Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Bibbja Tilħaq il-Gżira Kbira u Ħamra

Il-Bibbja Tilħaq il-Gżira Kbira u Ħamra

IL-​MADAGASKAR hi r-​rabaʼ l-​akbar gżira fuq l-​art u tinsab xi 400 kilometru mix-​Xlokk tal-​kosta tal-​Afrika. Il-​poplu Madagaskan ilu familjari mal-​isem Ġeħova, għax it-​traduzzjonijiet tal-​Bibbja bil-​Madagaskan li fihom l-​isem t’Alla ilhom disponibbli għal iktar minn 170 sena. L-​istorja taʼ kif saret it-​traduzzjoni bil-​Madagaskan hija storja taʼ persistenza u dedikazzjoni.

L-​isforzi biex issir it-​traduzzjoni tal-​Bibbja bil-​Madagaskan oriġinalment bdew fil-​Mawrizju, gżira fil-​qrib. Saħansitra lura fl-​1813, Sir Robert Farquhar, il-​gvernatur Britanniku tal-​Mawrizju, ta bidu għat-​traduzzjoni tal-​Evanġelji bil-​Madagaskan. Iktar tard hu inkuraġġixxa lir-​re tal-​Madagaskar, Radama I, biex jistieden għalliema mis-​Soċjetà Missjunarja taʼ Londra lejn il-​Gżira Kbira u Ħamra, kif taʼ spiss hi msejħa l-​Madagaskar.

Fit-​18 t’Awwissu, 1818, żewġ missjunarji minn Wales, David Jones u Thomas Bevan, waslu fil-​port taʼ Toamasina mill-​Mawrizju. Hemmhekk sabu soċjetà taʼ nies reliġjużi ħafna li fosthom il-​qima lejn l-​antenati u t-​tradizzjonijiet orali kienu parti mill-​ħajja taʼ kuljum. Il-​poplu Madagaskan jitkellem lingwa espressiva li hija interessanti u mimlija varjetà, li oriġinat primarjament mil-​lingwi Malayo-​Polinesjan.

Ftit wara li fetħu skola żgħira, Jones u Bevan ġabu lin-​nisa u lit-​tfal tagħhom mill-​Mawrizju sa Toamasina. Madankollu, b’sogħba l-​grupp kollu marad bil-​malarja, u f’Diċembru tal-​1818, Jones tilef lill-​mara kif ukoll lil bintu fil-​mewt. Xahrejn wara, il-​marda qatlet lill-​familja kollha taʼ Bevan. David Jones kien l-​uniku wieħed mill-​grupp li baqaʼ ħaj.

Jones ma ħalliex din it-​traġedja tiskuraġġih. Hu kien determinat li jagħmel il-​Kelma t’Alla disponibbli għan-​nies tal-​Madagaskar. Wara li mar joqgħod il-​Mawrizju biex jerġaʼ jikseb saħħtu, Jones beda l-​biċċa xogħol diffiċli taʼ li jitgħallem il-​lingwa Madagaskana. Ftit wara dan, hu beda xogħol preliminari fuq it-​traduzzjoni tal-​Evanġelju taʼ Ġwanni.

F’Ottubru tal-​1820, Jones mar lura l-​Madagaskar. Hu spiċċa f’Antananarivo, il-​belt kapitali, u mill-​ewwel stabbilixxa skola għat-​tfal tal-​lokal immexxija mill-​missjunarji. Il-​kundizzjonijiet ma kinux mill-​aħjar. Ma kienx hemm kotba, blackboard, jew imwejjed. Imma l-​programm taʼ studju kien eċċellenti, u t-​tfal kienu ħerqanin biex jitgħallmu.

Wara li ħadem waħdu għal xi sebaʼ xhur, intbagħat missjunarju jismu David Griffiths biex jieħu post Bevan bħala l-​kollega l-​ġdid taʼ Jones. Dawn it-​tnejn bla heda ddedikaw ruħhom biex jittraduċu l-​Bibbja bil-​Madagaskan.

Tibda t-​Traduzzjoni tal-​Bibbja

Fil-​bidu tas-​snin 20 tas-​seklu 19, l-​unika forma miktuba tal-​Madagaskan kienet tissejjaħ sorabe—kliem Madagaskan miktub bl-​alfabet Għarbi. Ftit kienu n-​nies li setgħu jaqrawh. Għalhekk, wara li l-​missjunarji kkonsultaw mar-​Re Radama I, ir-​re tahom permess biex jużaw l-​alfabet Ruman minflok is-​sorabe.

It-​traduzzjoni bdiet fl-​10 taʼ Settembru, 1823. Jones ħadem fuq Ġenesi u Mattew, filwaqt li Griffiths ħadem fuq Eżodu u Luqa. Iż-​żewġt irġiel kellhom ħafna enerġija. Minbarra li għamlu l-​biċċa l-​kbira mit-​traduzzjoni waħedhom, huma baqgħu jgħallmu fl-​iskola filgħodu u waranofsinhar. Huma wkoll ippreparaw u kkonduċew quddies reliġjuż fi tliet lingwi differenti. Xorta waħda, it-​traduzzjoni ġiet l-​ewwel u qabel kollox.

Bl-​għajnuna taʼ 12-​il student, iż-​żewġ missjunarji ttraduċew l-​Iskrittura Griega kollha u ħafna mill-​kotba tal-​Iskrittura Ebrajka fi 18-​il xahar biss. Is-​sena taʼ wara, tlestiet traduzzjoni preliminarja tal-​Bibbja kollha kemm hi. M’għandniex xi ngħidu, kellhom isiru korrezzjonijiet u rfinar. Għalhekk, żewġ lingwisti, David Johns u Joseph Freeman, intbagħtu mill-​Ingilterra biex jgħinu f’dan.

Jissaportu Ostakli

Meta tlestiet it-​traduzzjoni bil-​Madagaskan, is-​Soċjetà Missjunarja taʼ Londra bagħtet lil Charles Hovenden biex jistabbilixxi l-​ewwel stamperija fil-​Madagaskar. Hovenden wasal fil-​21 taʼ Novembru, 1826. Madankollu, fi żmien xahar qabditu l-​malarja u miet, u ħadd ma kien jaf iħaddem il-​magna tal-​istampar. Is-​sena taʼ wara, ħaddiem tas-​sengħa mill-​Iskozja, James Cameron, irnexxielu jarma l-​magna tal-​istampar bl-​għajnuna taʼ ktejjeb li nstab fost il-​makkinarju. Wara ħafna attentati, fl-​4 taʼ Diċembru, 1827, Cameron irnexxielu jistampa parti minn Ġenesi kapitlu 1. a

Inqalaʼ ostaklu ieħor fis-​27 taʼ Lulju, 1828, meta miet Radama I. Ir-​Re Radama kien t’appoġġ kbir għall-​proġett tat-​traduzzjoni. Dak iż-​żmien, David Jones qal: “Ir-​Re Radama hu qalbu tajba u dħuli ħafna. Hu jappoġġa ħafna l-​edukazzjoni, u jqis l-​istruzzjoni tal-​poplu tiegħu fl-​arti taċ-​ċivilizzazzjoni bħala li hi prezzjuża iktar mid-​Deheb u l-​Fidda.” Madankollu, Ranavalona I, il-​mara tiegħu, laħqet floku, u malajr sar evidenti li hi ma kinitx se tappoġġa x-​xogħol daqs kemm kien żewġha.

Ftit wara li nħatret fuq it-​tron, raġel li kien qed iżur il-​pajjiż mill-​Ingilterra talab biex jidher quddiem ir-​reġina ħalli jkellimha dwar ix-​xogħol tat-​traduzzjoni. Hu ġie rrifjutat. F’okkażjoni oħra, meta l-​missjunarji qalu lir-​reġina li kien għad fadlilhom ħafna x’jgħallmu lin-​nies, inkluż il-​Grieg u l-​Ebrajk, hi qalet: “Ma tantx jinteressani mill-​Grieg u l-​Ebrajk, imma nixtieq inkun naf jekk tistgħux tgħallmu lin-​nies tiegħi xi ħaġa iktar utli, bħal ngħidu aħna kif jagħmlu s-​sapun.” Meta rrealizzaw li forsi kienu se jiġu mġegħlin jitilqu qabel ma titlesta l-​Bibbja bil-​Madagaskan, Cameron talab biex tingħatalu ġimgħa ċans biex jaħseb dwar dak li qalet ir-​reġina.

Il-​ġimgħa taʼ wara, Cameron ippreżenta żewġ sapuniet magħmulin minn materjal lokali lill-​messaġġiera rjali tar-​reġina. Dan u xogħlijiet pubbliċi oħrajn li saru minn artiġjani missjunarji ssodisfaw lir-​reġina tant li kellhom biżżejjed żmien biex jistampaw kollox minbarra xi ftit kotba mill-​Iskrittura Ebrajka.

Sorpriża, Imbagħad Diżappunt

Minkejja li għall-​ewwel irrifjutat lill-​missjunarji, f’Mejju tal-​1831, ir-​reġina ħarġet digriet li ma kinux qed jistennew. Hi kienet se tħalli lis-​sudditi tagħha jitgħammdu bħala Kristjani! Imma din id-​deċiżjoni kellha għomorha qasir. Skont A History of Madagascar, “l-​għadd taʼ magħmudijiet ħasad lil dawk fil-​qorti rjali li ma ridux bidliet u li kkonvinċew lir-​reġina li din il-​magħmudija kienet tfisser wegħda t’alleanza lejn l-​Ingliżi.” Għalhekk, fl-​aħħar tal-​1831, il-​permess għall-​magħmudija Kristjana ġie rtirat, sitt xhur biss minn mindu ngħata.

L-​indeċiżjoni tar-​reġina, flimkien mal-​influwenza tat-​tradizzjonalisti fil-​gvern li b’mod evidenti kienet qed tikber, qanqlet lill-​missjunarji biex ilestu l-​istampar tal-​Bibbja. L-​Iskrittura Griega Kristjana kienet diġà tlestiet, u eluf taʼ kopji kienu fl-​idejn. Madankollu, fl-​1 taʼ Marzu, 1835, inqalaʼ ostaklu ieħor meta r-​Reġina Ranavalona I iddikjarat il-​Kristjanità bħala illegali u ordnat li l-​kotba Kristjani kollha għandhom jingħataw lill-​awtoritajiet.

Il-​liġi tar-​reġina fissret ukoll li l-​istudenti Madagaskani ma setgħux jaħdmu iktar fuq il-​proġett tal-​istampar. Għalhekk, minħabba li kien hemm biss ftit missjunarji biex jispiċċaw din il-​biċċa xogħol, ħadmu lejl u nhar sakemm fl-​aħħar tlestiet il-​Bibbja kollha f’Ġunju tal-​1835. Iva, sa fl-​aħħar il-​Bibbja bil-​Madagaskan kienet lesta!

Minħabba li l-​projbizzjoni kienet għaddejja, il-​Bibbji ġew imqassmin malajr, u 70 kopja tal-​Iskrittura ġew midfunin biex ma jiġux meqrudin. Din kienet deċiżjoni f’waqtha, għax f’inqas minn sena, żewġ missjunarji biss kien baqaʼ fuq il-​gżira. Imma l-​kelma t’Alla kienet qed tinfirex fil-​Gżira Kbira u Ħamra.

L-​Imħabba tal-​Madagaskani għall-​Bibbja

X’ferħ kien dan għan-​nies tal-​Madagaskar li jkunu jistgħu jaqraw il-​Kelma t’Alla bil-​lingwa tagħhom stess! It-​traduzzjoni fiha xi ineżattezzi, u l-​lingwa issa hi meqjusa bħala li hi xi ftit antika. Xorta waħda, huwa rari li ssib dar fejn m’għandhomx Bibbja, u ħafna mill-​Madagaskani jaqrawha regolarment. Xi ħaġa taʼ min jinnotaha dwar din it-​traduzzjoni hi l-​ħafna drabi li jissemma l-​isem t’Alla, Ġeħova, fl-​Iskrittura Ebrajka. Fil-​kopji oriġinali, l-​isem divin jinsab fl-​Iskrittura Griega wkoll. Minħabba f’hekk, il-​maġġuranza mill-​Madagaskani huma familjari mal-​isem t’Alla.

Tabilħaqq, meta l-​ewwel kopji tal-​Iskrittura Griega ġew stampati, is-​Sur Baker, li kien iħaddem il-​magni, ra l-​ferħ tan-​nies Madagaskani u stqarr: “Mhux l-​intenzjoni tiegħi li nbassar, imma jien konvint li l-​kelma t’Alla qatt ma se tinqered f’dan il-​pajjiż”! Kliemu kien minnu. La l-​malarja, la l-​isfida taʼ li jitgħallmu lingwa komplikata, u lanqas il-​liġijiet diffiċli taʼ ħakkiem ma setgħu jwaqqfu l-​Kelma t’Alla milli ssir disponibbli fil-​Madagaskar.

Is-​sitwazzjoni issa hi saħansitra aħjar. Kif? Fl-​2008, ħarġet it-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa sħiħa bil-​Madagaskan. Din it-​traduzzjoni tirrappreżenta pass kbir ’il quddiem għaliex hi tradotta b’lingwa moderna u faċli biex tinftiehem. Għalhekk, issa l-​Kelma t’Alla hi stabbilita iktar minn qatt qabel fil-​Gżira Kbira u Ħamra.—Is. 40:8.

[Nota taʼ taħt]

a L-​Għaxar Kmandamenti u t-​Talba tal-​Missierna, li saru fil-​Mawrizju madwar April/Mejju tal-​1826, kienu l-​ewwel porzjonijiet tal-​Bibbja li ġew stampati bil-​Madagaskan. Madankollu, tqassmu kopji tagħha lill-​familja tar-​Re Radama u lil xi uffiċjali tal-​gvern biss.

[Stampa f’paġna 31]

It-​“Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida” bil-​Madagaskan tfaħħar l-​isem t’Alla, Ġeħova