Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tejjeb il-Kwalità tat-Talb Tiegħek Permezz taʼ Studju tal-Bibbja

Tejjeb il-Kwalità tat-Talb Tiegħek Permezz taʼ Studju tal-Bibbja

“Ah! Ġeħova, jekk jogħġbok, ħa jkunu widnejk attenti għat-​talba tal-​qaddej tiegħek.”—NEĦ. 1:11.

1, 2. Għala se jkun taʼ benefiċċju li tikkunsidra xi talb li hu miktub fil-​Bibbja?

 TALB u studju tal-​Bibbja huma fatturi essenzjali tal-​qima vera. (1 Tess. 5:17; 2 Tim. 3:16, 17) M’għandniex xi ngħidu, il-​Bibbja mhijiex ktieb tat-​talb. Madankollu, fiha ħafna talb, inkluż ħafna li nsibu fil-​ktieb tas-​Salm.

2 Hekk kif taqra u tistudja l-​Bibbja, int x’aktarx li se ssib talb li jaqbel mas-​sitwazzjonijiet li tiltaqaʼ magħhom. Fil-​fatt, meta tuża espressjonijiet li huma miktubin fl-​Iskrittura, ittejjeb il-​kwalità tat-​talb tiegħek. X’tistaʼ titgħallem minn dawk li t-​talb tagħhom għall-​għajnuna ġie mwieġeb u minn dak li qalu fit-​talb tagħhom?

Fittex u Segwi l-​Gwida t’Alla

3, 4. X’kien l-​inkarigu tal-​qaddej t’Abraham, u x’nistgħu nitgħallmu mill-​mod kif Ġeħova mexxa l-​affarijiet?

3 L-​istudju tal-​Bibbja jagħmilha evidenti li għandek dejjem titlob għall-​gwida t’Alla. Ikkunsidra x’ġara meta l-​patrijarka Abraham bagħat lill-​ixjeħ qaddej tiegħu—x’aktarx lil Eligħeżer—lejn il-​Mesopotamja biex isib mara li tibżaʼ minn Alla għal Iżakk. Hekk kif in-​nisa bdew itellgħu l-​ilma minn bir, il-​qaddej talab: “Ġeħova . . . , dak li jrid iseħħ hu li ż-​żagħżugħa li ngħidilha, ‘Jekk jogħġbok, niżżel il-​ġarra taʼ l-​ilma biex nixrob,’ u li tgħidli, ‘Ixrob int, u jien nisqi wkoll lill-​iġmla tiegħek,’ tkun hi dik li int għażilt għall-​qaddej tiegħek, għal Iżakk; u b’dan inkun naf li int urejt imħabba leali maʼ sidi.”—Ġen. 24:11-14.

4 It-​talba tal-​qaddej t’Abraham ġiet imwieġba meta Rebekka sqiet l-​iġmla tiegħu. Hi ma damitx ma marret miegħu lejn Kangħan u saret il-​mara maħbuba t’Iżakk. M’għandniex xi ngħidu, ma tistax tistenna li Alla jagħtik sinjal speċjali. Madankollu, hu se jiggwidak fil-​ħajja jekk titlob u tkun determinat li tiġi mmexxi mill-​ispirtu tiegħu.—Gal. 5:18.

It-​Talb Jgħinna Nnaqqsu l-​Ansjetà

5, 6. X’jispikka fit-​talba li Ġakobb għamel meta kien se jiltaqaʼ m’Għesaw?

5 It-​talb jistaʼ jnaqqas l-​ansjetà. Meta beżaʼ li Għesaw, ħuh it-​tewmi, kien se jagħmillu l-​ħsara, Ġakobb talab: “O Ġeħova, . . . jien ma jistħoqqulix il-​qalb tajba bl-​imħabba kollha u l-​fedeltà kollha li int urejt mal-​qaddej tiegħek, . . . Eħlisni, nitolbok, minn id ħija, minn id Għesaw, għax qed nibżaʼ minnu, li jiġi u żgur jattakka lili u ’l omm flimkien mat-​tfal. U int, int għedt, ‘Bla dubju jien nittrattak tajjeb u nagħmel lil nislek bħar-​ramel tal-​baħar, li ma jistax jingħadd daqskemm hu kotran.’”—Ġen. 32:9-12.

6 Għalkemm Ġakobb ħa prekawzjoni, it-​talb tiegħu ġie mwieġeb meta hu u Għesaw irranġaw id-​differenzi taʼ bejniethom. (Ġen. 33:1-4) Aqra din il-​petizzjoni bir-​reqqa, u se tinduna li Ġakobb mhux sempliċement talab għall-​għajnuna. Hu esprima fidi fin-​Nisel imwiegħed u gratitudni għall-​qalb tajba bl-​imħabba t’Alla. Ikollok int “biżaʼ ġewwa” fik? (2 Kor. 7:5) Jekk inhu hekk, it-​talba ħerqana taʼ Ġakobb forsi tfakkrek li t-​talb jistaʼ jnaqqas l-​ansjetà. Madankollu, it-​talb m’għandux ikun fih rikjesti biss, imma wkoll espressjonijiet taʼ fidi.

Itlob għall-​Għerf

7. Mosè għala talab għall-​għarfien dwar il-​mogħdijiet taʼ Ġeħova?

7 Xewqa li togħġob lil Ġeħova għandha tqanqlek biex titlob għall-​għerf. Mosè talab għall-​għarfien dwar il-​mogħdijiet t’Alla. “Ara,” hu talab, “int [Ġeħova] qed tgħidli, ‘Tellaʼ lil dan il-​poplu [mill-Eġittu]’ . . . U issa, jekk jogħġbok, jekk jien approvat f’għajnejk, ġegħelni nkun naf, jekk jogħġbok, il-​mogħdijiet tiegħek, . . . sabiex inkun approvat f’għajnejk.” (Eżo. 33:12, 13) Bi tweġiba, Alla ta lil Mosè iktar għarfien dwar mogħdijietu—xi ħaġa bżonnjuża jekk kien se jieħu t-​tmexxija fost il-​poplu taʼ Ġeħova.

8. Kif tistaʼ tibbenefika jekk timmedita fuq l-​1 Slaten 3:7-14?

8 David talab ukoll: “Għarrafni triqatek, O Ġeħova.” (Salm 25:4) Salamun, bin David, talab bil-​ħerqa lil Alla għall-​għarfien meħtieġ biex iwettaq id-​dmirijiet taʼ sultan f’Israel. It-​talba taʼ Salamun għoġbot lil Ġeħova, li mhux biss tah dak li talbu imma wkoll rikkezzi u glorja. (Aqra l-1 Slaten 3:7-14.) Jekk tirċievi xi privileġġi taʼ servizz li jidhru kbar wisq biex twettaqhom, itlob għall-​għerf u uri spirtu umli. Imbagħad, Alla se jgħinek tikseb l-​għarfien u jgħinek taġixxi bl-​għerf meħtieġ biex tieħu ħsieb ir-​responsabbiltajiet tiegħek b’mod xieraq u bi mħabba.

Itlob mill-​Qalb

9, 10. Xi ssib sinifikanti dwar ir-​referenzi għall-​qalb fit-​talba taʼ Salamun għall-​inawgurazzjoni tat-​tempju?

9 Biex jinstemaʼ, it-​talb għandu jiġi mill-​qalb. Salamun offra talba mill-​qalb, li hi miktuba fl-​1 Slaten kapitlu 8, quddiem folol taʼ nies li nġemgħu f’Ġerusalemm għall-​inawgurazzjoni tat-​tempju taʼ Ġeħova fis-​sena 1026 Q.E.K. Wara li l-​arka tal-​patt tqiegħdet fl-​Iktar Qaddis u s-​sħaba taʼ Ġeħova mliet it-​tempju, Salamun faħħar lil Alla.

10 Studja t-​talba taʼ Salamun, u nnota r-​referenzi għall-​qalb li hemm fiha. Salamun għaraf li Ġeħova biss jaf il-​qalb taʼ persuna. (1 Slat. 8:38, 39) L-​istess talba turi li hemm tama għal midneb li ‘jerġaʼ lura lejn Alla b’qalbu kollha.’ Jekk xi għadu kien jieħu fil-​jasar in-​nies t’Alla, it-​talb tagħhom kellu jinstemaʼ jekk qalbhom kienet sħiħa maʼ Ġeħova. (1 Slat. 8:48, 58, 61) Mela, ċertament li t-​talb tiegħek għandu jiġi mill-​qalb.

Kif is-​Salmi Jistgħu Jtejbu t-​Talb Tiegħek

11, 12. X’tgħallimt mit-​talba taʼ ċertu Levita li għal xi żmien ma setax imur fis-​santwarju t’Alla?

11 Il-​fatt li tistudja s-​Salmi jistaʼ jtejjeb il-​kwalità tat-​talb tiegħek u jgħinek tistenna lil Ġeħova jwieġbu. Ikkunsidra s-​sabar taʼ Levita eżiljat. Għalkemm ma setax imur fis-​santwarju taʼ Ġeħova għal xi żmien, hu kanta: “Għala int iddisprata, O ruħi, u għala tagħmel storbju ġewwa fija? Stenna lil Alla, għax jien għad irrid infaħħru bħala s-​salvazzjoni grandjuża tiegħi u bħala Alla tiegħi.”—Salm 42:5, 11; 43:5.

12 X’tistaʼ titgħallem minn dan il-​Levita? Jekk teħel ħabs minħabba s-​sewwa u dan iżommok lura milli tkun maʼ sħabek fit-​twemmin fil-​post taʼ qima tagħhom għal xi żmien, stenna bil-​paċenzja lil Alla biex jaġixxi għan-​nom tiegħek. (Salm 37:5) Immedita fuq il-​ferħ li gawdejt fis-​servizz t’Alla fil-​passat, u itlob għas-​sabar waqt li ‘tistenna lil Alla’ biex jerġaʼ jgħinek tissieħeb b’mod attiv mal-​poplu tiegħu.

Itlob bil-​Fidi

13. Fi qbil maʼ Ġakbu 1:5-8, għala għandek titlob bil-​fidi?

13 Huma x’inhuma ċ-​ċirkustanzi tiegħek, dejjem itlob bil-​fidi. Jekk qed tiffaċċja prova t’integrità, segwi l-​parir tad-​dixxiplu Ġakbu. Dur lejn Ġeħova bit-​talb, u tiddubitax li hu jistaʼ jagħtik l-​għerf meħtieġ biex tkampa mal-​prova tiegħek. (Aqra Ġakbu 1:5-8.) Alla hu konxju tal-​provi tiegħek, u hu jistaʼ jiggwidak u jfarrġek permezz tal-​ispirtu tiegħu. Iftaħ qalbek miegħu b’fidi sħiħa, ‘bla ma tiddubita xejn,’ u aċċetta l-​gwida tal-​ispirtu tiegħu u l-​pariri tal-​Kelma tiegħu.

14, 15. Għala jistaʼ jingħad li Ħanna talbet u aġixxiet bil-​fidi?

14 Ħanna, waħda miż-​żewġ nisa t’Elkana l-​Levita, talbet u aġixxiet bil-​fidi. Ħanna ma kellhiex tfal u kienet tiġi mgħajra mill-​mara l-​oħra, Peninna, li kellha t-​tfal. Fit-​tabernaklu, Ħanna wiegħdet li jekk ikollha tifel, kienet se tagħtih lil Ġeħova. Minħabba li xofftejha kienu qed jitħarrku waqt li kienet qed titlob, il-​Qassis il-​Kbir Għeli ħaseb li kienet fis-​sakra. Meta sar jaf li ma kienx hekk, hu qal: “Jalla l-​Alla taʼ Israel jismaʼ t-​talba tiegħek.” Għalkemm Ħanna ma kinitx taf eżattament x’kien se jkun ir-​riżultat, hi kellha fidi li t-​talba tagħha kienet se tiġi mwieġba. Għalhekk, “wiċċha ma baqax jidher imħasseb bħal qabel.” Hi ma baqgħetx imdejqa jew qalba sewda.—1 Sam. 1:9-18.

15 Wara li Samwel twieled u nfatam, Ħanna ppreżentatu lil Ġeħova għal servizz sagru fit-​tabernaklu. (1 Sam. 1:19-28) Il-​fatt li tieħu l-​ħin biex timmedita fuq it-​talba tagħha f’dik l-​okkażjoni jistaʼ jgħinek ittejjeb it-​talb tiegħek u jgħinek tara li saħansitra d-​dwejjaq minħabba problema inkwetanti jistaʼ jingħeleb jekk titlob b’fiduċja li Ġeħova se jwieġbek.—1 Sam. 2:1-10.

16, 17. X’ġara minħabba li Neħemija talab u aġixxa bil-​fidi?

16 Ir-​raġel rett Neħemija li għex fil-​ħames seklu Q.E.K. talab u aġixxa bil-​fidi. Hu talab: “Ah! Ġeħova, jekk jogħġbok, ħa jkunu widnejk attenti għat-​talba tal-​qaddej tiegħek u għat-​talba tal-​qaddejja tiegħek li jitgħaxxqu jibżgħu minn ismek; u, jekk jogħġbok, għin lill-​qaddej tiegħek jirnexxi llum u agħmel li dan ir-​raġel jitħassru.” Min kien “dan ir-​raġel”? Kien is-​Sultan Artaserse tal-​Persja, li Neħemija kien jaqdi bħala l-​kuppier tiegħu.—Neħ. 1:11.

17 Neħemija talab bil-​fidi għal ġranet sħaħ wara li sar jaf li l-​Lhud li ġew meħlusin mill-​jasar taʼ Babilonja kienu “fi stat imwiegħer ferm u [kienu] qed jiġu mżebilħin; u s-​sur taʼ Ġerusalemm [kien] imġarraf.” (Neħ. 1:3, 4) It-​talb taʼ Neħemija ġie mwieġeb iktar milli stenna meta s-​Sultan Artaserse ħallieh imur Ġerusalemm biex jibni s-​sur mill-​ġdid. (Neħ. 2:1-8) Fi żmien qasir is-​sur ġie rranġat. It-​talb taʼ Neħemija ġie mwieġeb minħabba li kien jiffoka fuq il-​qima vera u kien offrut bil-​fidi. It-​talb tiegħek huwa hekk?

Ftakar fit-​Tifħir u r-​Radd il-​Ħajr

18, 19. Qaddej taʼ Ġeħova liema raġunijiet għandu biex ifaħħru u jirringrazzjah?

18 Fit-​talb, ftakar li għandek tfaħħar u tirringrazzja lil Ġeħova. Hemm ħafna raġunijiet għala għandna nagħmlu dan! Pereżempju, David kien ħerqan biex ifaħħar is-​saltna taʼ Ġeħova. (Aqra Salm 145:10-13.) It-​talb tiegħek juri li tapprezza l-​privileġġ li tħabbar is-​Saltna taʼ Ġeħova? Kliem is-​salmista għandu mnejn jgħinek ukoll biex tesprimi f’talb mill-​qalb lil Alla l-​gratitudni tiegħek għal-​laqgħat, l-​assembleat, u l-​konvenzjonijiet Kristjani.—Salm 27:4; 122:1.

19 Gratitudni għar-​relazzjoni prezzjuża tiegħek m’Alla għandha mnejn tqanqlek biex titlob mill-​qalb bi ħsibijiet bħal dawn: “Se nfaħħrek fost il-​popli, O Ġeħova; ngħannilek fost il-​ġnus. Għax il-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħek hija kbira sas-​smewwiet, u l-​verità tiegħek sas-​sema. Ħa titgħolla ’l fuq mis-​smewwiet, O Alla; ħa tkun il-​glorja tiegħek ’il fuq mill-​art kollha.” (Salm 57:9-11) Xi ħsibijiet inkuraġġanti! Ma taqbilx li kliem li jqanqal bħal dan mis-​Salmi jistaʼ jeffettwa u jtejjeb it-​talb tiegħek?

Itlob lil Alla b’Rispett Kbir

20. Marija kif esprimiet id-​devozzjoni tagħha lejn Alla?

20 Rispett kbir għal Alla għandu jkun evidenti fit-​talb tiegħek. Il-​kliem kollu rispett taʼ Marija li qalet ftit wara li saret taf li kienet se tkun omm il-​Messija kien simili għal dak taʼ Ħanna meta kienet qed tippreżenta liċ-​ċkejken Samwel għal servizz fit-​tabernaklu. Ir-​rispett kbir taʼ Marija għal Alla jidher ovvju mill-​kliem tagħha: “Ruħi tfaħħar bil-​kbir lil Ġeħova, u l-​ispirtu tiegħi ma jistax ma jithenniex b’Alla s-​Salvatur tiegħi.” (Lq. 1:46, 47) Tistaʼ ssebbaħ it-​talb tiegħek billi tesprimi sentimenti simili? Mhux taʼ b’xejn li Marija, li kienet tant devota, ġiet magħżula biex tkun omm Ġesù l-​Messija!

21. It-​talb taʼ Ġesù kif jagħti evidenza taʼ rispett kbir u fidi?

21 Ġesù talab b’rispett kbir u b’fiduċja sħiħa. Pereżempju, qabel ma rxoxta lil Lazzru, “Ġesù refaʼ għajnejh lejn is-​sema u qal: ‘Missier, nirringrazzjak li smajtni. Veru, kont naf li dejjem tismagħni.’” (Ġw. 11:41, 42) It-​talb tiegħek jagħti evidenza taʼ rispett kbir u fidi bħal dawn? Studja t-​talba mudell li Ġesù qal b’rispett kbir, u se tara li l-​aspetti sinifikanti partikulari tagħha huma li jitqaddes l-​isem taʼ Ġeħova, li tiġi Saltnatu, u li titwettaq ir-​rieda tiegħu. (Mt. 6:9, 10) Aħseb dwar it-​talb tiegħek stess. Jirrifletti interess kbir fis-​Saltna taʼ Ġeħova, f’li tagħmel ir-​rieda tiegħu, u f’li tqaddes lil ismu qaddis? Hekk suppost.

22. Għala tistaʼ tkun żgur li Ġeħova se jagħtik il-​kuraġġ biex ixxandar l-​aħbar tajba?

22 Minħabba persekuzzjoni jew provi oħrajn, spiss it-​talb jinkludi petizzjonijiet għall-​għajnuna biex taqdi lil Ġeħova bil-​kuraġġ. Meta s-​Sinedriju ordna lil Pietru u lil Ġwanni biex ‘ma jgħallmux f’isem Ġesù,’ dawn l-​appostli bil-​kuraġġ irrifjutaw li jieqfu. (Atti 4:18-20) Wara li ġew meħlusin, huma qalu lil sħabhom fit-​twemmin x’kien ġara. Imbagħad, dawk kollha preżenti talbu bil-​ħerqa lil Alla għall-​għajnuna biex jitkellmu l-​kelma tiegħu bil-​qlubija. Min jaf kemm kien hemm eċċitament meta dik it-​talba ġiet imwieġba, għax huma “mtlew bl-​ispirtu qaddis u bdew ixandru l-​kelma t’Alla bil-​qlubija”! (Aqra Atti 4:24-31.) B’riżultat taʼ dan, kotriet sħaħ saru aduraturi taʼ Ġeħova. It-​talb jistaʼ jsaħħaħ lilek ukoll biex ixxandar l-​aħbar tajba bil-​qlubija.

Kompli Tejjeb it-​Talb Tiegħek

23, 24. (a) Semmi eżempji oħrajn li juru kif studju tal-​Bibbja jistaʼ jtejjeb it-​talb tiegħek. (b) X’se tagħmel int biex ittejjeb il-​kwalità tat-​talb tiegħek?

23 Jistgħu jiġu msemmijin ħafna iktar eżempji biex juru li l-​qari u l-​istudju tal-​Bibbja jistgħu jtejbu t-​talb tiegħek. Pereżempju, bħal Ġona, fit-​talb tistaʼ tirrikonoxxi li “s-​salvazzjoni hi taʼ Ġeħova.” (Ġona 2:1-10) Jekk int imnikket minħabba dnub serju u fittixt l-​għajnuna mingħand l-​anzjani, is-​sentimenti taʼ David li esprima fis-​salmi forsi jgħinuk tesprimi l-​indiema tiegħek f’talb persunali. (Salm 51:1-12) F’ċertu talb, tistaʼ tfaħħar lil Ġeħova bħalma għamel Ġeremija. (Ġer. 32:16-19) Jekk qed tfittex sieħeb jew sieħba għaż-​żwieġ, studju tat-​talba li nsibu f’Esdra kapitlu 9, flimkien maʼ talb persunali mill-​qalb, jistaʼ jsaħħaħ id-​determinazzjoni tiegħek biex tobdi lil Alla billi ‘tiżżewweġ biss fil-​Mulej.’—1 Kor. 7:39; Esd. 9:6, 10-15.

24 Ibqaʼ aqra, studja, u fittex fil-​Bibbja. Fittex punti li tistaʼ tinkludi fit-​talb tiegħek. Int forsi tkun tistaʼ tuża punti bħal dawn fis-​suppliki u fit-​talb tiegħek taʼ ringrazzjament u tifħir. Żgur li se tersaq saħansitra eqreb lejn Alla Ġeħova hekk kif ittejjeb il-​kwalità tat-​talb tiegħek permezz taʼ studju tal-​Bibbja.

Int Kif Twieġeb?

• Għala għandna nfittxu u nsegwu l-​gwida t’Alla?

• X’għandu jqanqalna biex nitolbu għall-​għerf?

• Il-​ktieb tas-​Salm kif jistaʼ jtejjeb it-​talb tagħna?

• Għala għandna nitolbu bil-​fidi u b’rispett kbir?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 8]

Il-​qaddej t’Abraham talab għall-​gwida t’Alla. Int hekk tagħmel?

[Stampa f’paġna 10]

Il-​Qima tal-​Familja tistaʼ ttejjeb il-​kwalità tat-​talb tiegħek