Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għin lil Uliedek Jegħlbu l-Ħafna Sfidi Tagħhom

Għin lil Uliedek Jegħlbu l-Ħafna Sfidi Tagħhom

Għin lil Uliedek Jegħlbu l-​Ħafna Sfidi Tagħhom

IŻ-​ŻGĦAŻAGĦ tagħna qegħdin taħt pressjoni kbira. Huma esposti għall-​ispirtu tad-​dinja mill-​agħar taʼ Satana, u jridu jissieltu max-​‘xewqat li jistaʼ jkollhom fiż-​żgħożija.’ (2 Tim. 2:22; 1 Ġw. 5:19) Iktar minn hekk, peress li jistinkaw biex ‘jiftakru fil-​Ħallieq Grandjuż tagħhom,’ ikollhom iħabbtu wiċċhom mat-​twaqqigħ għaċ-​ċajt—saħansitra mal-​moħqrija—minn dawk li jopponu t-​twemmin tagħhom. (Ekk. 12:1) Meta ftakar fit-​trobbija tiegħu, ħu jismu Vincent qal: “Dejjem kien ikun hemm xi ħadd li kien jaħqarni, jheddidni, jew jipprova jiġġieled miegħi għax kont Xhud. Ħafna drabi tant kont inħossni taħt pressjoni li ma kontx irrid immur l-​iskola.” *

Minbarra pressjonijiet mid-​dinja, uliedna għandhom mnejn ikollhom jiġġieldu kontra x-​xewqa tagħhom stess biex ikunu bħal dawk tamparhom. “Mhuwiex faċli li titqies bħala li int differenti,” tgħid Cathleen, oħt li għandha 16-​il sena. Ħu żagħżugħ jismu Alan jammetti, “Sħabi tal-​iskola spiss kienu jistidnuni biex noħroġ magħhom fi tmiem il-​ġimgħa, u veru kont nixtieq immur.” Iżjed minn hekk, iż-​żgħażagħ jistaʼ jkollhom xewqa qawwija biex jipparteċipaw fl-​isport tal-​iskola li jistaʼ faċilment iwassal għal sħubija ħażina. “Inħobbu l-​isport,” tgħid oħt żagħżugħa jisimha Tanya. “Il-​kowċis fl-​iskola dejjem kienu jipprovaw iħajruni nilgħab mat-​tim. Kien diffiċli li nirrifjuta.”

Kif tistaʼ tgħin lil uliedek jegħlbu l-​ħafna sfidi tagħhom? Ġeħova inkariga lill-​ġenituri biex jiggwidaw lil uliedhom. (Prov. 22:6; Efes. 6:4) Il-​mira taʼ ġenituri li jibżgħu minn Alla hi li jiżviluppaw f’qalb uliedhom ix-​xewqa li jobdu lil Ġeħova. (Prov. 6:20-​23) B’dan il-​mod, it-​tfal se jitqanqlu biex jirreżistu l-​pressjonijiet tad-​dinja saħansitra meta l-​ġenituri tagħhom ma jkunux qed jarawhom.

Hija taʼ sfida għall-​ġenituri biex jaqilgħu l-​għajxien, irabbu familja, u jieħdu ħsieb l-​attivitajiet tal-​kongregazzjoni—kollha fl-​istess ħin. Xi wħud iridu jagħmlu dan bħala ġenituri waħedhom jew waqt li jiffaċċjaw l-​oppożizzjoni minn sieħeb mhux tal-​istess twemmin. Xorta waħda, Ġeħova jirrikjedi li l-​ġenituri jwarrbu l-​ħin biex jgħallmu u jgħinu lil uliedhom. Għalhekk, x’tistaʼ tagħmel biex tgħin lil uliedek jipproteġu lilhom infushom mill-​pressjoni minn dawk tamparhom, mit-​tentazzjonijiet, u mill-​moħqrija li jiffaċċjaw kuljum?

Relazzjoni Persunali maʼ Ġeħova

L-​ewwel nett, iż-​żgħażagħ tagħna għandhom bżonn ikunu jafu lil Ġeħova bħala Persuna reali. Hemm bżonn li jiġu megħjunin ‘jaraw lil Dak li hu inviżibbli.’ (Ebr. 11:27) Vincent, li ssemma qabel, jiftakar kif il-​ġenituri tiegħu għenuh jiżviluppa relazzjoni persunali maʼ Ġeħova. Hu jgħid: “Għallmuni kemm hu importanti t-​talb. Nistaʼ niftakar li minn ċkuniti kont nitlob lil Ġeħova kull lejl qabel ma norqod. Ġeħova kien reali għalija.” Titlob int maʼ wliedek? Għala ma tismax dak li jgħidu lil Ġeħova fit-​talb persunali tagħhom? Jirripetu huma dejjem l-​istess kliem? Jew jesprimu fit-​talb tagħhom kif iħossuhom tassew dwar Ġeħova? Billi tismaʼ t-​talb tagħhom tistaʼ ssir taf xi progress spiritwali qed jagħmlu.

Mod importanti ieħor kif iż-​żgħażagħ jersqu eqreb lejn Ġeħova hu billi jaqraw personalment il-​Kelma t’Alla. Cathleen, li ssemmiet qabel, tgħid: “T’età żgħira qrajt il-​Bibbja minn qoxra sa qoxra, u dan għenni. Tani l-​fiduċja li anki jekk in-​nies kienu kontrija, jien kelli l-​appoġġ taʼ Ġeħova.” Għandhom uliedek skeda taʼ qari tal-​Bibbja persunali?—Salm 1:1-​3; 77:12.

Huwa minnu li t-​tfal mhux kollha jirreaġixxu bl-​istess mod għall-​gwida tal-​ġenituri. Ukoll, il-​progress spiritwali tagħhom jistaʼ jiddependi mill-​età tagħhom. Madankollu, mingħajr gwida jkun diffiċli biex iż-​żgħażagħ isiru jafu lil Ġeħova bħala Persuna reali. Il-​ġenituri għandhom idaħħlu sew f’qalb uliedhom il-​kliem t’Alla sabiex it-​tfal ikunu jistgħu, bħallikieku, jisimgħu lil Ġeħova jkellimhom kulfejn ikunu. (Dt. 6:6-​9) Uliedek iridu jemmnu li Ġeħova jimpurtah minnhom personalment.

Il-​Komunikazzjoni​—Kif Tagħmilha Siewja

Il-​komunikazzjoni hi mod vitali ieħor kif tgħin lil uliedek. M’għandniex xi ngħidu, komunikazzjoni tajba tinvolvi iktar milli titkellem maʼ wliedek. Tinkludi li tistaqsi xi mistoqsijiet u tistenna bil-​paċenzja t-​tweġibiet tagħhom—anki jekk dawn it-​tweġibiet ikunu differenti minn dak li tkun tixtieq tismaʼ. Anne, omm żewġ subien, tgħid: “Nistaqsihom mistoqsijiet sakemm inħoss li nifhem x’qegħdin jaħsbu u maʼ xiex qed iħabbtu wiċċhom f’ħajjithom.” Iħossu wliedek li xi ħadd qed jismagħhom? Tanya, li ġiet kwotata qabel, tgħid: “Il-​ġenituri tiegħi tassew kienu jagħtuni widen u jiftakru fil-​konversazzjonijiet tagħna. Kienu jafu x’jisimhom sħabi tal-​klassi. Kienu jistaqsuni dwarhom u dwar sitwazzjonijiet oħrajn li konna ddiskutejna fil-​passat.” Biex il-​komunikazzjoni tkun taʼ suċċess hu vitali li l-​ġenituri jagħtu widen u jiftakru.

Ħafna familji sabu li waqt l-​ikel ikollhom opportunitajiet tajbin għal komunikazzjoni siewja. “Fil-​familja tagħna kien importanti li nieklu flimkien,” jispjega Vincent. “Kull meta kien possibbli kellna nkunu madwar il-​mejda bħala familja. Ma kienx permess li naraw it-​televixin, nisimgħu r-​radju, jew naqraw waqt l-​ikel. Ladarba l-​konversazzjoni ġeneralment ma kinitx tkun waħda serja, ipprovdiet ftit ħin taʼ mistrieħ kuljum li għenni nittratta mal-​ġenn u l-​pressjonijiet li kont niffaċċja fl-​iskola.” Hu jżid: “Peress li kont imdorri nitkellem mal-​ġenituri waqt l-​ikel kont komdu wkoll nitkellem magħhom meta kelli bżonn l-​għajnuna fi kwistjonijiet iktar serji.”

Staqsi lilek innifsek, ‘Kemm-​il darba nieklu flimkien bħala familja matul il-​ġimgħa?’ Tistaʼ tagħmel xi aġġustamenti f’dan ir-​rigward biex ikollok opportunità tikkomunika iktar u b’mod aħjar maʼ wliedek?

Għala Sessjonijiet taʼ Prattika Huma Daqstant taʼ Valur

Il-​lejla tal-​Qima tal-​Familja taʼ kull ġimgħa wkoll tinkuraġġixxi konversazzjoni siewja u tgħin liż-​żgħażagħ jittrattaw problemi speċifiċi. Alan, li ssemma qabel, jgħid: “Il-​ġenituri tiegħi użaw l-​istudju tal-​familja biex iħeġġuna niftħu qalbna. Huma kkunsidraw suġġetti li kienu adattati għal dak li konna qed niffaċċjaw.” Omm Alan tgħid: “Konna nużaw ftit mill-​ħin tal-​istudju biex ikollna sessjonijiet taʼ prattika. Dawn is-​sessjonijiet għenu lil uliedna biex jitgħallmu kif jiddefendu l-​fidi tagħhom u biex juru li dak li jemmnu hu minnu. B’hekk, kisbu l-​fiduċja li kellhom bżonn biex jegħlbu l-​isfidi li ffaċċjaw.”

Tabilħaqq, meta jħabbtu wiċċhom mal-​pressjoni minn dawk tamparhom, it-​tfal spiss ikollhom bżonn jagħmlu iktar milli sempliċement jgħidu le u jitilqu ’l hemm. Iridu jkunu kapaċi jwieġbu mistoqsijiet bħal għala u għala le. Għandhom bżonn ukoll iħossuhom kunfidenti dwar x’se jagħmlu meta jiġu mwaqqgħin għaċ-​ċajt minħabba t-​twemmin tagħhom. Jekk ma jkunux jistgħu jiddefendu t-​twemmin tagħhom, ikun diffiċli għalihom li jieħdu waqfa kuraġġuża favur il-​qima vera. Is-​sessjonijiet taʼ prattika jistgħu jgħinuhom jibnu kunfidenza bħal din.

Fil-​ kaxxa f’paġna 18 hemm xi eżempji li jistgħu jiġu reċtati fil-​lejla tal-​Qima tal-​Familja. Dawn is-​sessjonijiet agħmilhom realistiċi billi tqajjem dubji dwar it-​tweġibiet taʼ wliedek. Flimkien maʼ dawn is-​sessjonijiet taʼ prattika, ikkunsidra xi lezzjonijiet prattiċi mgħallmin mill-​eżempji Bibliċi. Taħriġ bħal dan fid-​dar bla dubju se jgħin lil uliedek jegħlbu l-​isfidi fl-​iskola u f’postijiet oħrajn.

Id-​DarPost taʼ Kenn?

Hija darek post li wliedek jieħdu pjaċir imorru lura fih wara ġurnata skola? Jekk hi post taʼ kenn se tgħin lil uliedek jiffaċċjaw l-​isfidi taʼ kuljum tagħhom. Oħt li issa hi membru taʼ familja Betel tgħid: “Fit-​trobbija tiegħi, waħda mill-​iktar affarijiet importanti għalija kienet li darna kienet post taʼ kenn. Kienet kemm kienet ħażina s-​sitwazzjoni fl-​iskola, kont naf li meta mmur lura d-​dar kollox kien se jkun sew.” Liema atmosfera hemm f’darek? Hija post fejn huma komuni “l-​għadab, it-​tilwim, [u] l-​firda,” jew hi magħrufa għall-​“imħabba, il-​ferħ, [u] l-​paċi”? (Gal. 5:19-​23) Jekk spiss ma jkunx hemm paċi, tistinka int biex issir taf liema bidliet hemm bżonn sabiex darek tkun post taʼ kenn għal uliedek?

Mod ieħor kif tgħin lil uliedek jegħlbu l-​isfidi hu li tieħu l-​inizjattiva billi tipprovdilhom sħubija li tibni. Pereżempju, tistaʼ tinkludi aħwa spiritwali mill-​kongregazzjoni meta tgawdi xi rikreazzjoni mal-​familja? Jew, tistaʼ tippjana ikla żgħira f’darek mal-​indokratur li jivvjaġġa jew m’oħrajn li qegħdin fis-​servizz full-​time? Taf lil xi missjunarji jew Beteliti li magħhom uliedek jistgħu jiżviluppaw ħbiberija, anki jekk biss b’xi ittra, e-​mail, jew telefonata minn żmien għal żmien? Relazzjonijiet bħal dawn jistgħu jgħinu lil uliedek iwittu t-​triq għal riġlejhom u jiżviluppaw miri spiritwali. Ġib quddiem għajnejk l-​effett tajjeb li kellu l-​appostlu Pawlu fuq iż-​żagħżugħ Timotju. (2 Tim. 1:13; 3:10) Is-​sħubija mill-​qrib taʼ Pawlu miegħu għenet lil Timotju jżomm moħħu ffokat fuq miri spiritwali.—1 Kor. 4:17.

Faħħar lil Uliedek

Ġeħova jieħu pjaċir jara ż-​żgħażagħ jieħdu l-​waqfa tagħhom favur dak li hu tajjeb minkejja l-​pressjonijiet mid-​dinja taʼ Satana. (Salm 147:11; Prov. 27:11) Bla dubju, int ukoll tithenna meta tara ż-​żgħażagħ tagħna jagħżlu t-​triq it-​tajba. (Prov. 10:1) Lil uliedek ħallihom ikunu jafu kif tħossok dwarhom u kun ġeneruż billi tfaħħarhom bi mħabba. Ġeħova ħalla eżempju mill-​aħjar għall-​ġenituri. Fil-​magħmudija taʼ Ġesù, Ġeħova qal: “Int Ibni, il-​maħbub; jien approvajtek.” (Mk. 1:11) Min jaf kemm issaħħaħ Ġesù bl-​assiguranza taʼ Missieru biex jegħleb il-​ħafna sfidi li kien se jiffaċċja! Bl-​istess mod, ħalli lil uliedek ikunu jafu li tħobbhom u rrikonoxxi dak li qed iwettqu.

Huwa minnu li ma tistax tipproteġi lil uliedek għalkollox mill-​pressjonijiet, mill-​moħqrija, u mit-​twaqqigħ għaċ-​ċajt. Xorta waħda, tistaʼ tagħmel ħafna biex tgħinhom. B’liema modi? Għinhom jiżviluppaw relazzjoni persunali maʼ Ġeħova. Oħloq atmosfera li tqanqal konversazzjonijiet siewja. Agħmel il-​lejla tal-​Qima tal-​Familja prattika, u agħmel darek post taʼ kenn. Meta tagħmel dan żgur li tkun qed tgħin lil uliedek jegħlbu l-​ħafna sfidi tagħhom.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 2 Xi ismijiet f’dan l-​artiklu ġew mibdulin.

[Kaxxa/​Stampa f’paġna 18]

 SESSJONIJIET TAʼ PRATTIKA JISTGĦU JGĦINU

Hawnhekk hawn ftit eżempji taʼ xi sitwazzjonijiet li jsibu ruħhom fihom iż-​żgħażagħ tagħna. Għala ma tipprattikax ftit minn dawn l-​eżempji fil-​lejla tal-​Qima tal-​Familja tiegħek?

▸ Kowċ jitlob lil bintek tingħaqad mat-​tim tal-​iskola.

▸ Ibnek jiġi offrut sigarett hu u ġej lura mill-​iskola.

▸ Xi subien jheddu li jsawtu lil ibnek jekk jerġgħu jarawh jipprietka.

▸ Waqt li bintek qed taħdem minn bieb għal bieb fis-​servizz tal-​għalqa, tiltaqaʼ maʼ waħda minn sħabha tal-​iskola.

▸ Quddiem il-​klassi kollha, xi ħadd jistaqsi lil bintek għala ma ssellimx lill-​bandiera.

▸ Tifel iwaqqaʼ għaċ-​ċajt lil ibnek għax hu Xhud.

[Stampa f’paġna 17]

Għandhom uliedek skeda taʼ qari tal-​Bibbja persunali?

[Stampa f’paġna 19]

Tinkludi int aħwa spiritwali meta tgawdi xi rikreazzjoni?