Beżlin u Ferħanin fis-Servizz t’Alla
ĠEĦOVA jridek tkun ferħan. (Salm 100:2) Bħala wieħed mill-qaddejja tiegħu, x’aktarx li int għandek ħafna x’tagħmel ukoll. Forsi ma kellekx daqshekk x’tagħmel meta ddedikajt ħajtek lil Alla, imma issa responsabbiltajiet sekulari u spiritwali għandhom mnejn iġegħluk tħossok taħt pressjoni. Saħansitra forsi tħossok ħati meta ma tkunx tistaʼ twettaq dak kollu li tkun trid tagħmel. Kif tistaʼ ssib bilanċ xieraq u żżomm “il-ferħ taʼ Ġeħova”?—Neħ. 8:10.
Int tgħix fi żminijiet kritiċi u tiġi effettwat minn ħafna pressjonijiet, u għalhekk għandek bżonn tkun organizzat sew. F’dan ir-rigward, ftit mill-pariri ispirati tal-appostlu Pawlu huma rilevanti b’mod partikulari: “Oqogħdu attenti bis-sħiħ li ma timxux bħal nies bla għaqal imma bħal nies għorrief, u użaw il-ħin bl-aħjar mod, għax il-jiem huma ħżiena.”—Efes. 5:15, 16.
Meta tqis dawn il-pariri għaqlin, kif tistaʼ tagħmel miri realistiċi għalik innifsek u tibbilanċja l-istudju persunali, il-bżonnijiet tal-familja, is-servizz tal-għalqa, ix-xogħol sekulari, u l-attivitajiet neċessarji oħrajn?
Tiftakar il-ferħ li ħassejt meta ddedikajt ruħek lil Alla u tgħammidt? Il-ferħ ġie minn għarfien dwar Ġeħova u l-iskopijiet tiegħu. Għandek mnejn qattajt xhur sħaħ tistudja b’mod diliġenti biex ksibt dik il-fehma u l-ferħ. Imma żgur li dak l-isforz kollu ma kienx għalxejn. Dak l-istudju bidillek ħajtek għall-aħjar.
Sabiex tibqaʼ ferħan, trid tkompli titmaʼ lilek innifsek spiritwalment. Jekk issibha iebsa biex issib il-ħin għall-qari u l-istudju tal-Bibbja, eżamina l-iskeda tiegħek. Saħansitra ftit minuti taʼ studju u meditazzjoni kuljum se jressquk eqreb lejn Ġeħova, u dan żgur li se jikkontribwixxi għall-ferħ tiegħek.
Il-biċċa l-kbira mill-qaddejja t’Alla jistgħu jixtru l-ħin għal attivitajiet vitali minn ħin li jqattgħu f’affarijiet inqas importanti. Staqsi lilek innifsek, ‘Kemm inqattaʼ ħin naqra rivisti sekulari jew gazzetti, nara t-televixin, nismaʼ d-diski, jew f’xi passatemp?’ Attivitajiet bħal dawn jistgħu jkunu pjaċevoli biss jekk inkunu bilanċjati. (1 Tim. 4:8) Jekk tinduna li int għandek problema fil-mod kif tqassam il-ħin, ħu passi biex tagħmel aġġustamenti fl-iskeda tiegħek.
Adam, raġel miżżewweġ, missier taʼ tlett itfal, u anzjan, jispjega dak li jgħin lilu: “Nistinka biex ngħix ħajja sempliċi. Nevita passatempi li jieħdu ħafna ħin u affarijiet li jirrikjedu ħafna attenzjoni. Ma ngħixx ħajja taʼ ċaħda—sempliċement nieħu pjaċir b’rikreazzjoni li mhix komplikata.”
Meditazzjoni fuq ir-riżultati tajbin tad-deċiżjonijiet tiegħek tistaʼ ġġedded il-ferħ tiegħek u tgħinek iżżomm ħarsa pożittiva. Pereżempju, Mariusz, anzjan li għandu tlett itfal, jgħid: “Meta bdejt nistudja l-Bibbja sirt ottimist. Minn żmien għal żmien, xorta niffaċċja diffikultajiet, u ħafna minnhom Ġeħova biss jaf bihom. Imma grazzi għall-appoġġ tiegħu, inħares lejn il-futur bil-ferħ.”
Bħal fil-każ taʼ Mariusz, attitudni pożittiva mhix se telimina s-sentimenti t’ansjetà kollha. Imma tistaʼ tgħinek tħossok aħjar u tkampa b’mod iktar effettiv mal-isfidi tal-ħajja. Naqraw: “Il-jiem taʼ min isofri kollha huma ħżiena; imma min iħossu tajjeb f’qalbu jinsab f’festa l-ħin kollu.” (Prov. 15:15) Irrifletti wkoll fuq l-imħabba li Alla diġà wera miegħek. Meditazzjoni bħal din tistaʼ żżid l-imħabba tiegħek għalih u tkabbar il-ferħ divin tiegħek.—Mt. 22:37.
Jekk il-membri taʼ familja jpoġġu lil Ġeħova u l-interessi tiegħu l-ewwel f’ħajjithom, il-ferħ tagħhom se jiżdied. Il-fatt li juru kwalitajiet Kristjani jgħin biex jitnaqqas in-nuqqas taʼ qbil u jirriżulta f’relazzjonijiet tal-familja iktar magħqudin u ferħanin. Jekk tagħmlu dan, id-dar tagħkom tkun verament kenn taʼ paċi u unità għall-familja kollha.—Salm 133:1.
Li nkunu involuti f’attivitajiet spiritwali bħala familja jżid mal-ferħ ġenwin. Mariusz jispjega: “Jien ngħożż il-ħin li nqattgħu flimkien bħala familja. Marti tappoġġani ħafna. Kull meta jkun possibbli, hi tkun maʼ ġenbi kemm fil-ministeru tal-għalqa kif ukoll meta nkun qed innaddaf l-istejdjum qabel xi konvenzjoni, u tiġi miegħi meta mmur nagħti taħditiet pubbliċi f’kongregazzjonijiet oħrajn. Dan jinkuraġġini ħafna.”
L-Iskrittura tikkmanda lill-Kristjani biex jipprovdu l-bżonnijiet materjali għall-familji tagħhom. (1 Tim. 5:8) Imma jekk ix-xogħol sekulari jieħu ħafna ħin u enerġija, jistaʼ jisraqlek il-ferħ fis-servizz t’Alla. Itlob lil Ġeħova dwar il-kwistjoni. (Salm 55:22) Xi wħud waslu għall-konklużjoni li biex ipoġġu s-Saltna t’Alla l-ewwel kellhom ifittxu impjieg differenti. Ebda Kristjan m’għandu jħalli l-benefiċċji finanzjarji taʼ xogħol li jirrikjedi ħafna ħin u enerġija jwaqqfuh milli jagħti attenzjoni għall-affarijiet spiritwali, li huma iktar importanti.—Prov. 22:3.
Forsi ssibha t’għajnuna jekk tikteb il-benefiċċji u l-iżvantaġġi t’impjieg li diġà għandek jew li jistaʼ jkollok. M’għandniex xi ngħidu, paga tajba u xogħol sodisfaċenti huma mixtiqin. Però, l-impjieg preżenti tiegħek qiegħed jgħinek tippromwovi s-saħħa spiritwali tal-familja tiegħek? B’mod objettiv qis il-fatturi kollha, u ħu deċiżjonijiet li jagħtu prijorità lir-relazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova.
Jekk ix-xogħol li għandek issa ma jgħinekx tikber spiritwalment, hemm bżonn li taġġusta s-sitwazzjoni tiegħek. Ħafna Kristjani għamlu bidliet drastiċi sabiex isibu l-ħin għall-affarijiet spiritwali. Ħu fil-Polonja jirrakkonta: “Darba ma kellix għażla oħra ħlief li nitlaq il-kumpanija li kont naħdem għaliha għax spiss kien ikolli nivvjaġġa fuq negozju. Ma kellix biżżejjed ħin biex nieħu ħsieb sew l-affarijiet spiritwali u lil familti.” Issa jaqlaʼ l-għajxien f’impjieg li jiħodlu ħafna inqas ħin u enerġija.
Sib il-Ferħ f’li Tgħin lil Oħrajn
Ġesù qal li “hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.” (Atti 20:35) Il-Kristjani għandhom ħafna opportunitajiet għal għoti bħal dan. Kultant, tbissima dħulija, li tieħu b’idejn xi ħadd, jew grazzi sinċiera għax-xogħol iebes taʼ xi ħadd f’inkarigu teokratiku, jistgħu jkunu dak kollu li hu meħtieġ biex it-tnejn li intom tħossukom ferħanin.
L-appostlu Pawlu inkuraġġixxa lill-Kristjani sħabu: “Ikkonslaw lid-dipressi, wieżnu lid-dgħajfin.” (1 Tess. 5:14) Id-dipressi forsi jħossu li ma jistgħux ikampaw mal-problemi bis-saħħa tagħhom stess. Tistaʼ tagħti daqqa t’id lil uħud bħal dawn? Jekk tara li wieħed minn ħutek qed jitlef il-ferħ tiegħu fis-servizz taʼ Ġeħova, ipprova inkuraġġih. Jekk tagħmel dan, int se tħossok inkuraġġit ukoll. Hemm problemi li ebda bniedem ma jistaʼ jirranġa. Madankollu, tistaʼ turi mogħdrija sinċiera u tistaʼ tħeġġeġ lil ħuk biex jistrieħ fuq l-appoġġ taʼ Ġeħova li qatt ma jfalli. Dawk li jagħmlu hekk qatt ma se jħossuhom diżappuntati.—Salm 27:10; Is. 59:1.
Pass prattiku ieħor hu li tistieden lil dak li jidher li qed jonqoslu l-ferħ biex joħroġ miegħek fil-ministeru. Meta Ġesù bagħat lis-70 dixxiplu, għamel dan “tnejn tnejn.” (Lq. 10:1) X’aktarx li taqbel li l-metodu taʼ Ġesù għen biex iż-żewġ persuni jinkuraġġixxu lil xulxin. Tistaʼ tuża dan il-metodu biex tgħin lil xi wħud jerġgħu jiksbu l-ferħ illum?
Illum għandna ħafna raġunijiet validi biex inħossuna taħt pressjoni. Xorta waħda, Pawlu jħeġġiġna: “Ifirħu dejjem fil-Mulej. Nerġaʼ ngħidilkom, Ifirħu!” (Flp. 4:4) Minħabba li tħobb lil Alla, tobdih, u b’mod żeluż tippersevera fix-xogħol li tak biex tagħmel, ħajtek għandha skop. Dan jagħmlek ferħan. Iżjed minn hekk, Ġeħova jgħinek tkampa mal-pressjonijiet u l-problemi li tiffaċċja.—Rum. 2:6, 7.
Bl-għajnejn tal-fidi, aħna nagħrfu kemm ninsabu viċin id-dinja l-ġdida mwiegħda taʼ Ġeħova. Din se ġġib ħafna barkiet u raġunijiet għal ferħ. (Salm 37:34) Għalhekk, nistgħu nkunu ferħanin u ma ninsewx kemm Ġeħova qed iberikna saħansitra issa. B’hekk, nistgħu ‘naqdu lil Ġeħova bl-hena.’—Salm 100:2.
[Dijagramma f’paġna 8]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
Forsi għandek bżonn taġġusta l-mod kif tqassam il-ħin tiegħek jekk tixtieq tibqaʼ ferħan
IR-RIKREAZZJONI u D-DIVERTIMENT
ID-DAR u L-BŻONNIJIET TAL-FAMILJA
IX-XOGĦOL
IL-LAQGĦAT KRISTJANI
IL-ISTUDJU PERSUNALI
IL-MINISTERU
[Stampi f’paġna 10]
Tinsab int f’pożizzjoni biex tgħin lil oħrajn jerġgħu jiksbu l-ferħ tagħhom?