Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tistaʼ Tgħaddi l-Maċedonja?

Tistaʼ Tgħaddi l-Maċedonja?

F’TROAS, belt fl-​Asja Minuri, l-​appostlu Pawlu ngħata viżjoni. Raġel mill-​Maċedonja talbu bil-​ħrara: “Għaddi l-​Maċedonja u għinna.” Malli ra l-​viżjoni, Pawlu u dawk li kienu qed jivvjaġġaw miegħu ‘kkonkludew li Alla kien sejħilhom biex ixandru l-​aħbar tajba’ lil dawk fil-​Maċedonja. X’kien ir-​riżultat? F’Filippi, il-​belt prinċipali tal-​Maċedonja, Lidja u n-​nies taʼ darha ħaddnu l-​verità. Oħrajn f’din il-​provinċja Rumana għamlu l-​istess.—Atti 16:9-​15.

Spirtu żeluż bħal dan jidher fost ix-​Xhieda taʼ Ġeħova llum. Ħafna wħud minn jeddhom u minn buthom marru joqogħdu fi nħawi fejn il-​bżonn għal proklamaturi tas-​Saltna hu akbar. Pereżempju, Lisa xtaqet li ħajjitha tkun iktar iffokata fuq il-​ministeru. Għalhekk, mill-​Kanada hi marret toqgħod il-​Kenja. Trevor u Emily, li wkoll huma Kanadiżi, marru jgħixu l-​Malawi bil-​mira li jkabbru l-​ministeru tagħhom. Paul u Maggie, mill-​Ingilterra, qiesu l-​irtirar mix-​xogħol bħala opportunità tad-​deheb biex jagħmlu iktar fis-​servizz taʼ Ġeħova u rħewlha lejn il-​Lvant tal-​Afrika. Għandek int spirtu taʼ sagrifiċċju persunali? Tistaʼ tikkunsidra jekk tistax tagħmel pass bħal dan? Jekk iva, liema prinċipji Bibliċi u suġġerimenti prattiċi jistgħu jgħinuk tirnexxi?

Eżamina Lilek Innifsek

Fost l-​affarijiet li għandek bżonn tikkunsidra hemm il-​motivi tiegħek. Ġesù qal li l-​akbar kmandament hu: “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.” Ir-​raġuni biex taqdi f’territorju barrani għandha tkun imħabba għal Alla u xewqa li twettaq l-​inkarigu taʼ li tagħmel dixxipli. Ġesù kompla jgħid: “It-​tieni jixbhu u hu dan, ‘Ħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’” L-​imħabba għall-​proxxmu tintwera minn xewqa sinċiera biex ngħinu. (Mt. 22:36-​39; 28:19, 20) Ġeneralment jinvolvi ħafna xogħol u spirtu taʼ sagrifiċċju persunali biex wieħed jaqdi f’art barranija. Mhijiex sempliċement xi avventura. Hemm bżonn li tkun motivat mill-​imħabba. Remco u Suzanne mill-​Olanda, li issa qed jaqdu fin-​Namibja, fi ftit kliem qalu, “L-​imħabba hi li żżommna hawn.”

Willie, li jaqdi bħala indokratur tas-​circuit fin-​Namibja, jinnota: “Dawk l-​uħud li baqgħu jaqdu fil-​qasam tal-​lingwa barranija ma ġewx bil-​ħsieb li l-​aħwa tal-​lokal se jieħdu ħsiebhom. Huma ġew bil-​ħsieb li jaqdu flimkien mal-​aħwa tal-​lokal, billi jgħinuhom fix-​xogħol tal-​ippritkar.”

Wara li teżamina l-​motivi tiegħek, staqsi lilek innifsek: ‘X’esperjenza għandi li tistaʼ tkun t’għajnuna fil-​qasam tal-​lingwa barranija? Effettiv jien fil-​ministeru tiegħi? Liema lingwi nitkellem? Lest li nitgħallem lingwa ġdida?’ Iddiskuti din il-​kwistjoni bis-​serjetà mal-​familja tiegħek. Tkellem mal-​anzjani fil-​kongregazzjoni tiegħek. U bla dubju itlob lil Ġeħova dwarha. Eżami onest tiegħek innifsek bħal dan għandu jgħinek tara jekk tassew għandekx l-​abbiltà u d-​determinazzjoni biex taqdi fil-​qasam tal-​lingwa barranija.—Ara l-​kaxxa  “Kun Af Lilek Innifsek.”

Fejn Se Taqdi

F’viżjoni, Pawlu ġie msejjaħ biex imur il-​Maċedonja. Illum, Ġeħova ma jużax mezzi sopranaturali biex jidderiġina. Madankollu, permezz taʼ din ir-​rivista u pubblikazzjonijiet oħrajn, il-​poplu t’Alla jsir jaf bil-​ħafna territorji fejn il-​bżonn hu akbar. Mela ibda billi tagħmel lista taʼ postijiet bħal dawn. Jekk m’intix lest li titgħallem lingwa ġdida jew mhux bi ħsiebek tibqaʼ f’art barranija b’mod permanenti, ikkunsidra jekk tistax tmur taqdi f’post fejn int diġà titkellem il-​lingwa prinċipali tal-​pajjiż. Imbagħad, investiga kwistjonijiet bħall-​ħtiġijiet tal-​viża, it-​trasport, is-​sigurtà, l-​għoli tal-​ħajja, u l-​klima. Tistaʼ ssibha t’għajnuna li titkellem maʼ dawk li diġà għamlu pass simili. Itlob dwar dawn il-​kwistjonijiet. Ftakar li lil Pawlu u lil sħabu “l-​ispirtu qaddis ma ħallihomx ixandru l-​kelma fid-​distrett taʼ l-​Asja.” Għalkemm ipprovaw imorru l-​Bitinja, “l-​ispirtu taʼ Ġesù ma ppermettilhomx” jagħmlu dan. Bl-​istess mod, jistaʼ jkun li jiħodlok xi ftit taż-​żmien biex tiddeċiedi fejn tistaʼ tkun verament t’għajnuna.—Atti 16:6-​10.

Għandek mnejn li s’issa ħsibt f’xi għażliet realistiċi. Jekk qed tikkunsidra li tmur taqdi f’art barranija, ikteb lill-​uffiċċji tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fil-​pajjiżi li għandek f’moħħok. Semmi d-​diversi aspetti taʼ servizz li wettaqt jew li għadek qed twettaq kif ukoll kwalunkwe mistoqsija speċifika li jistaʼ jkollok, bħal mistoqsijiet dwar l-​għoli tal-​ħajja, it-​tip t’akkomodazzjoni li għandek mnejn issib, il-​faċilitajiet tas-​saħħa disponibbli, u l-​opportunitajiet għax-​xogħol sekulari. Imbagħad, agħti l-​ittra jew l-​ittri lill-​kumitat tas-​servizz fil-​kongregazzjoni tiegħek. Huma se jibagħtuha direttament lill-​uffiċċji tal-​fergħa li int speċifikajt, flimkien mal-​ittra taʼ rakkomandazzjoni tagħhom. Ir-​risposti x’aktarx li se jgħinuk tiddeċiedi fejn tistaʼ tkun l-​iktar t’għajnuna.

Willie, li ssemma qabel, osserva: “Ġeneralment, dawk li rnexxew żaru l-​pajjiż qabel u fittxew postijiet fejn, b’mod realistiku, setgħu jkunu ferħanin. Koppja waħda rrikonoxxiet li kienet se ssibha diffiċli biex tgħix f’post imwarrab. Għalhekk, huma ssetiljaw f’raħal żgħir fejn kien hemm il-​bżonn, imma fejn setaʼ jkollhom stil taʼ ħajja li jippermettilhom ikunu ferħanin.”

Kif Tiffaċċja Sfidi Ġodda

Jekk tmur tgħix ’il bogħod mill-​ambjent li kont imdorri fih u tmur toqgħod f’wieħed kompletament differenti, bla dubju se tiffaċċja xi sfidi. Lisa, li ssemmiet qabel, tgħid: “Is-​solitudni tistaʼ tkun diffiċli ferm.” X’jgħinha? Il-​fatt li tibqaʼ qrib il-​kongregazzjoni lokali tal-​post fejn marret tgħix. Hi għamlitha mira li titgħallem l-​isem taʼ kulħadd. Sabiex twettaq dan, kienet tasal kmieni għal-​laqgħat u wara kienet iddum ma titlaq biex toqgħod titkellem mal-​aħwa. Lisa ħadmet m’oħrajn fil-​ministeru, stiednet lil ħafna d-​dar tagħha, u għamlet ħbieb ġodda. Hi tgħid: “Ma jiddispjaċinix mis-​sagrifiċċji li għamilt. Ġeħova verament berikni bil-​kbir.”

Wara li rabbew familja, Paul u Maggie telqu mid-​dar li kienu ilhom jgħixu fiha 30 sena. Hu jirrakkonta: “Kien iktar faċli milli ħsibna biex inneħħu l-​affarijiet li kellna. L-​akbar sfida kienet li nħallu l-​familja warajna, kienet ħafna agħar milli stennejna. Tgħidx kemm bkejna fuq l-​ajruplan. Hu faċli li tirraġuna, ‘Ma nistgħux nagħmlu dan.’ Imma striħajna fuq Ġeħova. Li tagħmel ħbieb ġodda jagħtik iktar determinazzjoni biex tibqaʼ sejjer.”

Greg u Crystal għażlu li mill-​Kanada jmorru n-​Namibja minħabba li jitkellmu l-​Ingliż, il-​lingwa uffiċjali tal-​pajjiż. Imma, iktar tard, raw kemm kien ikun utli li jitgħallmu waħda mil-​lingwi tal-​lokal. “Xi drabi, konna nħossuna skuraġġiti. Però, kien biss wara li tgħallimna l-​lingwa tal-​lokal li fhimna l-​kultura. Sħubija mill-​qrib mal-​aħwa lokali għenitna biex nadattaw għall-​ambjent ġdid li qed ngħixu fih.”

Attitudni umli u disposta bħal din jistaʼ jkollha wkoll effett pożittiv fuq l-​aħwa tal-​lokal. Jenny tiftakar b’għożża l-​familji li marru joqogħdu l-​Irlanda, fejn trabbiet hi. “Kienu huma l-​uħud ospitabbli,” tgħid hi. “Verament ġew biex jaqdu, mhux biex jiġu moqdijin. Tant kienu żelużi u ferħanin li ħassejt li anki jien għandi mmur naqdi fejn il-​bżonn hu akbar.” Jenny issa taqdi bħala missjunarja fil-​Gambja flimkien mar-​raġel tagħha.

Il-​Barka taʼ Ġeħova “Ġġib l-​Għana”

X’barka kienet l-​esperjenza taʼ Pawlu fil-​Maċedonja! Xi għaxar snin wara, lill-​aħwa f’Filippi kitbilhom: “Jien dejjem irrodd ħajr lil Alla tiegħi kulmeta niftakar fikom.”—Flp. 1:3.

Trevor u Emily, li qdew fil-​Malawi qabel ma ġew mistidnin biex jattendu l-​Iskola taʼ Gilegħad (Watchtower Bible School of Gilead), iħossuhom l-​istess. “Kultant konna naħsbu jekk konniex qegħdin nagħmlu l-​aħjar ħaġa, imma konna ferħanin. Konna iktar qrib taʼ xulxin u ħassejna l-​barka taʼ Ġeħova.” Greg u Crystal, li ssemmew qabel, qalu: “M’hemm xejn aħjar minn dak li qed nagħmlu.”

Irridu nammettu li mhux kulħadd se jkun f’pożizzjoni li jaqdi f’art barranija. Għal xi wħud ikun aħjar jekk imorru jaqdu f’post ieħor fejn il-​bżonn hu akbar f’pajjiżhom stess. Oħrajn jistgħu jirsistu biex jilħqu l-​miri taʼ li jaqdu f’kongregazzjonijiet oħrajn viċin id-​dar tagħhom. L-​importanti hu li tagħmel dak kollu li tistaʼ biex taqdi lil Ġeħova. (Kol. 3:23) B’hekk, il-​kliem ispirat se jkun minnu fil-​każ tiegħek: “Il-​barka taʼ Ġeħova—hi li ġġib l-​għana, u hu ma jżid l-​ebda wġigħ magħha.”—Prov. 10:22.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 5]

 Kun Af Lilek Innifsek

Sabiex teżamina lilek innifsek biex tara jekk tistax taqdi fil-​qasam tal-​lingwa barranija, ikkunsidra l-​mistoqsijiet li ġejjin u bl-​onestà u bit-​talb qis b’mod realistiku jekk pass bħal dan huwiex għalik. Informazzjoni mill-​ħarġiet li għaddew tat-​Torri tal-​Għassa tistaʼ tgħinek biex tagħmel dan.

• Jien persuna spiritwali?​—“Passi Li Jwasslu għall-​Ferħ” (1 taʼ Novembru, 1997, paġna 6)

• Effettiv jien fil-​ministeru tiegħi?—“How to Succeed in the Pioneer Ministry” (15 taʼ Mejju, 1989, paġna 21, edizzjoni bl-​Ingliż.)

• Nistaʼ ngħix ’il bogħod mill-​familja u l-​ħbieb?—“Coping With Homesickness in God’s Service” (15 taʼ Mejju, 1994, paġna 28, edizzjoni bl-​Ingliż.)

• Nistaʼ nitgħallem lingwa ġdida?​—“Naqdu maʼ Kongregazzjoni taʼ Lingwa Barranija” (15 taʼ Marzu, 2006, paġna 17)

• Niflaħ finanzjarjament immur noqgħod xi mkien ieħor?​—“Tistaʼ Taqdi f’Art Barranija?” (15 t’Ottubru, 1999, paġna 23)

[Stampa f’paġna 6]

Attitudni umli u disposta jistaʼ jkollha effett pożittiv fuq l-​aħwa tal-​lokal

[Stampa f’paġna 7]

Dawk li jiġu biex jaqdu huma l-​uħud li jirnexxu