Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Uri li Int Segwaċi Veru taʼ Kristu

Uri li Int Segwaċi Veru taʼ Kristu

Uri li Int Segwaċi Veru taʼ Kristu

“Kull siġra tajba tagħmel frott tajjeb, imma kull siġra mħassra tagħmel frott ħażin.”—MT. 7:17.

1, 2. Is-​segwaċi veri taʼ Kristu kif jidhru differenti minn dawk foloz, speċjalment matul dan iż-​żmien tat-​tmiem?

 ĠESÙ qal li dawk li b’mod falz jgħidu li qed jaqduh kienu se jidhru differenti mis-​segwaċi veri tiegħu permezz tal-​frott tagħhom—it-​tagħlim u l-​kondotta tagħhom. (Mt. 7:15-​17, 20) Tabilħaqq, in-​nies ma jistgħux ma jinfluwenzawx ruħhom minn dak li jdaħħlu f’moħħhom u f’qalbhom. (Mt. 15:18, 19) Dawk li jiġu mitmugħin tagħlim falz jipproduċu “frott ħażin,” filwaqt li dawk li jiġu mgħallmin il-​verità spiritwali jipproduċu “frott tajjeb.”

2 Iż-​żewġ tipi taʼ frott qegħdin jidhru b’mod ċar matul dan iż-​żmien tat-​tmiem. (Aqra Danjel 12:3, 10.) Il-​Kristjani foloz għandhom ħarsa mċajpra lejn Alla u spiss juru għamla taʼ devozzjoni ipokrita lejh, filwaqt li dawk li għandhom dehen spiritwali jaqdu lil Alla “bl-​ispirtu u l-​verità.” (Ġw. 4:24; 2 Tim. 3:1-​5) Dawn jistinkaw biex juru kwalitajiet bħal taʼ Kristu. Imma xi ngħidu għalina personalment? Hekk kif tikkunsidra l-​ħames punti li ġejjin u li jidentifikaw il-​Kristjanità vera, staqsi lilek innifsek: ‘Il-​kondotta u t-​tagħlim tiegħi jaqblu b’mod ċar mal-​Kelma t’Alla? Insebbaħ jien il-​verità f’għajnejn dawk li qed ifittxuha?’

Għix fi Qbil mal-​Kelma t’Alla

3. X’jogħġob lil Ġeħova, u dan x’jinvolvi għall-​Kristjani veri?

3 “Mhux kulmin jgħidli, ‘Mulej, Mulej,’ jidħol fis-​saltna tas-​smewwiet,” qal Ġesù, “imma min jagħmel ir-​rieda taʼ Missieri li hu fis-​smewwiet.” (Mt. 7:21) Iva, Ġeħova ma jiħux pjaċir b’min jgħid li jħaddan il-​Kristjanità, imma b’min jipprattikaha. Għas-​segwaċi veri taʼ Kristu, dan jinvolvi l-​ħajja tagħhom kollha kemm hi, inkluż l-​attitudni tagħhom lejn il-​flus, ix-​xogħol sekulari, id-​divertiment, id-​drawwiet u ċ-​ċelebrazzjonijiet dinjin, u ż-​żwieġ u relazzjonijiet oħrajn maʼ sħabhom il-​bnedmin. Iżda l-​Kristjani foloz jadottaw il-​mod taʼ ħsieb u l-​aġir tad-​dinja, li saru iktar u iktar imbegħdin minn Alla matul dawn l-​aħħar jiem.—Salm 92:7.

4, 5. Il-​kliem taʼ Ġeħova li jinsab f’Malakija 3:18 kif nistgħu napplikawh f’ħajjitna?

4 Fi qbil maʼ dan, il-​profeta Malakija kiteb: “Intom terġgħu taraw id-​distinzjoni bejn bniedem sewwa u wieħed mill-​agħar, bejn wieħed li jaqdi lil Alla u wieħed li ma qdiehx.” (Mal. 3:18) Hekk kif tirrifletti fuq dan il-​kliem, staqsi lilek innifsek: ‘Jien bħan-​nies tad-​dinja jew differenti minnhom? Nistinka dejjem jien biex nintgħoġob min-​nies tad-​dinja, kemm fl-​iskola kif ukoll fuq ix-​xogħol, jew nibqaʼ sod mal-​prinċipji Bibliċi, billi saħansitra niddefendihom meta jkun xieraq?’ (Aqra l-1 Pietru 3:16.) M’għandniex xi ngħidu, ma rridux nidhru ġusti żżejjed, imma għandna nispikkaw bħala differenti minn dawk li ma jħobbux u ma jaqdux lil Ġeħova.

5 Jekk tara li għandek fejn titjieb f’dan, għala ma titlobx dwar il-​kwistjoni u tfittex is-​saħħa spiritwali permezz taʼ studju tal-​Bibbja regulari, talb, u attendenza għal-​laqgħat? Iktar ma tapplika l-​Kelma t’Alla iktar se tipproduċi “frott tajjeb,” inkluż “il-​frott tax-​xofftejn li jistqarru [isem Alla] pubblikament.”—Ebr. 13:15.

Xandar is-​Saltna t’Alla

6, 7. Rigward il-​messaġġ tas-​Saltna, liema kuntrast nistgħu naraw bejn il-​Kristjani veri u dawk foloz?

6 Ġesù qal: “Irrid inxandar l-​aħbar tajba tas-​saltna t’Alla lil bliet oħrajn ukoll, għax għal dan intbgħatt.” (Lq. 4:43) Ġesù għala għamel is-​Saltna t’Alla t-​tema prinċipali tal-​ministeru tiegħu? Kien jaf li hu nnifsu bħala s-​Sultan taʼ din is-​Saltna, flimkien maʼ ħutu rxoxtati midlukin bl-​ispirtu, kien se jġib fi tmiem il-​kaġuni tan-​niket tal-​umanità, jiġifieri, id-​dnub u x-​Xitan. (Rum. 5:12; Riv. 20:10) Għalhekk, hu kkmanda lis-​segwaċi tiegħu biex ixandru dik is-​Saltna sa tmiem din is-​sistema dinjija. (Mt. 24:14) Nies li sempliċement jgħidu li huma segwaċi taʼ Kristu ma jiħdux sehem f’dan ix-​xogħol—fil-​fatt, ma jistgħux. Għala? Minn tal-​inqas għal tliet raġunijiet: L-​ewwel, ma jistgħux jippritkaw dak li ma jifhmux. It-​tieni, il-​biċċa l-​kbira minnhom m’għandhomx l-​umiltà u l-​kuraġġ meħtiġin biex jiffaċċjaw it-​twaqqigħ għaċ-​ċajt u l-​oppożizzjoni li jistgħu jirriżultaw mix-​xandir tal-​messaġġ tas-​Saltna lill-​ġirien tagħhom. (Mt. 24:9; 1 Pt. 2:23) U t-​tielet, il-​Kristjani foloz m’għandhomx l-​ispirtu t’Alla.—Ġw. 14:16, 17.

7 Mill-​banda l-​oħra, is-​segwaċi veri taʼ Kristu jifhmu x’inhi s-​Saltna t’Alla u x’se twettaq. Iżjed minn hekk, fil-​ħajja jagħtu prijorità lill-​interessi taʼ din is-​Saltna billi jxandruha madwar id-​dinja bl-​għajnuna tal-​ispirtu taʼ Ġeħova. (Żak. 4:6) Qed ikollok sehem regulari f’dan ix-​xogħol? Qed tipprova titjieb bħala proklamatur tas-​Saltna, forsi billi tqattaʼ iktar ħin fil-​ministeru jew billi tkun iktar effettiv fih? Xi wħud ipprovaw itejbu l-​kwalità tal-​ministeru tagħhom billi użaw il-​Bibbja b’mod aħjar. “Il-​kelma t’Alla hi ħajja u qawwija,” kiteb l-​appostlu Pawlu, li għamilha d-​drawwa tiegħu li jirraġuna mill-​Iskrittura.—Ebr. 4:12; Atti 17:2, 3.

8, 9. (a) Liema esperjenzi jenfasizzaw il-​valur taʼ li nużaw il-​Bibbja fil-​ministeru tagħna? (b) Kif nistgħu nsiru iktar tas-​sengħa f’li nużaw il-​Kelma t’Alla?

8 Meta kien fil-​ministeru minn bieb għal bieb, wieħed ħu qara Danjel 2:44 lil raġel Kattoliku u spjegalu kif is-​Saltna t’Alla se ġġib paċi u sigurtà vera. Ir-​raġel qallu: “Verament napprezza li ftaħt il-​Bibbja u wrejtni x’tgħid l-​iskrittura minflok ma sempliċement għedtli.” Meta ħu qara skrittura lil mara Ortodossa Griega, hi staqsiet għadd taʼ mistoqsijiet interessanti. F’dan il-​każ ukoll, il-​ħu, flimkien maʼ martu, wieġeb mill-​Bibbja. Iktar tard, il-​mara qalet: “Tafu għala kont lesta nkellimkom? Għax ġejtu għandi bil-​Bibbja, u qrajtu minnha.”

9 M’għandniex xi ngħidu, il-​letteratura tagħna hija importanti u għandna noffruha fil-​ministeru. Madankollu, il-​Bibbja hija l-​għodda primarja tagħna. Allura, jekk ma kinitx id-​drawwa tiegħek li tużaha regolarment fil-​ministeru, għala ma tagħmilhiex il-​mira tiegħek li tagħmel dan? Forsi tistaʼ tagħżel xi skritturi prinċipali li jispjegaw x’inhi s-​Saltna t’Alla u kif din se tirranġa problemi speċifiċi li jikkonċernaw lin-​nies fl-​inħawi tiegħek. Imbagħad, kun preparat biex taqrahom meta tipprietka minn bieb għal bieb.

Kun Kburi li Ġġorr l-​Isem t’Alla

10, 11. Rigward l-​użu tal-​isem t’Alla, liema kuntrast hemm bejn Ġesù u ħafna li jsostnu li jsegwuh?

10 “‘Intom ix-​xhieda tiegħi,’ hija l-​kelma taʼ Ġeħova, ‘u jien Alla.’” (Is. 43:12) Ix-​Xhud ewlieni taʼ Ġeħova, Ġesù Kristu, qiesu bħala unur li jġorr l-​isem t’Alla u li jagħmlu magħruf. (Aqra Eżodu 3:15; Ġwanni 17:6; Ebrej 2:12.) Fil-​fatt, minħabba li Ġesù xandar isem Missieru, hu ssejjaħ “ix-​Xhud Leali.”—Riv. 1:5; Mt. 6:9.

11 B’kuntrast, ħafna li jsostnu li jirrappreżentaw lil Alla u lil Ibnu wrew attitudni taʼ mistħija lejn l-​isem divin, billi saħansitra neħħewh mill-​verżjonijiet tagħhom tal-​Bibbja. Direttiva reċenti lill-​isqfijiet Kattoliċi wriet attitudni simili meta qalet li “l-​isem t’Alla fil-​forma tat-​tetragrammaton JĦWH la għandu jintuża u lanqas jitlissen” waqt il-​qima. * Kemm hu t’għajb dan il-​ħsieb!

12. Il-​qaddejja taʼ Ġeħova kif ġew assoċjati maʼ Ġeħova saħansitra iktar mill-​qrib fis-​sena 1931?

12 Il-​Kristjani veri jimitaw kemm lil Ġesù u kemm lis-​“sħaba hekk kbira taʼ xhieda” li ġew qablu, billi jħossuhom kburin li jużaw l-​isem t’Alla. (Ebr. 12:1) Fil-​fatt, il-​qaddejja t’Alla ġew assoċjati maʼ Ġeħova saħansitra iktar mill-​qrib meta fis-​sena 1931 aċċettaw l-​isem Xhieda taʼ Ġeħova. (Aqra Isaija 43:10-​12.) B’hekk, b’mod speċjali ħafna, is-​segwaċi veri taʼ Kristu saru “nies li jissejħu b’[isem Alla].”—Atti 15:14, 17.

13. Kif nistgħu ngħixu fi qbil mal-​isem li tana Alla?

13 Personalment, kif nistgħu ngħixu fi qbil mal-​isem uniku tagħna? Mod wieħed hu li b’lealtà rridu nixhdu għal Alla. “Kulmin isejjaħ isem Ġeħova jiġi salvat,” kiteb Pawlu. “Madankollu, kif se jsejħu lil dak li ma poġġewx il-​fidi fih? Imma kif se jpoġġu l-​fidi f’dak li ma semgħux dwaru? U kif se jisimgħu jekk xi ħadd ma jippridkax? U kif se jippridkaw jekk ma jintbagħtux?” (Rum. 10:13-​15) Ukoll, b’tattika għandna nikxfu t-​tagħlim reliġjuż falz li jimmalafama lill-​Ħallieq tagħna, bħad-​duttrina tan-​nar tal-​infern, li fir-​realtà tagħti x’tifhem li l-​Alla tal-​imħabba għandu l-​karatteristiki krudili tax-​Xitan.—Ġer. 7:31; 1 Ġw. 4:8; qabbel Marku 9:17-​27.

14. Meta tgħallmu x’inhu l-​isem persunali t’Alla, xi wħud kif irreaġixxew?

14 Tħossok kburi int li ġġorr l-​isem taʼ Missierek tas-​sema? Tgħin lil oħrajn isiru jafu dan l-​isem qaddis? Mara f’Pariġi, Franza, semgħet li x-​Xhieda taʼ Ġeħova jafu l-​isem t’Alla, u għalhekk meta reġgħet iltaqgħet maʼ Xhud taʼ Ġeħova staqsietha biex turiha dan l-​isem fil-​Bibbja tagħha. Meta qrat Salm 83:18, l-​impatt kien profond. Bdiet tistudja l-​Bibbja u issa hi oħt leali li qed taqdi f’pajjiż ieħor. Meta mara Kattolika li tgħix l-​Awstralja rat l-​isem t’Alla fil-​Bibbja għall-​ewwel darba, bkiet bil-​ferħ. Issa ilha ħafna snin taqdi bħala pijuniera regulari. Iktar reċenti, meta xi Xhieda fil-​Ġamajka wrew lil waħda mara l-​isem t’Alla fil-​Bibbja tagħha stess, hi wkoll bkiet bil-​ferħ. Għalhekk, kun kburi li ġġorr l-​isem t’Alla u imita lil Ġesù billi tagħmel dan l-​isem prezzjuż magħruf maʼ kulħadd.

“Tħobbux id-​Dinja”

15, 16. Il-​Kristjani veri kif iħarsu lejn id-​dinja, u liema mistoqsijiet għandna nistaqsu lilna nfusna?

15 “Tħobbux id-​dinja u lanqas dak li hemm fid-​dinja. Jekk xi ħadd iħobb id-​dinja, l-​imħabba tal-​Missier mhix fih.” (1 Ġw. 2:15) Id-​dinja u l-​ispirtu tagħha jaħdmu kontra Ġeħova u l-​ispirtu qaddis tiegħu. Għalhekk, is-​segwaċi veri taʼ Kristu mhux sempliċement iżommu lura milli jkunu parti mid-​dinja. Huma jirrifjutaw li jħobbu d-​dinja, għax jafu li bħalma kiteb id-​dixxiplu Ġakbu, “il-​ħbiberija mad-​dinja hi għadwa m’Alla.”—Ġak. 4:4.

16 Jistaʼ jkun taʼ sfida li nagħtu kas il-​kliem taʼ Ġakbu f’dinja li toffri numru bla għadd taʼ tentazzjonijiet. (2 Tim. 4:10) Għalhekk, għan-​nom tas-​segwaċi tiegħu, Ġesù talab: “Ma nitolbokx biex toħroġhom mid-​dinja, imma biex tħarishom minħabba l-​Ħażin. M’humiex parti mid-​dinja, bħalma jien m’iniex parti mid-​dinja.” (Ġw. 17:15, 16) Staqsi lilek innifsek: ‘Nistinka jien biex ma nkun ebda parti mid-​dinja? Oħrajn jafu l-​waqfa tiegħi rigward ċelebrazzjonijiet u drawwiet mhux Skritturali, kif ukoll rigward dawk li forsi m’għandhomx oriġini pagana imma li b’mod ċar jirriflettu l-​ispirtu tad-​dinja?’—2 Kor. 6:17; 1 Pt. 4:3, 4.

17. X’jistaʼ jqanqal lil uħud taʼ qalb onesta biex iżommu man-​naħa taʼ Ġeħova?

17 M’għandniex xi ngħidu, il-​waqfa tagħna bbażata fuq il-​Bibbja mhix se tħabbibna mad-​dinja, imma tistaʼ tqanqal il-​kurżità taʼ wħud taʼ qalb onesta. Tabilħaqq, meta individwi bħal dawn josservaw li l-​fidi tagħna hija stabbilita fis-​sod fuq l-​Iskrittura u tinvolvi l-​ħajja tagħna kollha kemm hi, għandhom mnejn iwieġbu, fil-​fatt, billi jgħidu lill-​midlukin: “Aħna se niġu magħkom, għax smajna li Alla magħkom.”—Żak. 8:23.

Uri Mħabba Kristjana Vera

18. X’hemm involut f’li nuru mħabba lejn Ġeħova u l-​proxxmu tagħna?

18 Ġesù qal: “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu” u “ħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek.” (Mt. 22:37, 39) Din l-​imħabba (bil-​Grieg, agape) hija mħabba morali li tinkludi d-​dmir, il-​prinċipju, u l-​kondotta, imma li spiss tinvolvi emozzjoni qawwija. Tistaʼ tkun mill-​qalb u bil-​ħeġġa. (1 Pt. 1:22) Hija l-​oppost tal-​egoiżmu, għax tintwera fi kliem u għemejjel mhux egoistiċi.—Aqra l-1 Korintin 13:4-​7.

19, 20. Semmi xi rakkonti li juru l-​qawwa tal-​imħabba Kristjana.

19 Peress li l-​imħabba ġejja mill-​ispirtu qaddis t’Alla, din tgħin lill-​Kristjani veri jagħmlu dak li oħrajn ma jistgħux jagħmlu. Pereżempju, jegħlbu ostakli razzjali, kulturali, u politiċi. (Aqra Ġwanni 13:34, 35; Gal. 5:22) Uħud bħal nagħaġ ma jistgħux ma jitqanqlux meta jaraw imħabba bħal din. Pereżempju, meta żagħżugħ Lhudi f’Israel attenda l-​ewwel laqgħa Kristjana tiegħu baqaʼ skantat meta ra aħwa Lhud u Għarab iqimu lil Ġeħova spalla maʼ spalla. B’riżultat taʼ dan, beda jattendi l-​laqgħat regolarment u aċċetta studju tal-​Bibbja. Turi mħabba mill-​qalb bħal din maʼ ħutek? U tagħmel sforz biex tilqaʼ mill-​qalb lil uħud ġodda fis-​Sala tas-​Saltna tiegħek, minkejja n-​nazzjonalità, il-​kulur tal-​ġilda, jew il-​qagħda soċjali tagħhom?

20 Bħala Kristjani veri, aħna nistinkaw biex nuru mħabba lejn kulħadd. F’El Salvador, pubblikatriċi żagħżugħa kienet qed tistudja l-​Bibbja maʼ mara Kattolika li kellha 87 sena u li kellha qalbha marbuta mal-​knisja tagħha. Ġurnata minnhom, il-​mara mardet serjament u ddaħħlet l-​isptar. Meta marret lura d-​dar, ix-​Xhieda marru jżuruha u ħadulha xi ħaġa tal-​ikel. Dan kompla għal madwar xahar. Ħadd ma mar iżurha mill-​knisja tagħha. X’kien ir-​riżultat? Neħħiet l-​istatwi li kellha, irriżenjat mill-​knisja tagħha, u reġgħet bdiet tistudja l-​Bibbja. Iva, l-​imħabba Kristjana għandha l-​qawwa! Tistaʼ tilħaq il-​qlub b’modi li l-​kliem ma jistax.

21. Kif nistgħu nagħmluh fis-​sod il-​futur tagħna?

21 Dalwaqt, Ġesù se jgħid lil dawk kollha li b’mod falz isostnu li jaqduh: “Jien qatt ma kont nafkom! Itilqu minn quddiemi, intom li tiksru l-​liġi.” (Mt. 7:23) Għalhekk, ejja nagħmlu frott li jonora kemm lill-​Missier kif ukoll lill-​Iben. “Kulmin jismaʼ kliemi u jagħmlu,” qal Ġesù, “ikun jixbah lil raġel għaqli, li bena daru fuq il-​blat.” (Mt. 7:24) Iva, jekk nuru li aħna segwaċi veri taʼ Kristu niksbu l-​favur t’Alla, u l-​futur tagħna jkun fis-​sod, bħallikieku msejjes fuq il-​blat!

[Nota taʼ taħt]

^ par. 11 Xi pubblikazzjonijiet Kattoliċi moderni bil-​Malti, inkluż Il-​Bibbja tal-​Għaqda Biblika Maltija, jittraduċu t-​tetragrammaton bħala “Jaħweh.”

X’Tiftakar?

• Is-​segwaċi veri taʼ Kristu kif jidhru li huma differenti minn dawk foloz?

• Semmi xi “frott” li jidentifika l-​Kristjani veri.

• Sabiex tagħmel frott li jixraq lil Kristjan, liema miri tistaʼ tagħmel?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 13]

Hija d-​drawwa tiegħek li tuża l-​Bibbja regolarment fil-​ministeru?

[Stampa f’paġna 15]

Oħrajn jafu x’inhi l-​waqfa tiegħek rigward ċelebrazzjonijiet mhux Skritturali?