Żommu l-Ferħ fi Żminijiet t’Inkwiet
“Dawk kollha li jistkennu [f’Ġeħova] se jifirħu; għal dejjem jgħajtu bil-ferħ.”—SALM 5:11.
1, 2. (a) X’inhuma xi affarijiet li llum jikkaġunaw niket kbir? (b) Minbarra t-traġedji li jilħqu lil kulħadd, il-Kristjani veri x’għandhom jissaportu?
IX-XHIEDA TAʼ ĠEĦOVA mhumiex meħlusin mit-traġedji li jolqtu lill-bnedmin inġenerali. Ħafna min-nies t’Alla sfaw vittmi taʼ kriminalità, gwerra, u inġustizzji oħrajn. Diżastri naturali, faqar, mard, u mewt jikkaġunaw niket kbir. L-appostlu Pawlu b’mod xieraq kiteb: “Aħna nafu li s’issa l-ħolqien kollu għadu jokrob u jħoss l-uġigħ flimkien.” (Rum. 8:22) Aħna vittmi wkoll tal-imperfezzjoni tagħna stess. Bħas-Sultan David tal-qedem, forsi ngħidu: “L-iżbalji tiegħi għolew ’il fuq minn rasi; bħal tagħbija tqila huma tqal wisq għalija.”—Salm 38:4.
2 Minbarra t-traġedji li jilħqu lill-bnedmin kollha, il-Kristjani veri jġorru z-zokk tat-tortura figurattiv. (Lq. 14:27) Iva, bħal Ġesù, id-dixxipli tiegħu huma mibgħudin u persegwitati. (Mt. 10:22, 23; Ġw. 15:20; 16:2) Għalhekk, biex insegwu lill-Kristu jeħtieġ sforz ħerqan u sabar waqt li nistennew il-barkiet tad-dinja l-ġdida.—Mt. 7:13, 14; Lq. 13:24.
3. Kif nafu li l-Kristjani m’għandhomx għalfejn jesperjenzaw ħajja taʼ sofferenza biex jogħġbu lil Alla?
3 Ifisser dan li l-Kristjani veri jgħixu ħajja nieqsa mill-ferħ u l-hena? Għandhom ħajjitna jkunu mimlijin dwejjaq u niket biss sakemm jasal it-tmiem? Jidher ċar li Ġeħova jridna nkunu ferħanin hekk kif nistennew it-twettiq tal-wegħdi tiegħu. Darba wara l-oħra, il-Bibbja tiddeskrivi lill-aduraturi veri bħala nies henjin. (Aqra Isaija 65:13, 14.) “Dawk kollha li jistkennu [f’Ġeħova] se jifirħu; għal dejjem jgħajtu bil-ferħ”, jgħid Salm 5:11. Iva, huwa possibbli li nesperjenzaw ferħ, paċi tal-moħħ, u kuntentizza konsiderevoli saħansitra meta nkunu għaddejjin minn traġedji. Ejja nikkunsidraw kif il-Bibbja tistaʼ tgħinna niffaċċjaw il-provi tagħna u xorta waħda nkunu ferħanin.
Ġeħova—“L-Alla l-Hieni”
4. Alla kif iħossu meta r-rieda tiegħu tiġi injorata?
4 Pereżempju, ikkunsidra lil Ġeħova. Bħala Alla li Jistaʼ Kollox, hu għandu l-univers kollu kemm hu fl-awtorità tiegħu. Ma jonqsu xejn u m’għandu bżonn lil ħadd. Madankollu, minkejja l-qawwa tiegħu li ma titqabbel maʼ xejn, Ġeħova żgur ħassu xi ftit diżappuntat meta wieħed mill-ulied spirti tiegħu rribella u sar Satana. Alla ċertament li ġie effettwat iktar tard meta xi anġli oħrajn ngħaqdu fir-ribelljoni. Aħseb ukoll fl-uġigħ li ħass Alla meta Adam u Eva, il-kapolavuri tal-ħolqien tiegħu fuq l-art, ċaħduh. Minn dakinhar ’il quddiem, biljuni mid-dixxendenti tagħhom ċaħdu l-awtorità taʼ Ġeħova.—Rum. 3:23.
5. B’mod speċjali x’nikket lil Ġeħova?
5 Ir-ribelljoni li beda Satana għadha għaddejja. Għal xi 6,000 sena, Ġeħova osserva atti t’idolatrija, vjolenza, qtil, u perverżjoni sesswali. (Ġen. 6:5, 6, 11, 12) Barra minn hekk, hu semaʼ gideb u dagħa mill-agħar. Saħansitra anki l-aduraturi veri t’Alla kultant weġġgħulu s-sentimenti tiegħu. Il-Bibbja tiddeskrivi sitwazzjoni waħda bħal din b’dan il-kliem: “Kemm-il darba rribellaw kontrih fix-xagħri, ġegħluh iħossu mweġġaʼ fid-deżert! Darba wara l-oħra għaddew lil Alla minn prova, u weġġgħu lill-Qaddis taʼ Israel.” (Salm 78:40, 41) Ċertament li Ġeħova jħoss uġigħ kbir meta n-nies tiegħu jiċħduh. (Ġer. 3:1-10) Jidher ċar li affarijiet ħżiena jiġru u Ġeħova jħossu mnikket ħafna meta dawn iseħħu.—Aqra Isaija 63:9, 10.
6. Alla kif jiffaċċja sitwazzjonijiet taʼ niket?
6 Madankollu, l-uġigħ u d-diżappunt ma waqqfux lil Ġeħova milli jieħu azzjoni. Meta qamu l-komplikazzjonijiet, Ġeħova mill-ewwel ħa passi biex inaqqas il-konsegwenzi ħżiena taʼ dak li ġara. Hu wkoll ħa passi oħrajn fuq tul taʼ żmien sabiex fl-aħħar l-iskop tiegħu jitwettaq. Meta tqis dawn l-azzjonijiet pożittivi, Ġeħova bil-ferħ iħares ’il quddiem għall-vindikazzjoni tas-sovranità tiegħu u għall-barkiet li din se ġġib fuq l-aduraturi leali tiegħu. (Salm 104:31) Iva, minkejja kemm ġie mmaqdar, Ġeħova jibqaʼ “l-Alla l-hieni.”—1 Tim. 1:11; Salm 16:11.
7, 8. Meta l-affarijiet imorru ħażin, kif nistgħu nimitaw lil Ġeħova?
7 Veru, ma nistgħux inqabblu lilna nfusna maʼ Ġeħova f’dik li hi l-abbiltà tagħna biex insolvu l-problemi. Xorta waħda, nistgħu nimitaw lil Ġeħova hekk kif niffaċċjaw l-għawġ tagħna. Huwa normali li nħossuna xi ftit imdejqin meta l-affarijiet imorru ħażin, imma m’hemmx għalfejn nibqgħu nħossuna hekk. Minħabba li ġejna maħluqin fuq ix-xbieha taʼ Ġeħova, għandna l-abbiltà tal-ħsieb u l-għaqal u dawn jippermettulna nanalizzaw il-problemi tagħna u nieħdu azzjoni pożittiva kull meta jkun possibbli.
8 Fattur importanti wieħed li jistaʼ jgħinna nkampaw mal-problemi tal-ħajja hu li nirrikonoxxu li ċerti affarijiet sempliċement m’għandniex kontroll fuqhom. Li nibqgħu ninkwetaw fuq affarijiet bħal dawn għandu mnejn iżidilna l-frustrazzjoni u jisirqilna ħafna mill-ferħ li hu assoċjat mal-qima vera. Wara li nieħdu passi raġunevoli biex insolvu xi problema, ikun aħjar li nimxu ’l quddiem u niffokaw fuq affarijiet iktar produttivi. Ir-rakkonti Bibliċi li ġejjin se juru tajjeb dan il-punt.
Hu Vitali li Nkunu Raġunevoli
9. Ħanna kif uriet li kienet raġunevoli?
9 Ikkunsidra l-eżempju taʼ Ħanna, li eventwalment saret omm il-profeta Samwel. Hi kienet qalbha maqtugħa għax ma setax ikollha t-tfal. Hi kienet tiġi mgħajra u mkasbra minħabba f’hekk. Kultant, Ħanna tant kienet tkun skuraġġita li kienet tibki u ma tikolx. (1 Sam. 1:2-7) Matul waħda miż-żjarat tagħha fis-santwarju taʼ Ġeħova, ruħ Ħanna kienet saret “mimlija mrar, u bdiet titlob lil Ġeħova u tibki kemm tiflaħ.” (1 Sam. 1:10) Wara li Ħanna fetħet qalbha maʼ Ġeħova, Għeli l-qassis il-kbir resaq lejha u qalilha: “Mur bis-sliem, u jalla l-Alla taʼ Israel jismaʼ t-talba tiegħek u jagħtik dak li tlabtu.” (1 Sam. 1:17) F’dan il-waqt, Ħanna ċertament li rrealizzat li kienet għamlet dak kollu li setgħet. L-infertilità tagħha ma setgħetx tikkontrollaha. Ħanna wriet li kienet raġunevoli. Imbagħad “marret għal triqitha u kielet, u wiċċha ma baqax jidher imħasseb bħal qabel.”—1 Sam. 1:18.
10. Pawlu liema attitudni realistika wera meta ffaċċja problema li hu ma setax isolvi?
10 L-appostlu Pawlu wera attitudni simili meta ffaċċja l-għawġ. Hu kellu problema li kkaġunatlu ħafna wġigħ. Hu sejħilha “xewka fil-laħam.” (2 Kor. 12:7) Kienet x’kienet, Pawlu għamel dak kollu li setaʼ biex ineħħi din il-problema billi talab lil Ġeħova għall-għajnuna. Pawlu kemm-il darba talab bil-ħerqa lil Ġeħova dwar din il-kwistjoni? Tliet darbiet. Wara t-tielet darba, Alla għarraf lil Pawlu li x-“xewka fil-laħam” ma kinitx se titneħħa mirakolożament. Pawlu aċċetta dan il-fatt u kkonċentra fuq li jaqdi lil Ġeħova bis-sħiħ.—Aqra t-2 Korintin 12:8-10.
11. It-talb u s-suppliki liema rwol għandhom f’li jgħinuna nkampaw mal-inkwiet?
11 Dawn l-eżempji ma jfissrux li għandna nieqfu nitolbu lil Ġeħova dwar l-affarijiet li jinkwetawna. (Salm 86:7) Għall-kuntrarju, il-Kelma t’Alla tgħidilna: “Tkunu ansjużi fuq xejn, imma f’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu.” Ġeħova kif se jwieġeb għal dawn is-suppliki u l-petizzjonijiet? Il-Bibbja żżid tgħid: “U l-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-qawwa mentali tagħkom permezz taʼ Kristu Ġesù.” (Flp. 4:6, 7) Iva, Ġeħova forsi ma jneħħilniex il-problema tagħna, imma jistaʼ jwieġeb talbna billi jgħasses il-qawwiet mentali tagħna. Wara li nitolbu dwar xi kwistjoni, nistgħu nindunaw bil-periklu li jiġi meta jaħkmuna l-ansjetajiet.
Tgħaxxaq f’li Tagħmel ir-Rieda t’Alla
12. Perijodi twal taʼ skuraġġiment għala jistgħu jkunu taʼ ħsara?
12 Proverbji 24:10 jistqarr: “Skuraġġejt ruħek fi żmien l-hemm? Ma tantx se jkollok qawwa.” Proverbju ieħor jgħid: “Minħabba l-uġigħ taʼ qalb hemm spirtu mdejjaq.” (Prov. 15:13) Xi Kristjani tant saru skuraġġiti li waqfu l-qari tal-Bibbja persunali u l-meditazzjoni tagħhom fuq il-Kelma t’Alla. It-talb tagħhom sar mekkaniku, u jistaʼ jagħti l-każ li jinqatgħu minn mal-aduraturi sħabhom. Jidher ċar li jekk jibqgħu f’dan l-istat jistaʼ jkun taʼ ħsara.—Prov. 18:1, 14.
13. X’inhuma xi attivitajiet li jistgħu jgħinuna negħlbu l-iskuraġġiment u jagħtuna ċertu ammont taʼ ferħ?
13 Min-naħa l-oħra, ħarsa pożittiva se tgħinna niffokaw fuq l-aspetti taʼ ħajjitna li minnhom nistgħu nsibu l-għaxqa u l-ferħ. David kiteb: “Jien tgħaxxaqt nagħmel ir-rieda tiegħek, O Alla tiegħi.” (Salm 40:8) Meta l-affarijiet imorru ħażin f’ħajjitna, m’għandniex inwaqqfu r-rutina taʼ qima tajba tagħna. Fil-fatt, kura għad-dwejjaq hi li nieħdu sehem f’attivitajiet li jġibu l-hena. Ġeħova jgħidilna li nistgħu nsibu l-għaxqa u l-hena f’li naqraw il-Kelma tiegħu u f’li nfittxu bir-reqqa fiha regolarment. (Salm 1:1, 2; Ġak. 1:25) Kemm mill-Iskrittura Mqaddsa u kemm mil-laqgħat Kristjani, nirċievu “kliem pjaċevoli” li jistaʼ jinkuraġġina u jferraħ lil qalbna.—Prov. 12:25; 16:24.
14. Liema assiguranza minn Ġeħova tferraħna issa?
14 Alla jagħtina ħafna raġunijiet biex inkunu ferħanin. Il-wegħda tiegħu taʼ salvazzjoni hi tabilħaqq sors kbir taʼ hena. (Salm 13:5) Aħna nafu li minkejja dak li qed jiġrilna issa, fl-aħħar Alla se jippremja lil dawk li jfittxuh bil-ħeġġa. (Aqra Ekkleżjasti 8:12.) Il-profeta Ħabakkuk esprima din il-konvinzjoni b’mod mill-isbaħ meta kiteb: “Għalkemm is-siġra tat-tin tistaʼ ma tarmix, u ma jkunx hemm frott fid-dwieli; il-prodott tas-siġra taż-żebbuġ jistaʼ ma joħroġx tajjeb, u r-rabaʼ mtarraġ ma jipproduċix ikel; in-nagħaġ għandhom mnejn jitneħħew mill-maqjel, u ma jkunx hemm baqar fil-postijiet fejn jinżammu magħluqin; madankollu jien, min-naħa tiegħi, se nifraħ b’Ġeħova; jien se nithenna bl-Alla tas-salvazzjoni tiegħi.”—Ħab. 3:17, 18.
“Hieni l-Poplu li Alla Tiegħu Hu Ġeħova!”
15, 16. Semmi xi għotjiet li tana Alla li nistgħu ngawdu sakemm nistennew il-barkiet futuri.
15 Filwaqt li nistennew il-futur meraviljuż li hemm lest għalina, ir-rieda taʼ Ġeħova hi li ngawdu l-affarijiet tajbin li hu jagħtina. Il-Bibbja tgħid: “Sirt naf li m’hemm xejn aħjar [għal bnedmin] milli jifirħu u jagħmlu t-tajjeb matul ħajjithom; u wkoll li kull bniedem għandu jiekol u jixrob u jgawdi affarijiet tajbin għax-xogħol iebes kollu tiegħu. Din hi l-għotja t’Alla.” (Ekk. 3:12, 13) Li ‘tagħmel it-tajjeb’ jinkludi li tagħmel għemejjel tajbin għan-nom t’oħrajn. Ġesù qal li hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi. Atti taʼ qalb tajba lejn l-imseħbin, it-tfal, il-ġenituri, u qraba oħrajn tagħna jġibu sodisfazzjon kbir. (Prov. 3:27) Li nuru tenerezza, ospitalità, u maħfra lejn ħutna spiritwali jirriżulta wkoll f’ħafna ferħ, u jogħġob lil Ġeħova. (Gal. 6:10; Kol. 3:12-14; 1 Pt. 4:8, 9) U li nwettqu l-ministeru tagħna bi spirtu taʼ sagrifiċċju persunali huwa verament premjanti.
16 Il-kliem li għadu kif ġie kwotat tal-Ekkleżjasti jsemmi l-pjaċiri sempliċi tal-ħajja, bħalma huma l-ikel u x-xorb. Iva, saħansitra waqt li nkunu għaddejjin minn provi, nistgħu nsibu l-ferħ f’kull għotja materjali li rċivejna mingħand Ġeħova. Barra minn hekk, inżul ix-xemx mill-isbaħ, pajsaġġ maestuż, buffunati t’annimali żgħar, u meravilji oħrajn tan-natura ma jiswewx flus, madankollu jistgħu jimlewna bi stagħġib u jferrħuna. Hekk kif nirriflettu fuq affarijiet bħal dawn, tikber l-imħabba tagħna għal Ġeħova, għax hu d-Donatur tal-affarijiet tajbin kollha.
17. X’se jġibilna serħan komplet mill-problemi, u sadanittant, x’jagħtina faraġ?
17 Fl-aħħar mill-aħħar, l-imħabba tagħna għal Alla, l-ubbidjenza lejn il-kmandamenti tiegħu, u l-fidi fis-sagrifiċċju tal-fidwa se jirriżultaw f’serħan komplet mis-sofferenzi tal-ħajja imperfetta u jwassluna għal ferħ dejjiemi. (1 Ġw. 5:3) Sadanittant, insibu faraġ f’li nkunu nafu li Ġeħova hu konxju tal-affarijiet kollha li jinkwetawna. David kiteb: “Se nifraħ u nithenna bil-qalb tajba bl-imħabba tiegħek, għax int rajt is-sofferenza tiegħi; kont taf bin-niket taʼ ruħi.” (Salm 31:7) Imqanqal mill-imħabba tiegħu għalina, Ġeħova se jeħlisna mill-gwaj.—Salm 34:19.
18. Għala għandu jispikka l-ferħ fost il-poplu t’Alla?
18 Filwaqt li nistennew it-twettiq tal-wegħdi tiegħu, jalla nimitaw lil Ġeħova, l-Alla l-hieni. Jalla ma nħallux sentimenti negattivi jżommuna lura milli nkomplu naqdu lil Alla. Meta jqumu l-problemi, jalla nħallu l-abbiltà tal-ħsieb u l-għaqal jiggwidawna. Ġeħova se jgħinna nikkontrollaw l-emozzjonijiet tagħna u nieħdu kwalunkwe pass possibbli biex innaqqsu l-effetti ħżiena tal-gwajijiet taʼ niket. Ejja nsibu l-għaxqa fl-affarijiet tajbin li jiġu minn Alla, kemm fiżiċi u kemm spiritwali. Billi nibqgħu qrib tiegħu, se nkunu nistgħu nifirħu għax “hieni l-poplu li Alla tiegħu hu Ġeħova!”—Salm 144:15.
X’Tgħallimt?
• Meta niffaċċjaw l-għawġ, kif nistgħu nimitaw lil Ġeħova?
• Il-fatt li nkunu raġunevoli kif jistaʼ jgħinna nkampaw mal-għawġ?
• Fi żminijiet taʼ niket, kif nistgħu nsibu l-għaxqa f’li nagħmlu r-rieda t’Alla?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampi f’paġna 16]
Ġeħova jħossu mnikket minħabba l-affarijiet ħżiena li qed jiġru
[Sors]
© G.M.B. Akash/Panos Pictures
[Stampi f’paġna 18]
Ġeħova tana l-mezzi biex inżommu l-ferħ