Jintwera li l-Mod Kif Jaħkem Ġeħova Hu Sewwa u Ġust
Jintwera li l-Mod Kif Jaħkem Ġeħova Hu Sewwa u Ġust
“L-Iktar Għoli hu l-Ħakkiem fis-saltna tal-bnedmin.”—DAN. 4:17.
1, 2. X’inhuma ftit mir-raġunijiet għala l-ħakma umana falliet?
IL-ĦAKMA umana falliet! M’hemm l-ebda dubju dwar dan. Raġuni prinċipali għala l-bnedmin fallew hi li m’għandhomx l-għerf meħtieġ biex jaħkmu b’suċċess. Il-fatt li l-ħakma tal-bnedmin falliet jispikka iktar minn qatt qabel illum meta tant mexxejja wrew li ‘jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-flus, huma minfuħin bihom infushom, suppervi, żleali, ma jkunux iridu jiftiehmu, kalunnjaturi, mingħajr rażna, feroċi, mingħajr imħabba għat-tajjeb, tradituri, u mkabbrin.’—2 Tim. 3:2-4.
2 Żmien twil ilu, l-ewwel ġenituri tagħna ċaħdu l-ħakma t’Alla. Billi għamlu hekk, forsi ħasbu li kienu qed jagħżlu l-indipendenza. Madankollu, fir-realtà kienu qed jissottomettu ruħhom għall-ħakma taʼ Satana. Issa li għaddew sitt millenji taʼ tmexxija ħażina mill-bniedem influwenzata bil-kbir minn Satana, il-“ħakkiem taʼ din id-dinja,” ninsabu f’dan il-perijodu tant ikrah tal-istorja umana. (Ġw. 12:31) Meta jsemmi l-kundizzjoni li tinsab fiha l-umanità llum, xogħol taʼ referenza jistqarr li hu għalxejn “li nfittxu dinja perfetta.” Dan jispjega: “Mhux talli ma nistgħux insibuha imma talli l-attentat biex noħolquha jwassal għal diżastru, dittatura, u gwerer mill-agħar.” (The Oxford History of the Twentieth Century) Xi stqarrija onesta li l-ħakma umana falliet bl-ikrah!
3. X’nistgħu ngħidu dwar il-mod li Alla kien jaħkem li kieku Adam u Eva ma dinbux?
3 X’ħasra, mela, li l-ewwel ġenituri tagħna ċaħdu l-uniku tip taʼ ħakma li tirnexxi, il-ħakma t’Alla! M’għandniex xi ngħidu, ma nafux eżatt il-mod u manjiera kif Ġeħova kien jifforma l-ħakma fuq l-art kieku Adam u Eva baqgħu leali lejh. Madankollu, nistgħu nkunu ċerti li l-ħakma divina aċċettata mill-umanità kollha kienet tkun karatterizzata mill-imħabba u l-imparzjalità. (Atti 10:34; 1 Ġw. 4:8) Ukoll, meta nqisu l-għerf t’Alla li ma jitqabbel maʼ xejn, nistgħu nkunu ċerti li kieku l-umanità baqgħet taħt il-ħakma taʼ Ġeħova, kienu jiġu evitati l-iżbalji kollha li għamlu dawk li appoġġaw il-ħakma umana. It-teokrazija, jiġifieri l-ħakma t’Alla, kien se jirnexxilha “tissodisfa x-xewqa taʼ kull ħaġa ħajja.” (Salm 145:16) Fil-qosor, kienet tkun ħakma perfetta. (Dt. 32:4) X’ħasra li l-bnedmin ċaħduha!
4. Satana sa liema punt tħalla jaħkem?
4 Xorta waħda, huwa tajjeb li niftakru li għalkemm Ġeħova ħalla l-bnedmin jaħkmu lilhom infushom, hu qatt ma ċeda d-dritt tiegħu li jaħkem fuq il-ħolqien. Saħansitra s-sultan setgħan taʼ Babilonja ġie mġiegħel jirrikonoxxi li fuq kollox “l-Iktar Għoli hu l-Ħakkiem fis-saltna tal-bnedmin.” (Dan. 4:17) Fl-aħħar mill-aħħar, is-Saltna t’Alla se ġġiegħel li sseħħ ir-rieda tiegħu. (Mt. 6:10) Veru li għalissa Ġeħova ħalla lil Satana jaġixxi bħala “l-alla taʼ din is-sistema” sabiex jagħti tweġiba konvinċenti għall-kwistjonijiet li qajjem dan l-opponent. (2 Kor. 4:4; 1 Ġw. 5:19) Madankollu, Satana qatt ma setaʼ jmur lil hinn minn dak li jippermetti Ġeħova. (2 Kron. 20:6; qabbel Ġob 1:11,12; 2:3-6.) U dejjem kien hemm xi individwi li għażlu li jissottomettu ruħhom lejn Alla, għalkemm kienu qed jgħixu f’dinja maħkuma mill-Għadu l-kbir t’Alla.
Il-Ħakma t’Alla fuq Israel
5. X’wegħda għamel Israel lil Alla?
5 Minn żmien Abel sa żmien il-patrijarki, diversi wħud leali qiemu lil Ġeħova u obdew il-kmandi tiegħu. (Ebr. 11:4-22) Fi żmien Mosè, Ġeħova daħal f’patt man-nisel tal-patrijarka Ġakobb u dan sar il-ġens taʼ Israel. Fis-sena 1513 Q.E.K., l-Israelin wiegħdu li kemm huma u kemm id-dixxendenti tagħhom kienu se jaċċettaw lil Ġeħova bħala Ħakkiem, billi qalu: “Aħna lesti li nagħmlu kulma qalilna Ġeħova.”—Eżo. 19:8.
6, 7. X’kienu ftit mill-karatteristiki tal-ħakma t’Alla fuq Israel?
6 Ġeħova kellu skop meta għażel lill-Israelin biex ikunu l-poplu tiegħu. (Aqra Dewteronomju 7:7, 8.) Din l-għażla ma kinitx tinvolvi biss il-benesseri tal-Israelin. L-isem t’Alla u s-sovranità tiegħu wkoll kienu involuti, u dawn kienu taʼ sinifikat akbar. Israel kellu jaqdi bħala xhud għall-fatt li Ġeħova hu l-uniku Alla veru. (Is. 43:10; 44:6-8) Għalhekk, Ġeħova qal lil dan il-ġens: “Int poplu qaddis għal Ġeħova Alla tiegħek, u Ġeħova għażlek biex issir il-poplu tiegħu, proprjetà speċjali, mill-popli kollha li qegħdin fuq wiċċ l-art.”—Dt. 14:2.
7 Il-mod kif Alla ħakem lill-Israelin wera konsiderazzjoni lejn l-imperfezzjoni tagħhom. Fl-istess ħin, il-liġijiet tiegħu kienu perfetti u enfasizzaw il-kwalitajiet tal-Wieħed li tahomlhom. Il-kmandamenti li Ġeħova ta permezz taʼ Mosè għamlu l-qdusija t’Alla, l-imħabba tiegħu għall-ġustizzja, ix-xewqa tiegħu li jaħfer, u l-paċenzja tiegħu jispikkaw b’mod ċar. Iktar tard, fi żmien Ġożwè, il-ġens obda l-kmandamenti taʼ Ġeħova u gawda paċi u barkiet spiritwali. (Ġoż. 24:21, 22, 31) Dan il-perijodu fl-istorja taʼ Israel wera biċ-ċar li l-ħakma taʼ Ġeħova hi taʼ suċċess.
Il-Ħakma Umana Tħallas Qares
8, 9. B’nuqqas t’għaqal, l-Israelin għal xiex talbu u b’liema riżultati?
8 Madankollu, mal-medda taż-żmien, l-Israelin taʼ spiss taw daharhom lill-ħakma t’Alla u ġarrbu t-telf tal-protezzjoni tiegħu. Maż-żmien, l-Israelin qalu lil Ġeħova permezz tal-profeta Samwel li riedu li jkollhom sultan uman li setgħu jarawh. Ġeħova qal lil Samwel biex jagħtihom dak li riedu. Imma, Ġeħova żied: “Mhux lilek ċaħdu, imma lili ċaħdu milli nkun sultan fuqhom.” (1 Sam. 8:7) Għalkemm Ġeħova ħalla lill-Israelin ikollhom sultan li setgħu jarawh, hu wissiehom li kienu se jħallsu qares għall-ħakma minn sultan uman.—Aqra l-1 Samwel 8:9-18.
9 L-istorja wriet kemm kienet minnha t-twissija taʼ Ġeħova. Israel daħal fi problemi serji meta kien maħkum minn sultan uman, speċjalment meta dan is-sultan ma kienx leali. Bl-eżempju taʼ Israel f’moħħna, ma niskantawx li tul is-sekli gvernijiet f’idejn bnedmin li ma jafux lil Ġeħova naqsu milli jġibu riżultati tajbin permanenti. Veru li xi politikanti jitolbu għall-barka t’Alla fuq l-isforzi tagħhom biex iġibu l-paċi u s-sigurtà, imma Alla kif jistaʼ jbierek lil dawk li ma jissottomettux ruħhom għall-ħakma tiegħu?—Salm 2:10-12.
Ġens Ġdid Taħt il-Ħakma t’Alla
10. Għala kien hemm ġens ieħor li ħa post Israel bħala l-ġens magħżul t’Alla?
10 Il-ġens taʼ Israel wera li ma kienx lest li jaqdi lil Ġeħova bil-lealtà. Iktar tard, dan il-ġens ċaħad il-Messija maħtur minn Alla, u Ġeħova ċaħad lilu u ddeċieda li minfloku jqiegħed grupp taʼ nies li fforma ġens ġdid. Għalhekk, fis-sena 33 E.K. ġiet ifformata l-kongregazzjoni Kristjana t’aduraturi midlukin. Din il-kongregazzjoni fil-fatt kienet ġens ġdid immexxi mill-awtorità taʼ Ġeħova. Pawlu sejħilha “l-Israel t’Alla.”—Gal. 6:16.
11, 12. Liema xebh hemm bejn Israel u “l-Israel t’Alla” fejn tidħol it-tmexxija?
11 Hemm differenzi kif ukoll xebh bejn il-ġens oriġinali taʼ Israel u “l-Israel [il-ġdid] t’Alla.” Kuntrarju għal Israel tal-qedem, il-kongregazzjoni Kristjana m’għandhiex sultan uman u m’għandhiex għalfejn toffri sagrifiċċji t’annimali għan-nom tal-midinbin. Xebh wieħed bejn il-ġens taʼ Israel u l-kongregazzjoni Kristjana hu l-arranġament taʼ rġiel ixjeħ, jew anzjani. (Eżo. 19:3-8) Dawn l-anzjani Kristjani ma jaħkmux lill-merħla. Minflok, jirgħu l-kongregazzjoni u b’mod ħabrieki jieħdu t-tmexxija f’attivitajiet Kristjani. Huma jittrattaw bi mħabba, jagħtu unur, u juru dinjità lil kull individwu fil-kongregazzjoni.—2 Kor. 1:24; 1 Pt. 5:2, 3.
12 Billi jimmeditaw fuq il-mod kif Alla aġixxa maʼ Israel, membri tal-“Israel t’Alla” u taʼ sħabhom in-“nagħaġ oħrajn” ikabbru l-apprezzament tagħhom għal Ġeħova u għall-mod kif jaħkem. (Ġw. 10:16) Pereżempju, l-istorja turi li l-ħakkiema umani taʼ Israel influwenzaw bil-kbir lis-sudditi tagħhom, kemm għat-tajjeb u kemm għall-ħażin. Dan il-fatt ifakkar lil dawk li qed jieħdu t-tmexxija fost il-Kristjani li għalkemm mhumiex ħakkiema, bħalma kienu dawk is-slaten tal-qedem, għandhom dejjem jagħtu eżempju tajjeb tal-fidi.—Ebr. 13:7.
Kif Ġeħova Jaħkem Illum
13. Liema ġrajja importanti seħħet fl-1914?
13 Il-Kristjani llum iħabbru lid-dinja li l-ħakma tal-bniedem fuq l-umanità waslet fi tmiemha. Fl-1914, Ġeħova waqqaf is-Saltna tiegħu fis-smewwiet taħt is-Sultan maħtur tiegħu, Ġesù Kristu. F’dak iż-żmien, ta lil Ġesù l-awtorità biex imur “jirbaħ u jtemm ir-rebħa tiegħu.” (Riv. 6:2) Dan is-Sultan, li kien għadu kif ġie maħtur, intqallu: “Mur rażżan f’nofs l-għedewwa tiegħek.” (Salm 110:2) B’dispjaċir, il-ġnus b’mod konsistenti rrifjutaw li jissottomettu ruħhom għall-ħakma taʼ Ġeħova. Huma baqgħu jaġixxu bħallikieku “m’hemmx Ġeħova.”—Salm 14:1.
14, 15. (a) Kif aħna mmexxijin mis-Saltna t’Alla llum, u meta nqisu dan, liema mistoqsijiet għandna nistaqsu lilna nfusna? (b) Kif naraw is-superjorità tal-ħakma t’Alla saħansitra llum?
14 Uħud mill-membri midlukin tal-“Israel t’Alla” għadhom hawn fuq l-art, u bħala ħut Ġesù, dawn ikomplu jaġixxu bħala “ambaxxaturi li jissostitwixxu lil Kristu.” (2 Kor. 5:20) Huma ġew maħturin bħala l-klassi tal-ilsir leali u għaqli biex jieħdu ħsieb u jipprovdu ikel spiritwali għall-midlukin u għal folla li dejjem qed tikber taʼ Kristjani, li issa jgħoddu mal-miljuni u li għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem fuq l-art. (Mt. 24:45-47; Riv. 7:9-15) Il-barka taʼ Ġeħova fuq dan l-arranġament tidher ċar mill-prosperità spiritwali li jgawdu l-aduraturi veri llum.
15 Kull wieħed minna jagħmel tajjeb li jistaqsi lilu nnifsu: ‘Nagħraf bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet li għandi nerfaʼ ġewwa l-kongregazzjoni Kristjana? Qiegħed nappoġġa kif suppost il-ħakma taʼ Ġeħova? Inħossni kburi li jien sudditu tas-Saltna taʼ Ġeħova li qed taħkem issa? Determinat li safejn nistaʼ nibqaʼ ngħid lil oħrajn dwar is-Saltna t’Alla?’ Bħala grupp, minn jeddna nissottomettu ruħna għad-direzzjoni li tagħtina l-Ġemgħa li Tiggverna, u nikkooperaw mal-anzjani maħturin fil-kongregazzjonijiet. B’dawn il-modi, nuru li naċċettaw il-mod kif Alla jaħkem. (Aqra Ebrej 13:17.) Il-fatt li aħna nissottomettu ruħna minn jeddna jsarraf f’unità globali li hija unika f’din id-dinja maqsuma. Ukoll jipproduċi l-paċi u s-sewwa u jġib glorja lil Ġeħova, u b’hekk jintwera li l-mod kif hu jaħkem hu tassew l-aħjar.
Il-Ħakma taʼ Ġeħova Rebbieħa
16. Liema deċiżjoni trid tittieħed minn kulħadd illum?
16 Iż-żmien riesaq bil-ħeffa biex il-kwistjonijiet li nqalgħu fl-Għeden jitranġaw. Għalhekk, issa hu l-waqt biex in-nies jieħdu deċiżjoni. Kull individwu għandu jiddeċiedi jekk hux se jaċċetta l-mod kif jaħkem Ġeħova jew jekk hux se jżomm mal-ħakma umana. Huwa l-privileġġ tagħna li ngħinu lill-ġwejdin jaslu għad-deċiżjoni t-tajba. Dalwaqt, f’Armageddon, il-ħakma taʼ Ġeħova se tieħu post il-gvernijiet umani li huma taħt l-influwenza taʼ Satana għal dejjem. (Dan. 2:44; Riv. 16:16) Il-ħakma umana se tintemm u s-Saltna t’Alla se tirrenja fuq l-art kollha. Fil-veru sens tal-kelma, il-mod kif jaħkem Ġeħova se jintwera li hu sewwa u ġust.—Aqra Rivelazzjoni 21:3-5.
17. Liema fatti jgħinu lil individwi ġwejdin biex jieħdu deċiżjoni tajba rigward il-ħakma?
17 Dawk li għadhom ma ħadux deċiżjoni soda favur Ġeħova għandhom jikkunsidraw bit-talb il-benefiċċji li se ġġib magħha l-ħakma t’Alla għall-umanità. Il-ħakma umana ma kinitx kapaċi ssolvi l-problema tal-kriminalità, li tinkludi t-terroriżmu. Il-ħakma t’Alla se tneħħi lill-ħżiena kollha minn fuq l-art. (Salm 37:1, 2, 9) Il-ħakma tal-bnedmin ġabet gwerer bla waqfien, imma l-ħakma t’Alla se ‘twaqqaf il-gwerer sa tarf l-art.’ (Salm 46:9) Il-ħakma t’Alla saħansitra se terġaʼ ġġib il-paċi bejn il-bnedmin u l-annimali! (Is. 11:6-9) Il-faqar u l-ġuħ minn dejjem kienu xi ħaġa li narawha kuljum taħt il-ħakma umana, imma l-ħakma t’Alla se tneħħihom darba għal dejjem. (Is. 65:21) Anki dawk il-ħakkiema umani li għandhom motivi tajbin ma rnexxilhomx ineħħu l-mard u l-mewt, imma taħt il-ħakma t’Alla dawk imdaħħlin fiż-żmien u l-morda se jitgħaxxqu meta jerġgħu jiksbu s-saħħa taż-żgħożija. (Ġob 33:25; Is. 35:5, 6) Tabilħaqq, id-dinja se ssir ġenna tal-art fejn saħansitra se jkun hemm irxoxt tal-mejtin.—Lq. 23:43; Atti 24:15.
18. Kif nistgħu nuru li nemmnu li l-mod kif Alla jaħkem hu l-aqwa wieħed?
18 Il-ħakma t’Alla verament se tneħħi l-ħsara kollha li għamel Satana meta influwenza lill-ewwel ġenituri tagħna biex jagħtu daharhom lill-Ħallieq tagħhom. U kkunsidra li Satana ilu jagħmel il-ħsara għal xi 6,000 sena, imma Alla, permezz taʼ Kristu, se jneħħi din il-ħsara kollha f’1,000 sena biss! X’turija eċċellenti li l-mod taʼ ħakma t’Alla hu superjuri! Bħala Xhieda tal-Alla tagħna, aħna naċċettawh bħala l-Ħakkiem tagħna. Għalhekk, ejja nuru kull jum, tabilħaqq kull siegħa, taʼ ħajjitna li aħna aduraturi taʼ Ġeħova, sudditi taʼ Saltnatu, u kburin li aħna x-Xhieda tiegħu. U ejja nużaw kull opportunità biex ngħidu ’l kull min lest li jismaʼ li l-mod kif jaħkem Ġeħova hu tassew l-aqwa wieħed.
X’Tgħallimna Dwar il-Ħakma t’Alla mill-Qari taʼ . . .
• l-1 Samwel 8:9-18?
• Ebrej 13:17?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 29]
Ġeħova qatt ma ċeda l-ħakma tiegħu
[Stampa f’paġna 31]
Il-fatt li nissottomettu ruħna minn jeddna lejn il-mod kif jaħkem Ġeħova jsarraf f’unità globali