għandhom jiġu megħjunin jifhmu għala għandhom jiftħu l-bieb għal oħrajn, juru qalb tajba maʼ dawk imdaħħlin fiż-żmien u morda, u joffru li jgħinu lil dawk li qed iġorru affarijiet tqal. Iridu jifhmu l-importanza taʼ li b’sinċerità jgħidu “jekk jogħġbok,” “grazzi,” “m’hemmx imniex,” “nistaʼ ngħinek?,” u “jiddispjaċini.”
17 M’għandux ikun diffiċli li tħarreġ lit-tfal biex ikollhom manjieri tajbin. L-aqwa mod hu billi int tkun t’eżempju tajjeb. Kurt, li għandu ħamsa u għoxrin sena, jgħid hekk dwar kif hu u t-tliet ħutu tgħallmu jkunu edukati: “Konna naraw u nisimgħu kif ommi u missieri kienu jitkellmu b’qalb tajba maʼ xulxin u kif kienu jittrattaw lil nies oħrajn b’paċenzja u konsiderazzjoni. Fis-Sala tas-Saltna, missieri kien jiħodni miegħu qabel u wara l-laqgħat biex nitkellmu mal-aħwa akbar fl-età. Kont nismaʼ kif kien jilqagħhom u rajt ir-rispett li kellu għalihom.” Kurt ikompli biex jgħid: “Maż-żmien, jien bdejt nimita l-manjieri tiegħu. Li tittratta lin-nies bl-edukazzjoni jsir awtomatiku. Mhuwiex il-mod kif għandek taġixxi, imma l-mod kif trid taġixxi.”
18 Probabbilment x’jiġri jekk il-ġenituri jgħallmu lil uliedhom manjieri tajbin? It-tfal se jkunu jistgħu jagħmlu l-ħbieb u jżommu l-paċi m’oħrajn. Se jkunu mħarrġin sew biex jaħdmu mal-imgħallmin u l-ħaddiema sħabhom. Iktar minn hekk, tfal b’manjieri tajbin u onesti se jġibu ferħ u sodisfazzjon lill-ġenituri tagħhom.—Aqra Proverbji 23:24, 25.
Manjieri Tajbin Jagħmlu Differenza
19, 20. Għala għandna nkunu determinati li nimitaw lil Alla grazzjuż tagħna u Ibnu?
19 Pawlu kiteb: “Imitaw lil Alla, bħala wlied maħbubin.” (Efes. 5:1) Li nimitaw lil Alla Ġeħova u lil Ibnu jinvolvi l-applikar taʼ prinċipji Bibliċi, bħal dawk li kkunsidrajna f’dan l-artiklu. Billi nagħmlu dan, se nevitaw l-ipokrisija taʼ li nuru manjieri tajbin sempliċement biex niksbu l-favur taʼ xi ħadd f’pożizzjoni iktar għolja jew għal xi vantaġġ materjali.—Ġuda 16.
20 Fl-aħħar jiem tal-ħakma mill-agħar tiegħu, Satana hu determinat li jelimina l-livelli taʼ kondotta rispettuża li stabbilixxa Ġeħova. Imma x-Xitan mhux se jirnexxilu jneħħi l-manjieri tajbin taʼ Kristjani veri. Jalla lkoll kemm aħna nkunu determinati li nsegwu l-eżempju tal-Alla grazzjuż tagħna u t’Ibnu. Imbagħad dejjem se jkun hemm kuntrast bejn il-kliem u l-kondotta tagħna u l-azzjonijiet taʼ dawk li jagħżlu li jkunu maledukati. Se nġibu tifħir lill-isem tal-Alla tagħna Ġeħova li juri manjieri tajbin, u se niġbdu lil uħud sinċieri lejn il-qima vera tiegħu.
[Nota taʼ taħt]
a F’xi kulturi, hu meqjus bħala nuqqas taʼ manjieri li tindirizza individwu akbar fl-età b’ismu sakemm hu stess ma jgħidlekx biex tagħmel hekk. Il-Kristjani jagħmlu tajjeb jekk jirrispettaw drawwiet bħal dawn.
Tiftakar Int?
• X’nitgħallmu minn Ġeħova u Ibnu dwar li nuru manjieri tajbin?
• Il-fatt li nsellmu lin-nies b’mod dħuli għala jirrifletti tajjeb fuqna bħala Kristjani?
• Li nkunu edukati kif jikkontribwixxi għal ministeru produttiv?
• Liema rwol għandhom il-ġenituri f’li jgħallmu lil uliedhom manjieri tajbin?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Kaxxa f’paġna 27]
Ibda bi Tbissima Ħelwa
Ħafna nies iżommu lura milli jibdew konversazzjoni maʼ xi ħadd li ma jafux. Madankollu, minħabba li jħobbu lil Alla u lil ġarhom, ix-Xhieda taʼ Ġeħova jagħmlu sforz sinċier biex jitgħallmu kif ikollhom konversazzjoni sabiex jaqsmu veritajiet Bibliċi m’oħrajn. X’jistaʼ jgħinek titjieb f’dan il-qasam?
Prinċipju taʼ valur jidher f’Filippin 2:4, li jgħid: “Tfittxux l-interessi persunali tagħkom biss, imma wkoll l-interessi persunali taʼ l-oħrajn.” Aħseb dwar dan il-kliem b’dan il-mod: Jekk qatt ma ltqajt maʼ ċertu individwu qabel, hu jqisek bħala stranġier. Kif tistaʼ tgħinu jħossu komdu? Tbissima ħelwa u tislima dħulija jistgħu jgħinu. Però, hemm iktar x’nikkunsidraw.
Individwu għandu mnejn ikun qed jaħseb dwar xi ħaġa oħra meta tipprova tibda konversazzjoni miegħu. Jekk tipprova tiddiskuti dak li għandek f’moħħok mingħajr ma turi interess f’dak li qed jaħseb hu, għandu mnejn ma jwiġibx b’mod favorevoli. Għalhekk, jekk tistaʼ tagħraf dak li forsi kien qed jaħseb dwaru l-individwu, għala ma tużax dan biex tibda konversazzjoni miegħu? Ġesù hekk għamel meta ltaqaʼ maʼ mara ħdejn bir fis-Samarija. (Ġw. 4:7-26) Moħħha kien f’li ttellaʼ l-ilma. Ġesù beda l-konversazzjoni tiegħu magħha fuq dan is-suġġett, u ma damx ma dawwar id-diskussjoni f’waħda spiritwali u interessanti.
[Stampi f’paġna 26]
Li nkunu dħulin man-nies jistaʼ jwassal biex nagħtu xhieda tajba
[Stampa f’paġna 28]
Manjieri tajbin dejjem huma xierqa