Aħna Nappartjenu lil Ġeħova—Att taʼ Qalb Tajba Mhix Mistħoqqa
Aħna Nappartjenu lil Ġeħova—Att taʼ Qalb Tajba Mhix Mistħoqqa
“Aħna taʼ Ġeħova.”—RUM. 14:8.
1, 2. (a) Liema privileġġ għandna? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?
XI PRIVILEĠĠ prezzjuż ġie offrut lill-poplu t’Israel meta Ġeħova qalilhom: “Issiru l-proprjetà speċjali tiegħi mill-popli l-oħrajn kollha.” (Eżo. 19:5) Illum, il-membri tal-kongregazzjoni Kristjana għandhom l-unur li jappartjenu lil Ġeħova. (1 Pt. 2:9; Riv. 7:9, 14, 15) Dan hu privileġġ taʼ ġid dejjiemi għalina.
2 Il-privileġġ li nappartjenu lil Ġeħova hu wkoll responsabbiltà. Xi wħud għandhom mnejn jaħsbu: ‘Jien se nkun kapaċi nagħmel dak kollu li Ġeħova jistenna minni? Jekk xi darba naqaʼ fid-dnub, hu se jwarrabni? Li nappartjeni lil Ġeħova se jnaqqasli l-libertà?’ Ħsibijiet bħal dawn huma taʼ min jixtarrhom. Madankollu, l-ewwel tajjeb naħsbu bis-serjetà dwar din il-mistoqsija: X’benefiċċji hemm f’li nappartjenu lil Ġeħova?
Henjin Għax Jappartjenu lil Ġeħova
3. Id-deċiżjoni taʼ Raħab li taqdi lil Ġeħova kif kienet taʼ benefiċċju għaliha?
3 In-nies li jappartjenu lil Ġeħova jibbenefikaw mis-sitwazzjoni tagħhom! Ikkunsidra l-każ taʼ Raħab, prostituta li għexet f’Ġeriko tal-qedem. Bla dubju hi kienet imrobbija tipprattika l-qima immorali tal-allat taʼ Kangħan. Madankollu, meta semgħet dwar ir-rebħiet li Ġeħova kien ta lil Israel, hi rrealizzat li Ġeħova hu l-Alla l-veru. Għalhekk, issograt ħajjitha biex tipproteġi lin-nies t’Alla, u b’hekk fdat ħajjitha f’idejhom. Il-Bibbja tgħid: “Ma kinitx ukoll Raħab il-prostituta dikjarata ġusta bl-għemejjel, wara li kienet laqgħet lill-messaġġiera bl-ospitalità u bagħtithom minn triq oħra?” (Ġak. 2:25) Immaġina l-benefiċċji li gawdiet meta saret parti mill-poplu nadif t’Alla, poplu mħarreġ fl-imħabba u l-ġustizzja permezz tal-Liġi t’Alla. Min jaf kemm kienet ferħana li ħalliet warajha l-ħajja li kienet tgħix qabel! Hi żżewġet raġel Israeli u rabbiet lil binha, Bogħaż, biex ikun raġel t’Alla li jispikka.—Ġoż. 6:25; Rut 2:4-12; Mt. 1:5, 6.
4. Rut kif ibbenefikat mid-deċiżjoni tagħha li taqdi lil Ġeħova?
4 Rut il-Mowabija wkoll iddeċidiet li taqdi lil Ġeħova. Meta kienet għadha tifla, hi x’aktarx kienet tqim lil Kemos u ’l-allat l-oħra taʼ Mowab, imma mbagħad saret taf lill-Alla l-veru, Ġeħova, u żżewġet Israeli li kien ġie jfittex kenn f’artha. (Aqra Rut 1:1-6.) Iktar tard, hekk kif Rut u l-mara taʼ ħu żewġha flimkien mal-kunjata tagħhom Nagħomi rħewlha lejn Betlehem, Nagħomi ħeġġet liż-żewġ nisa żgħażagħ biex jerġgħu lura lejn nieshom. Ma kienx se jkun faċli għalihom li jissetiljaw f’Israel. Tabilħaqq, Orpa “marret lura lejn niesha u allatha,” imma Rut ma marritx. Hi aġixxiet skont il-fidi tagħha u kienet taf lil min riedet tappartjeni. Hi qalet lil Nagħomi: “Toqgħodx titlobni biex nitilqek, biex immur lura u ma niġix miegħek; għax fejn tmur int, immur jien, u fejn tgħaddi l-lejl int, ngħaddih jien. Il-poplu tiegħek ikun il-poplu tiegħi, u Alla tiegħek, Alla tiegħi.” (Rut 1:15, 16) Minħabba l-għażla tagħha biex taqdi lil Ġeħova, Rut ibbenefikat mil-Liġi t’Alla, li kien fiha provvediment speċjali għar-romol, għall-foqra, u għal dawk li ma kellhomx xi biċċa art tagħhom. Taħt ġwinħajn Ġeħova, hi sabet l-hena, il-protezzjoni, u s-sigurtà.
5. X’osservajt int dwar nies li qed jaqdu lil Ġeħova fedelment?
5 Forsi taf b’xi individwi li ddedikaw lilhom infushom lil Ġeħova u ilhom jaqduh għal għaxriet taʼ snin. Staqsihom kif ibbenefikaw mis-servizz tagħhom lil Ġeħova. Għalkemm ħadd mhu meħlus mill-problemi, l-evidenza tappoġġa b’mod tal-għaġeb il-kliem tas-salmista: “Hieni l-poplu li Alla tiegħu hu Ġeħova!”—Salm 144:15.
Dak li Ġeħova Jistenna Minna Hu Raġunevoli
6. Għala m’għandniex nibżgħu li m’aħniex kapaċi nagħmlu dak li Ġeħova jistenna minna?
6 Forsi tiddubita jekk intix se tkun kapaċi tagħmel dak li Ġeħova jistenna minnek. Huwa faċli li tħossha bi tqila li tkun qaddej t’Alla, li tgħix mal-liġijiet tiegħu, u li titkellem f’ismu. Pereżempju, meta Mosè ntbagħat biex ikellem lill-Israelin u lis-sultan tal-Eġittu, hu ħass li ma kienx kapaċi. Imma Alla kien raġunevoli dwar dak li stenna minn Mosè. Ġeħova ‘għallmu x’għandu jagħmel.’ (Aqra Eżodu 3:11; 4:1, 10, 13-15.) Peress li Mosè aċċetta l-għajnuna mogħtija lilu, hu esperjenza l-ferħ li wieħed ikollu meta jagħmel ir-rieda t’Alla. Bl-istess mod, Ġeħova hu raġunevoli dwar dak li jistenna minna. Hu jifhem li aħna imperfetti u jrid jgħinna. (Salm 103:14) Li taqdi lil Alla bħala segwaċi taʼ Ġesù hu rifreskanti u mhux taʼ piż, għax ħajja bħal din se ġġib benefiċċju lil oħrajn u tferraħ qalb Ġeħova. Ġesù qal: “Ejjew għandi, . . . u jien inserraħkom. Ħudu l-madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien ġwejjed u umli f’qalbi.”—Mt. 11:28, 29.
7. Għala tistaʼ tkun fiduċjuż li Ġeħova se jgħinek tagħmel dak li jistenna minnek?
7 Ġeħova dejjem se jipprovdi l-inkuraġġiment li għandna bżonn, dment li nistrieħu fuqu biex isaħħaħna. Pereżempju, Ġeremija, milli jidher ma kienx jinqalaʼ biex jitkellem. Għalhekk, meta Ġeħova inkarigah biex ikun il-profeta Tiegħu, Ġeremija qal: “Jaħasra, O Mulej Sovran Ġeħova! Jien ma nafx nitkellem, għax m’iniex ħlief naqra taʼ tifel.” Iktar tard hu qal ukoll: “Ma nitkellimx iżjed f’ismu.” (Ġer. 1:6; 20:9) Madankollu, bl-inkuraġġiment li tah Ġeħova, Ġeremija rnexxielu jipprietka għal 40 sena sħaħ messaġġ li ma kienx idoqq għal widnejn in-nies. Għal darba wara l-oħra Ġeħova aċċertah b’dan il-kliem: “Jien miegħek biex insalvak u neħilsek.”—Ġer. 1:8, 19; 15:20.
8. B’liema mod nuru li nafdaw f’Ġeħova?
8 Sewwasew bħalma Ġeħova saħħaħ lil Mosè u lil Ġeremija, hu jistaʼ jgħinna nagħmlu dak li jistenna mill-Kristjani llum. L-importanti hu li nistrieħu fuq Alla. Il-Bibbja tgħid: “Afda f’Ġeħova b’qalbek kollha u tistrieħx fuq fehmtek stess. Agħti kasu fil-mogħdijiet tiegħek kollha, u hu jiddrittalek triqatek.” (Prov. 3:5, 6) Aħna nuru li nafdaw f’Ġeħova meta nieħdu vantaġġ mill-għajnuna li jipprovdi permezz tal-Kelma tiegħu u tal-kongregazzjoni. Jekk inħallu lil Ġeħova jiggwida l-passi tagħna fil-ħajja, xejn mhu se jżommna milli nkunu leali lejh.
Ġeħova Jieħu Ħsieb il-Poplu Tiegħu Bħala Individwi
9, 10. Liema xorta taʼ protezzjoni jwiegħed Salm 91?
9 Huma u jikkunsidraw jekk jiddedikawx lilhom infushom lil Ġeħova, xi wħud setgħu ħasbu dwar il-periklu li jidinbu, li ma jħossuhomx denji, u li jkunu mwarrbin minn Ġeħova. B’ferħ Ġeħova jagħtina l-protezzjoni kollha li neħtieġu biex inħarsu r-relazzjoni prezzjuża tagħna miegħu. Ejja naraw x’jgħid Salm 91 dwar dan.
10 Dan is-salm jibda hekk: “Kulmin jgħammar fil-post sigriet taʼ l-Iktar Għoli se jikseb post fejn joqgħod għad-dell taʼ Dak li Jistaʼ Kollox. Jien se ngħid lil Ġeħova: ‘Int il-kenn u l-fortizza tiegħi, Alla tiegħi li fih se nafda.’ Għax hu jeħilsek min-nasba tan-nassâb.” (Salm 91:1-3) Innota li Alla jwiegħed li jipproteġi lil dawk li jħobbuh u jafdaw fih. (Aqra Salm 91:9, 14.) Għal liema xorta taʼ protezzjoni kien qed jirreferi? Ġeħova pproteġa fiżikament lil xi wħud mill-qaddejja tiegħu tal-qedem—xi drabi biex jippreserva l-linja ġenealoġika li kienet se twassal għall-Messija mwiegħed. Madankollu, ħafna rġiel leali kienu mitfugħin il-ħabs, torturati, u maqtulin b’kefrija biex jiġu mġegħlin iċedu l-lealtà tagħhom lejn Alla. (Ebr. 11:34-39) Huma rabbew il-kuraġġ meħtieġ sabiex jissaportu għax Ġeħova pproteġiehom spiritwalment mill-periklu li jitilfu l-integrità tagħhom. Għalhekk, nistgħu ngħidu li Salm 91 huwa wegħda taʼ protezzjoni spiritwali.
11. X’inhu l-“post sigriet taʼ l-Iktar Għoli,” u Alla lil min jipproteġi fih?
11 Għalhekk, il-“post sigriet taʼ l-Iktar Għoli,” imsemmi mis-salmista, huwa post figurattiv taʼ protezzjoni spiritwali. Fih, dawk li jgħammru m’Alla bħala l-mistidnin tiegħu huma protetti minn kwalunkwe ħaġa u kwalunkwe persuna li jheddu l-fidi tagħhom f’Alla u mħabbithom għalih. (Salm 15:1, 2; 121:5) Dan huwa post sigriet għax dawk li ma jemmnux ma jistgħux jifhmu x’inhu. Hawnhekk, Ġeħova jipproteġi lin-nies li bħallikieku qed jgħidu: “[Int] Alla tiegħi li fih se nafda.” Jekk nibqgħu f’dan il-post taʼ refuġju, m’għandniex għalfejn ninkwetaw bla bżonn dwar li nitilfu l-approvazzjoni t’Alla billi naqgħu f’xi nasba taʼ Satana n-“nassâb.”
12. Liema perikli jheddu r-relazzjoni tagħna m’Alla?
12 Liema perikli jheddu r-relazzjoni prezzjuża tagħna m’Alla? Is-salmista jsemmi diversi perikli, fosthom “pesta li timxi fid-dlam, . . . [u] qerda li ġġib ħerba f’nofsinhar.” (Salm 91:5, 6) “In-nassâb” qabad lil ħafna wħud fin-nasba tax-xewqa egoistika taʼ indipendenza. (2 Kor. 11:3) Hu jaħtaf lil oħrajn billi jippromwovi r-regħba, il-kburija, u l-materjaliżmu. Jerġaʼ lil oħrajn jiżvijahom permezz taʼ filosofiji bħall-patrijottiżmu, l-evoluzzjoni u r-reliġjon falza. (Kol. 2:8) U ħafna ġew imħajrin biex ikollhom relazzjonijiet sesswali illeċiti u b’hekk waqgħu f’din in-nasba. Dawn huma bħal ‘pesti’ li jagħmlu ħsara spiritwalment u li wasslu lil miljuni taʼ nies biex jitilfu l-imħabba tagħhom għal Alla.—Aqra Salm 91:7-10; Mt. 24:12.
Kif Tipproteġi Mħabbtek Għal Alla
13. Ġeħova kif jipproteġina mill-perikli li jheddu l-ġid spiritwali tagħna?
13 Ġeħova kif jipproteġi lin-nies tiegħu minn dawn il-perikli spiritwali? Is-salm jgħid: “Hu jagħti kmand dwarek lill-anġli tiegħu, biex jgħassuk fi triqatek kollha.” (Salm 91:11) L-anġli tas-sema jiggwidawna u jipproteġuna biex inkunu nistgħu nippritkaw l-aħbar tajba. (Riv. 14:6) Minbarra l-anġli, hemm l-anzjani Kristjani li billi jżommu sod mal-Iskrittura fit-tagħlim tagħhom jipproteġuna milli niġu mqarrqin minn irraġunar falz. Huma jistgħu jipprovdu għajnuna individwali lil dawk li qed jissieltu biex jegħlbu attitudnijiet dinjin. (Titu 1:9; 1 Pt. 5:2) Barra minn hekk, “l-ilsir leali u għaqli” jipprovdi ikel spiritwali biex jipproteġina kontra t-tagħlim tal-evoluzzjoni, il-ġibda lejn xewqat immorali, il-ġiri wara r-rikreazzjoni u l-prominenza, u ħafna xewqat u influwenzi taʼ ħsara. (Mt. 24:45) X’għenek biex tirreżisti xi ftit minn dawn il-perikli?
14. Kif nistgħu nieħdu vantaġġ mill-protezzjoni li jipprovdi Alla?
14 Xi rridu nagħmlu biex nibqgħu fil-“post sigriet” taʼ protezzjoni? Sewwasew bħalma b’mod konsistenti rridu nipproteġu lilna nfusna minn xi perikli fiżiċi, bħal aċċidenti, nies kriminali, jew infezzjonijiet, hekk ukoll irridu nibqgħu nipproteġu lilna nfusna minn perikli spiritwali. Għalhekk, għandna nieħdu vantaġġ regolarment mill-gwida li jipprovdilna Ġeħova fil-pubblikazzjonijiet tagħna, fil-laqgħat tal-kongregazzjoni, u fl-assembleat. Aħna nfittxu l-pariri tal-anzjani. U kemm nibbenefikaw mid-diversi kwalitajiet li jintwerew minn ħutna! Tabilħaqq, is-sħubija tagħna mal-kongregazzjoni tgħinna nsiru għaqlin.—Prov. 13:20; aqra l-1 Pietru 4:10.
15. Għala tistaʼ tkun fiduċjuż li Ġeħova jistaʼ jipproteġik minn kwalunkwe ħaġa li tistaʼ ġġiegħlek titlef l-approvazzjoni tiegħu?
15 M’għandniex għalfejn niddubitaw jekk Ġeħova jistax jipproteġina minn kull ħaġa li tistaʼ ġġegħelna nitilfu l-approvazzjoni tiegħu. (Rum. 8:38, 39) Hu pproteġa lill-kongregazzjoni minn għedewwa reliġjużi u politiċi setgħana li l-iskop tagħhom ġeneralment ma kienx li joqtluna imma li jifirduna mill-Alla qaddis tagħna. Kemm hi minnha l-wegħda taʼ Ġeħova: “Kwalunkwe arma li tissawwar kontrik ma tirnexxix”!—Is. 54:17.
Min Jagħtina l-Libertà?
16. Id-dinja għala ma tistax toffrilna l-libertà?
16 Jekk nappartjenu lil Ġeħova se tonqsilna l-libertà? Le, għall-kuntrarju, il-libertà tonqsilna jekk nappartjenu lid-dinja. Id-dinja hi mbiegħda minn Ġeħova u mmexxija minn alla kattiv li jagħmel lin-nies ilsiera tiegħu. Pereżempju, is-sistema taʼ Satana tagħmel pressjoni ekonomika biex lin-nies tnaqqsilhom il-libertà tagħhom. (Qabbel Rivelazzjoni 13:16, 17.) Id-dnub ukoll għandu l-qawwa li jqarraq sabiex ijassar lin-nies. (Ġw. 8:34; Ebr. 3:13) Għalhekk, anki jekk dawk li mhumiex tal-istess twemmin iwiegħdu l-libertà meta jippromwovu stil taʼ ħajja li jmur kontra t-tagħlim taʼ Ġeħova, dawk li jisimgħu minnhom malajr se jsibu ruħhom imjassrin għal ħajja taʼ dnub u t’għajb.—Rum. 1:24-32.
17. Liema libertà joffrilna Ġeħova?
17 Mill-banda l-oħra jekk nerħu ruħna f’idejn Ġeħova hu jeħlisna minn kull ħaġa li tistaʼ tagħmlilna l-ħsara. Nistgħu nqabblu s-sitwazzjoni tagħna maʼ dik taʼ individwu li jerħi ħajtu f’idejn kirurgu tas-sengħa li jistaʼ jeħilsu minn sitwazzjoni taʼ bejn ħajja u mewt. Aħna lkoll ninsabu f’sitwazzjoni taʼ bejn ħajja u mewt minħabba li writna d-dnub. Huwa biss jekk nerħu ruħna f’idejn Ġeħova fuq il-bażi tas-sagrifiċċju taʼ Kristu li nistgħu nittamaw li niskansaw l-effetti tad dnub u ngħixu għal dejjem. (Ġw. 3:36) Sewwasew bħalma l-fiduċja tagħna f’kirurgu tistaʼ tikber hekk kif insiru nafu bir-reputazzjoni tiegħu, hekk ukoll il-fiduċja tagħna f’Ġeħova se tikber hekk kif inkomplu nitgħallmu dwaru. Għalhekk, aħna nkomplu nistudjaw il-Kelma t’Alla bir-reqqa għax dan se jgħinna nħobbuh b’tali mod li nneħħu kull biżaʼ li nappartjenu lilu.—1 Ġw. 4:18.
18. X’se jkun ir-riżultat għal dawk li jappartjenu lil Ġeħova?
18 Ġeħova jagħti l-libertà tal-għażla lil kulħadd. Il-Kelma tiegħu tgħid: “Trid tagħżel il-ħajja sabiex tibqaʼ ħaj, int u nislek, billi tħobb lil Ġeħova Alla tiegħek.” (Dt. 30:19, 20) Hu jridna nesprimu l-imħabba tagħna lejh billi nagħżlu li naqduh minn jeddna. Jekk inkunu nappartjenu lil Alla li nħobbu mhux talli ma tonqsilniex il-libertà tagħna imma talli nsiru u nibqgħu ferħanin.
19. Li nappartjenu lil Ġeħova għala hu att taʼ qalb tajba mhix mistħoqqa?
19 Bħala midinbin, m’aħniex denji li nappartjenu lil Alla li hu perfett. Il-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla biss tagħmel dan possibbli. (2 Tim. 1:9) Għalhekk Pawlu kiteb: “Jekk ngħixu, ngħixu għal Ġeħova, u jekk immutu, immutu għal Ġeħova. Għalhekk, kemm jekk ngħixu u kemm jekk immutu, aħna taʼ Ġeħova.” (Rum. 14:8) Żgur li qatt mhu se jiddispjaċina mill-għażla tagħna li nappartjenu lil Ġeħova.
Int Kif Twieġeb?
• X’inhuma l-benefiċċji li niksbu meta nappartjenu lil Ġeħova?
• Għala aħna nistgħu nagħmlu dak li Alla jistenna minna?
• Ġeħova kif jipproteġi lill-qaddejja tiegħu?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampi f’paġna 8]
Staqsi lil oħrajn kif ibbenefikaw minħabba li jappartjenu lil Ġeħova
[Stampa f’paġna 10]
X’inhuma xi modi kif Ġeħova jipprovdi protezzjoni?