Il-Messija! il-Mezz taʼ Salvazzjoni t’Alla
“Bħalma kulħadd qed imut f’Adam, hekk ukoll kulħadd għad jingħata l-ħajja fil-Kristu.”—1 KOR. 15:22.
1, 2. (a) Indrì u Filippu kif wieġbu meta ltaqgħu maʼ Ġesù? (b) Għala ngħidu li għandna iktar evidenza li Ġesù hu l-Messija mill-Kristjani tal-ewwel seklu?
“SIBNA ’l-Messija,” qal Indrì lil ħuh Pietru, konvint li Ġesù taʼ Nazaret kien il-Midluk t’Alla. Filippu kien ġie perswadut u għalhekk fittex lil sieħbu Natanjel u qallu: “Sibna lil dak li Mosè, fil-Liġi, u l-Profeti kitbu dwaru—Ġesù, bin Ġużeppi, minn Nazaret.”—Ġw. 1:40, 41, 45.
2 Konvint int għalkollox li Ġesù hu l-Messija mwiegħed, l-“Aġent Ewlieni tas-salvazzjoni” taʼ Ġeħova? (Ebr. 2:10) Illum, għandna ħafna iżjed evidenza milli kellhom is-segwaċi tiegħu tal-ewwel seklu li hu kien il-Maħtur t’Alla. Mit-twelid taʼ Ġesù sal-irxoxt tiegħu, il-Kelma t’Alla tagħtina evidenza konkreta li hu kien il-Kristu. (Aqra Ġwanni 20:30, 31.) Il-Bibbja turi wkoll li Ġesù kien se jkompli jwettaq l-irwol tiegħu bħala l-Messija mis-sema. (1 Kor. 15:22; Ġw. 6:40) F’sens spiritwali, illum int ukoll tistaʼ tgħid li ‘sibt lill-Messija.’ Imma l-ewwel ikkunsidra kif dawk id-dixxipli tal-bidu b’mod xieraq ikkonkludew li kienu sabu ’l-Messija.
“Is-Sigriet Sagru” tal-Messija Rivelat b’Mod Progressiv
3, 4. (a) Kif setgħu d-dixxipli tal-ewwel seklu ‘jsibu ’l-Messija’? (b) Għala tgħid li Ġesù biss setaʼ jwettaq il-profeziji Messjaniċi kollha?
3 Kif setgħu s-segwaċi taʼ Ġesù tal-ewwel seklu jgħidu b’ċertezza li hu kien il-Messija? Permezz tal-profeti, Ġeħova b’mod progressiv kien irrivela kif il-Messija li kien ġej setaʼ jiġi identifikat. Wieħed studjuż tal-Bibbja xebbah dan il-proċess mat-tqegħid flimkien taʼ statwa magħmula minn biċċiet tal-irħam. Immaġina li l-biċċiet tal-irħama jiddaħħlu f’kamra minn ħafna rġiel li qatt ma kkomunikaw flimkien. Jekk dawn il-biċċiet jidħlu f’xulxin biex jifformaw statwa perfetta, int loġikament se tikkonkludi li bilfors li kien hemm xi ħadd wara l-kwinti li pinġa d-dettalji u bagħat lil kull wieħed mill-irġiel biċċa rħama. Bħal kull biċċa mill-istatwa, kull profezija Messjanika kienet se tipprovdi biċċa informazzjoni vitali dwar il-Messija.
4 Huwa possibbli li raġel wieħed b’kumbinazzjoni kien se jwettaq il-profeziji Messjaniċi kollha? Riċerkatur wieħed qal li tant huwa improbabbli li bniedem wieħed wettaq il-profeziji Messjaniċi kollha b’kumbinazzjoni, li għandu jitqies bħala li hu impossibbli. “Ġesù—u Ġesù biss tul l-istorja kollha—irnexxielu jagħmel dan.”
5, 6. (a) Il-ġudizzju kontra Satana kif se jiġi esegwit? (b) Alla kif irrivela b’mod progressiv id-dixxendenza tan-‘nisel’ imwiegħed?
5 Il-profeziji Messjaniċi jiffokaw fuq “sigriet sagru” b’ħafna aspetti t’importanza universali. (Kol. 1:26, 27; Ġen. 3:15) Inkluż f’dak is-sigriet hemm il-ġudizzju kontra Satana x-Xitan, “is-serp oriġinali,” li xeħet lill-umanità fid-dnub u l-mewt. (Riv. 12:9) Kif se jiġi esegwit dan il-ġudizzju? Ġeħova bassar li ‘nisel’ li kien se jiġi mnissel minn “mara” kien se jisħaq lil Satana f’rasu. In-‘nisel’ imbassar kien se jisħaq lis-serp f’rasu, u b’hekk jelimina l-kaġun tar-ribelljoni, tal-mard, u tal-mewt. Madankollu, bil-permess t’Alla, Satana l-ewwel kellu jagħmel ferita simbolika fl-għarqub fuq in-‘nisel’ tal-mara.
6 Ġeħova b’mod progressiv irrivela min kien se jkun in-‘nisel’ imwiegħed. Alla ħalef lil Abraham: “Permezz taʼ nislek il-ġnus kollha taʼ l-art se jitbierku.” (Ġen. 22:18) Mosè bassar li dan il-Wieħed kien se jkun “profeta,” u li kellu jkun akbar minn Mosè. (Dt. 18:18, 19) David ġie żgurat, u profeti iktar tard ikkonfermaw, li l-Messija kien se jkun dixxendent tiegħu u li kien se jiret it-tron Davidiku għal dejjem.—2 Sam. 7:12, 16; Ġer. 23:5, 6.
Il-Kredenzjali taʼ Ġesù Bħala l-Messija
7. Ġesù b’liema mod ġie mill-“mara” t’Alla?
7 Alla bagħat lil Ibnu, l-ewwel ħolqien tiegħu, mill-organizzazzjoni taʼ ħlejjaq spirti fis-sema li Hi bħal martu biex ikun in-‘nisel’ imwiegħed. Dan kien jeħtieġ li l-Iben uniġenitu t’Alla ‘jxejjen lilu nnifsu’ mill-ħajja fis-sema u jitwieled bħala uman perfett. (Flp. 2:5-7; Ġw. 1:14) Il-fatt li Marija kellha tiġi ‘mgħottija bid-dell’ permezz tal-ispirtu qaddis iggarantixxa li dak li kien se jitwieled kien se “jissejjaħ qaddis, Bin Alla.”—Lq. 1:35.
8. Ġesù kif kien qed iwettaq il-profezija Messjanika meta ppreżenta lilu nnifsu għal magħmudija fl-ilma?
8 Il-profeziji Messjaniċi indikaw fejn u meta kien se jidher Ġesù. Ġesù twieled f’Betlehem bħalma kien imbassar. (Mik. 5:2) Fl-ewwel seklu, il-Lhud kellhom stennijiet kbar. Minħabba li kienu qed jantiċipaw id-dehra tal-Messija, xi wħud staqsew dwar Ġwanni l-Għammied: “Forsi dan hu l-Kristu?” Imma Ġwanni wieġeb: “Ġej dak li hu b’saħħtu iktar minni.” (Lq. 3:15, 16) Meta mar għand Ġwanni fil-ħarifa tas-sena 29 E.K. biex jiġi mgħammed fl-età taʼ 30 sena, Ġesù ppreżenta lilu nnifsu bħala l-Messija eżatt fil-ħin. (Dan. 9:25) Imbagħad, beda l-ministeru tiegħu mimli ġrajjiet bil-kliem: “Iż-żmien stabbilit twettaq, u s-saltna t’Alla qorbot.”—Mk. 1:14, 15.
9. Għalkemm ma kellhomx id-dettalji kollha, id-dixxipli taʼ Ġesù liema konvinzjoni soda kellhom?
9 Madankollu, l-istennijiet tan-nies kellhom bżonn jiġu aġġustati. Ġesù kif jixraq ġie mfaħħar bħala Sultan, imma n-nies f’dak iż-żmien ma fehmux għalkollox li l-ħakma tiegħu kienet se tkun fil-futur u mis-sema. (Ġw. 12:12-16; 16:12, 13; Atti 2:32-36) Minkejja dan, meta Ġesù staqsa, “Intom min tgħidu li jien?” Pietru mill-ewwel wieġeb: “Int il-Kristu, Bin l-Alla l-ħaj.” (Mt. 16:13-16) Pietru wieġeb b’mod simili meta ħafna telqu ’l hemm minħabba li tfixklu fuq xi tagħlim.—Aqra Ġwanni 6:68, 69.
Nisimgħu mill-Messija
10. Ġeħova għala enfasizza l-bżonn li nisimgħu minn Ibnu?
10 Fis-sema, l-Iben uniġenitu t’Alla kien persuna spirtu setgħana. Fuq l-art, Ġesù kien “ir-rappreżentant tal-Missier.” (Ġw. 16:27, 28) Hu qal: “Dak li ngħallem m’huwiex tiegħi, imma taʼ dak li bagħatni.” (Ġw. 7:16) Matul it-trasfigurazzjoni, Ġeħova kkonferma li Ġesù hu l-Messija u qal: “Isimgħu minnu.” (Lq. 9:35) Iva, isimgħu, jew obdu, lil dan il-Magħżul. Dan jeħtieġ fidi u għemejjel tajbin—u dawn it-tnejn huma assolutament essenzjali biex nogħġbu lil Alla u biex niksbu l-ħajja taʼ dejjem.—Ġw. 3:16, 35, 36.
11, 12. (a) Il-Lhud tal-ewwel seklu għal liema raġunijiet ċaħdu lil Ġesù bħala l-Messija? (b) Min poġġa fidi f’Ġesù?
11 Għalkemm Ġesù kellu għadd kbir taʼ kredenzjali li taw prova li hu kien il-Messija, il-biċċa l-kbira mil-Lhud tal-ewwel seklu ċaħduh. Għala? Għax huma diġà kellhom l-ideat tagħhom stess dwar il-Messija, inkluż li hu kien se jkun mexxej politiku li kien se jeħlishom mill-oppressjoni Rumana. (Aqra Ġwanni 12:34.) Għalhekk, ma setgħux jaċċettaw il-Messija li wettaq il-profeziji li qalu li kien se jkun mistmerr, skartat min-nies, jaf x’inhu l-uġigħ u midħla tal-mard, u fl-aħħar mill-aħħar maqtul. (Is. 53:3, 5) Saħansitra anki xi wħud mid-dixxipli leali taʼ Ġesù kienu diżappuntati li ma ġabx ħelsien politiku. Imma huma baqgħu leali, u maż-żmien, ngħataw fehma korretta.—Lq. 24:21.
12 Raġuni oħra għala n-nies ċaħdu lil Ġesù bħala l-Messija mwiegħed kienet minħabba t-tagħlim tiegħu, li ħafna sabuh diffiċli biex jaċċettawh. Biex dak li jkun jidħol fis-Saltna kien se jkollu “jiċħad lilu nnifsu,” ‘jiekol’ il-laħam u d-demm taʼ Ġesù, ‘jitwieled mill-ġdid,’ u ma jkunx “parti mid-dinja.” (Mk. 8:34; Ġw. 3:3; 6:53; 17:14, 16) Il-kburin, l-għonja, u l-ipokriti qiesu dawn il-ħtiġijiet bħala li kienu diffiċli wisq biex wieħed iwettaqhom. Madankollu, Lhud umli aċċettaw lil Ġesù bħala l-Messija, bħalma għamlu xi Samaritani li qalu: “Dan ir-raġel żgur hu s-salvatur tad-dinja.”—Ġw. 4:25, 26, 41, 42; 7:31.
13. Ġesù kif esperjenza l-ferita simbolika fl-għarqub?
13 Ġesù bassar li hu kien se jiġi kkundannat mill-qassisin ewlenin u jiġi msammar maʼ zokk mill-Ġentili, imma li fit-tielet jum, hu kien se jiġi mqajjem. (Mt. 20:17-19) L-affermazzjoni tiegħu quddiem is-Sinedriju li hu kien “il-Kristu, Bin Alla” ġiet meqjusa bħala dagħwa. (Mt. 26:63-66) Pilatu sab li “m’għamel xejn li jistħoqqlu l-mewt,” imma minħabba li l-Lhud akkużawh li qed ixewwex, Pilatu “lil Ġesù kkundannah kif xtaqu huma.” (Lq. 23:13-15, 25) B’hekk huma ‘ċaħduh’ u ppjanaw li joqtlu “lill-Aġent Ewlieni tal-ħajja,” minkejja l-għadd kbir t’evidenza li hu kien mibgħut minn Alla. (Atti 3:13-15) Il-Messija ‘nqatel’ bħalma kien imbassar, billi ġie msammar maʼ zokk f’Jum il-Qbiż tas-sena 33 E.K. (Dan. 9:26, 27; Atti 2:22, 23) B’din il-mewta krudili, hu sofra l-ferita fl-“għarqub” imbassra f’Ġenesi 3:15.
Għala l-Messija Kellu Jmut
14, 15. (a) Għal liema żewġ raġunijiet Ġeħova ppermetta lil Ġesù jmut? (b) X’għamel Ġesù wara li ġie rxoxtat?
14 Ġeħova ppermetta lil Ġesù jesperjenza l-mewt minħabba żewġ raġunijiet vitali. L-ewwel, il-lealtà taʼ Ġesù sal-mewt solviet aspett importanti mis-“sigriet sagru.” Hu ta prova sal-iktar punt possibbli li bniedem perfett jistaʼ jżomm “id-devozzjoni lejn Alla” u jappoġġa s-sovranità t’Alla minkejja l-iktar provi ħorox li jagħmel Satana. (1 Tim. 3:16) It-tieni, bħalma qal Ġesù, ‘Bin il-bniedem ġie biex jagħti ruħu b’fidwa għal ħafna.’ (Mt. 20:28) Din il-“fidwa ekwivalenti” ħallset il-piena tad-dnub li ntiret min-nisel t’Adam u għamlitha possibbli biex kull min jaċċetta lil Ġesù bħala l-mezz taʼ salvazzjoni t’Alla tingħatalu ħajja taʼ dejjem.—1 Tim. 2:5, 6.
15 Wara tlett ijiem fil-qabar, Kristu ġie rxoxtat, u għal 40 jum deher lid-dixxipli tiegħu, billi wriehom li kien ħaj u tahom iktar istruzzjonijiet. (Atti 1:3-5) Imbagħad telaʼ s-sema biex jippreżenta lil Ġeħova l-valur tas-sagrifiċċju prezzjuż tiegħu u jistenna ż-żmien maħtur meta l-preżenza tiegħu bħala s-Sultan Messjaniku kien se jibda. Sadanittant, hu kellu ħafna x’jagħmel.
Iwettaq l-Irwol Tiegħu Bħala l-Messija
16, 17. Semmi l-irwol taʼ Ġesù bħala l-Messija wara li telaʼ s-sema.
16 Matul is-sekli minn mindu ġie rxoxtat, Ġesù lealment ħa ħsieb l-attivitajiet tal-kongregazzjoni Kristjana li fuqha qed jaħkem bħala Sultan. (Kol. 1:13) Fiż-żmien maħtur, hu kien se jibda juża l-qawwa tiegħu bħala s-Sultan tas-Saltna t’Alla. Il-profeziji tal-Bibbja u l-ġrajjiet li seħħew fid-dinja jikkonfermaw li l-preżenza tiegħu bħala Sultan bdiet fl-1914, magħha bdiet ukoll il-“konklużjoni tas-sistema.” (Mt. 24:3; Riv. 11:15) Ftit wara dan, hu mexxa lill-anġli qaddisa biex jixħtu lil Satana u d-demonji tiegħu ’l barra mis-sema.—Riv. 12:7-10.
17 Ix-xogħol tal-ippritkar u t-tagħlim li Ġesù beda fis-sena 29 E.K. qed jersaq lejn il-quċċata tiegħu. Dalwaqt se jiġġudika lill-ħajjin kollha. Imbagħad hu se jgħid lil uħud bħal nagħaġ li jaċċettawh bħala l-mezz taʼ salvazzjoni taʼ Ġeħova biex ‘jirtu s-saltna mħejjija għalihom mit-tisjis tad-dinja.’ (Mt. 25:31-34, 41) Dawk li jiċħdu lil Ġesù bħala s-Sultan se jiġu meqrudin meta jmexxi l-armati tas-sema kontra l-ħżiena kollha. Imbagħad, Ġesù se jorbot lil Satana u jixħet lilu u lid-demonji tiegħu “fl-abbiss.”—Riv. 19:11-14; 20:1-3.
18, 19. Meta Ġesù jtemm it-twettiq tal-irwol tiegħu bħala l-Messija, liema barkiet se jġib fuq l-umanità ubbidjenti?
18 Matul ir-Renju t’Elf Sena tiegħu, Ġesù se jwettaq bis-sħiħ it-titli kollha tiegħu, bħal “Kunsillier taʼ l-Għaġeb, Alla Setgħan, Missier Etern, Prinċep tal-Paċi.” (Is. 9:6, 7) Il-bnedmin se jsiru perfetti b’riżultat tal-ħakma tas-Saltna tiegħu, inkluż dawk li jiġu rxoxtati mill-mewt. (Ġw. 5:26-29) Il-Messija se jiggwida lill-bnedmin disposti lejn “għejun taʼ l-ilmijiet tal-ħajja,” u b’hekk jippermetti l-umanità ubbidjenti tgawdi relazzjoni paċifika maʼ Ġeħova. (Aqra Rivelazzjoni 7:16, 17.) Wara l-aħħar prova, ir-ribelli kollha, inkluż Satana u d-demonji tiegħu, se jiġu ‘mixħutin fl-għadira tan-nar,’ id-daqqa tal-mewt f’ras is-“serp.”—Riv. 20:10.
19 Kemm iwettaq l-irwol tiegħu bħala l-Messija b’mod meraviljuż u preċiż Ġesù! Art magħmula ġenna se timtela bi bnedmin mifdijin, li se jgħixu għal dejjem f’saħħa u hena perfetta. L-isem qaddis taʼ Ġeħova se jkun ġie mnaddaf minn kull tmaqdir, u d-dritt tas-sovranità universali tiegħu vvindikat bis-sħiħ. X’wirt mill-aqwa hemm eżatt quddiem dawk kollha li jobdu lill-Midluk t’Alla!
Int Sibtu lill-Messija?
20, 21. Liema raġunijiet għandek biex tgħid lil oħrajn dwar il-Messija?
20 Ilna mill-1914 ’l hawn ngħixu fiż-żmien il-parusija, jew il-preżenza taʼ Kristu. Għalkemm il-preżenza tiegħu bħala s-Sultan tas-Saltna t’Alla hi inviżibbli, hija ovvja mit-twettiq tal-profeziji. (Riv. 6:2-8) Minkejja dan, bħal-Lhud tal-ewwel seklu, il-biċċa l-kbira min-nies illum jinjoraw l-evidenza tal-preżenza tal-Messija. Huma wkoll iridu mexxej politiku jew għall-inqas wieħed li jaħdem permezz taʼ ħakkiema politiki umani. Imma int sirt taf li Ġesù issa qed jaħkem bħala s-Sultan tas-Saltna t’Alla. Ma kontx int eċċitat li sirt taf dan? Bħad-dixxipli tal-ewwel seklu, int kont imqanqal tipproklama: “Sibna ’l-Messija.”
21 Illum, meta titkellem dwar il-verità, tenfasizza l-irwol taʼ Ġesù bħala l-Messija? Jekk tagħmel hekk se żżid l-apprezzament tiegħek għal dak li diġà għamel għalik, għal dak li qed jagħmel issa, u għal dak li għad irid iwettaq. Bħal Indrì u Filippu, mingħajr dubju int tkellimt maʼ qrabatek u ħbiebek dwar il-Messija. Għala ma terġax tgħidilhom b’iktar ħeġġa u turihom li Ġesù Kristu hu tabilħaqq il-Messija mwiegħed, il-mezz taʼ salvazzjoni t’Alla?
Tistaʼ Tispjega?
• Kif setgħu d-dixxipli tal-ewwel seklu jsibu ’l-Messija?
• Għal liema żewġ raġunijiet importanti miet Ġesù?
• Ġesù x’se jagħmel iktar biex iwettaq l-irwol tiegħu bħala l-Messija?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampi f’paġna 21]
In-nies tal-ewwel seklu kif setgħu jgħidu li Ġesù kien il-Messija mwiegħed?
[Stampa f’paġna 23]
Meta titkellem m’oħrajn, tenfasizza int l-irwol taʼ Ġesù bħala l-Messija?