Għodda Biex Tgħin liż-Żgħażagħ Jiftakru fil-Ħallieq Tagħhom
Għodda Biex Tgħin liż-Żgħażagħ Jiftakru fil-Ħallieq Tagħhom
“FTAKAR fil-Ħallieq tiegħek waqt li għadek żagħżugħ,” kiteb l-għaref Salamun xi 3,000 sena ilu. (Ekk. 12:1, Today’s English Version) Iż-żgħażagħ Kristjani issa għandhom għodda oħra biex tgħinhom jagħmlu hekk. Il-ktieb Questions Young People Ask—Answers That Work, Volume 2, (Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, it-2 Volum) inħareġ fil-konvenzjonijiet distrettwali tax-Xhieda taʼ Ġeħova, li nżammu madwar id-dinja minn Mejju 2008 sa Jannar 2009 u li kellhom it-titlu “Gwidati mill-Ispirtu t’Alla.” Għalkemm il-ktieb għadu mhux disponibbli bil-Malti, f’dan l-artiklu, it-titli ġew tradotti.
Fuq in-naħa taʼ ġewwa tal-qoxra taʼ quddiem tal-ktieb hemm ittra għaż-żgħażagħ mill-Ġemgħa li Tiggverna. Parti minnha tgħid: “Aħna nitolbu bil-ħerqa biex l-informazzjoni li hemm f’din il-pubblikazzjoni tgħinek tissaporti l-pressjonijiet u t-tentazzjonijiet li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ illum u turik kif tieħu deċiżjonijiet li huma fi qbil mar-rieda t’Alla.”
Il-ġenituri bix-xieraq jixtiequ jrabbu lil uliedhom “fid-dixxiplina u l-gwida mentali taʼ Ġeħova.” (Efes. 6:4) Madankollu, meta jsiru adoloxxenti, ħafna żgħażagħ ikollhom nuqqas taʼ fiduċja fihom infushom u jixxennqu għal direzzjoni. Jekk int ġenitur taʼ adoloxxenti, kif tistaʼ tgħin lil uliedek jibbenefikaw l-iktar minn din il-pubblikazzjoni? Issa ġejjin xi suġġerimenti.
▪ Ikseb kopja għalik innifsek taʼ dan il-ktieb u sir familjari sew miegħu. Dan jinvolvi iktar milli sempliċement taqrah. Ipprova wkoll innota l-mod kif l-ideat huma espressi fil-ktieb. Minflok ma sempliċement jgħid liż-żgħażagħ dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin, il-ktieb jistinka biex iħarreġ “is-sensi tagħhom.” (Ebr. 5:14) Jagħtihom ukoll suġġerimenti prattiċi dwar kif jieħdu waqfa għal dak li hu tajjeb. Pereżempju, Kapitlu 15 (“Kif Nistaʼ Nirreżisti l-Pressjoni Minn Dawk Tampari?”) mhux biss jgħid liż-żgħażagħ jgħidu le, imma wkoll jispjega kif għandhom jużaw il-prinċipji tal-Bibbja biex isolvu l-problemi u kif iwieġbu f’sitwazzjonijiet reali sabiex ikunu jistgħu ‘jwieġbu lil kulħadd.’—Kol. 4:6.
▪ Uża l-aspetti tal-ktieb li jinvolvu l-qarrej. Għalkemm dawn huma mfasslin għaż-żgħażagħ, għala ma tiktibx fil-kopja tiegħek stess fejn ikun xieraq? a Pereżempju, meta tikkunsidra f’paġna 16 iż-żewġ mistoqsijiet li jinvolvu l-qarrej dwar in-namrar, ipprova ftakar kif kont tħossok int meta kellek l-età taʼ wliedek. Għandek mnejn fl-ispazji provduti tkun trid tikteb it-tweġibiet kif kont twieġeb il-mistoqsijiet f’dak iż-żmien. Imbagħad tistaʼ tistaqsi lilek innifsek: ‘Is-sentimenti tiegħi dwar dan is-suġġett kif tbiddlu maż-żmien? Liema dehen ksibt minn mindu kont adoloxxenti, u kif nistaʼ b’mod effettiv ngħaddih lil uliedi?’
▪ Irrispetta l-privatezza tal-adoloxxenti tiegħek. L-aspetti taʼ dan il-ktieb li jinvolvu l-qarrej huma mfasslin biex iħeġġu lil uliedek jesprimu ruħhom. Dan jagħmluh billi jiktbu dwar is-suġġett fil-ktieb tagħhom jew inkella jaħsbu dwar is-suġġett. Il-mira tiegħek hi li tara x’hemm f’qalbhom, mhux x’hemm fil-ktieb tagħhom. F’paġna 3 tas-sezzjoni intitolata “Nota lill-Ġenituri,” il-ktieb jissuġġerixxi: “Biex tinkuraġġixxi lill-adoloxxenti tiegħek jiktbu fil-ktieb tagħhom bis-sinċerità, ħallilhom ammont taʼ privatezza. Iktar tard għandhom mnejn jiftħu qalbhom miegħek dwar il-kwistjonijiet li kitbu dwarhom.”
Għajnuna għall-Istudju tal-Bibbja tal-Familja
Il-ktieb Iż-Żgħażagħ Jistaqsu, it-2 Volum, huwa għajnuna eċċellenti biex tużah matul il-Qima tal-Familja tiegħek. Ladarba l-ktieb ma fihx mistoqsijiet għall-istudju għal kull paragrafu, kif tistaʼ tużah? Għala ma tadottax metodu taʼ studju li hu l-iktar effettiv għal uliedek?
Pereżempju, xi familji forsi jieħdu pjaċir jagħmlu sessjonijiet taʼ prattika meta jikkunsidraw il-“Pjan Kif Se Niffaċċja l-Pressjoni Minn Dawk Tampari” f’paġni 132 u 133. L-ewwel mistoqsija li hemm tistaʼ tgħin lil uliedek jidentifikaw il-kwistjoni li huma jsibuha l-iktar taʼ sfida. It-tieni mistoqsija tidentifika s-sitwazzjoni fejn x’aktarx li se jkun hemm din il-pressjoni. Wara li jikkunsidraw il-konsegwenzi taʼ li jċedu għal pressjoni minn dawk tamparhom jew jirreżistuha, uliedek jintalbu jippjanaw xi tweġibiet. Dawn jistgħu jkunu li jammettu li jinsabu taħt pressjoni, li jistqarru l-pożizzjoni tagħhom, jew li jagħmlu pressjoni fuq min għamilha fuqhom. Għin lil uliedek biex ikunu kreattivi u għinhom jippreparaw tweġibiet li jħossuhom komdi bihom u li jkunu kapaċi jużawhom b’kunfidenza u b’konvinzjoni.—Salm 119:46.
Għodda għall-Komunikazzjoni
Il-ktieb Iż-Żgħażagħ Jistaqsu, it-2 Volum, jinkuraġġixxi liż-żgħażagħ biex jikkomunikaw mal-ġenituri tagħhom. Pereżempju, il-kaxxi “Kif Nistaʼ Nkellem lil Missieri jew lil Ommi Dwar is-Sess?” (paġni 63-64) u “Kellem lill-Ġenituri Tiegħek!” (paġna 189) jipprovdu suġġerimenti prattiċi dwar kif tibda diskussjoni fuq suġġetti sensittivi. Tfajla taʼ 13-il sena kitbet, “Dan il-ktieb tani l-kuraġġ biex inkellem lill-ġenituri tiegħi dwar affarijiet li kelli fuq moħħi—saħansitra dwar affarijiet li kont għamilt.”
Dan il-ktieb jippromwovi l-komunikazzjoni b’modi oħrajn ukoll. Fl-aħħar taʼ kull kapitlu hemm kaxxa bit-titlu “Int X’Taħseb?” Iktar minn sempliċi reviżjoni, din il-kaxxa tistaʼ tintuża bħala bażi għal diskussjoni tal-familja. Lejn l-aħħar taʼ kull kapitlu hemm ukoll kaxxa bit-titlu “X’Azzjoni Se Nieħu!” Din il-kaxxa tagħti liż-żgħażagħ opportunità biex iniżżlu bil-miktub modi speċifiċi kif jistgħu japplikaw dak li tgħallmu minn dak il-kapitlu. L-aħħar sentenza taʼ kull kaxxa “X’Azzjoni Se Nieħu!” tgħid: “Dak li nixtieq ngħid lill-ġenitur(i) dwar dan is-suġġett hu . . . ” Dan jistaʼ jgħin liż-żgħażagħ biex iduru lejn il-ġenituri tagħhom għal pariri siewja.
Ilħaq il-Qalb!
Bħala ġenitur, il-mira tiegħek hi li tilħaq qalb uliedek. Il-ktieb Iż-Żgħażagħ Jistaqsu, it-2 Volum, jistaʼ jgħinek tagħmel hekk. Ikkunsidra kif missier kien kapaċi juża dan il-ktieb biex iħeġġeġ komunikazzjoni sinċiera maʼ bintu.
“Jien u Rebekah għandna xi postijiet sbieħ li nħobbu mmorru fihom bil-mixi, bir-rota, jew bil-karozza. Indunajt li dawn il-ħarġiet jipprovdu ambjent li jippermettilha tiftaħ qalbha.
“L-ewwel parti li kkunsidrajna minn dan il-ktieb kienet l-ittra mill-Ġemgħa li Tiggverna u n-‘Nota lill-Ġenituri.’ Ridt li binti tkun taf li bħalma hemm miktub f’paġna 3, hi setgħet tħossha komda tikteb dak li trid fil-ktieb tagħha. Jien ma kontx se nara dak li tkun kitbet hi.
“Ħallejt lil Rebekah tagħżel il-kapitli li xtaqet tiddiskuti fl-ordni li xtaqet tiddiskutihom hi. Wieħed mill-ewwel kapitli li għażlet kien ‘Għandi Nilgħab Logħob Elettroniku?’ Qatt ma kont nobsor li kienet se tagħżel dan il-kapitlu! Madankollu, hi kellha raġuni. Għadd minn sħabha kienu qed jilagħbu logħba li xejn ma kienet sabiħa. Ma kellix idea tal-vjolenza espliċita u l-kliem baxx li kien fiha! Imma dan kollu ħareġ hekk kif iddiskutejna l-kaxxa “X’Azzjoni Se Nieħu!” f’paġna 251. Din għenet ukoll lil Rebekah biex tipprepara tweġiba fil-każ li xi ħadd jipprova jagħmlilha pressjoni biex tilgħab il-logħba.
“Issa, Rebekah ma żżommx lura milli tgħidli x’kitbet fil-ktieb tagħha. L-istudju tagħna hu konversazzjoni mill-bidu sal-aħħar. Naqraw paragrafu kull wieħed, u mbagħad hi tkun trid titkellem fuq kollox, inkluż l-istampi u l-kaxxi. Dan jagħtini l-opportunità biex ngħidilha dwar kif kienu l-affarijiet meta kont daqsha, u mbagħad hi tgħidli kif inhuma l-affarijiet illum. Tkun trid tiftaħ qalbha miegħi fuq kollox!”
Jekk int ġenitur, mingħajr dubju fraħt ħafna meta ħareġ dan il-ktieb. Issa għandek l-opportunità li tagħmel użu tajjeb minnu. Hija t-tama tal-Ġemgħa li Tiggverna li l-ktieb Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, it-2 Volum, ikun barka għall-familja tiegħek. Jalla jgħin lil kulħadd—speċjalment liż-żgħażagħ għeżież tagħna—biex ‘jibqaʼ miexi bl-ispirtu qaddis.’—Gal. 5:16.
[Nota taʼ taħt]
a Xi eżerċizzji fil-ktieb japplikaw għal kull età. Pereżempju, il-kaxxa “Ikkontrolla r-Rabja Tiegħek” (paġna 221) tistaʼ tkun taʼ għajnuna għalik bħalma hi għal uliedek. L-istess ħaġa tistaʼ tapplika għal “Pjan Kif Se Niffaċċja l-Pressjoni Minn Dawk Tampari” (paġni 132-133), “Kif Inqassam il-Flus Kull Xahar” (paġna 163), u “Il-Miri Tiegħi” (paġna 314).
[Kaxxa f’paġna 30]
Dak li Qed Jgħidu xi Żgħażagħ
“Dan hu ktieb li għandek toqgħod bilqiegħda b’lapes f’idek u taqrah bil-ħsieb. Il-fatt li hu disinjat biex jintuża bħala djarju persunali jippermetti riflessjoni privata bil-mira li toħloq għalik innifsek l-aqwa mod taʼ ħajja.”—Nicola.
“Ikolli pressjoni kbira biex noħroġ mal-ġuvintur, saħansitra minn nies b’intenzjoni tajba. L-ewwel sezzjoni taʼ dan il-ktieb ikkonvinċietni li jgħidu x’jgħidu, m’iniex lesta li noħroġ maʼ xi ġuvni.”—Katrina.
“Il-kaxxa ‘Qed Taħseb Biex Titgħammed?’ għenitni biex nieħu l-magħmudija tiegħi iktar bis-serjetà. Immotivatni biex nerġaʼ neżamina d-drawwa tiegħi tal-istudju u tat-talb.” —Ashley.
“Avolja l-ġenituri Kristjani tiegħi għallmuni minn età żgħira, dan il-ktieb għinni nirraġuna għalija nnifsi dwar il-passi li għandi nieħu f’ħajti. Għinni wkoll biex iktar niftaħ qalbi mal-ġenituri tiegħi.”—Zamira.
[Stampa f’paġna 31]
Ġenituri, siru familjari sew maʼ dan il-ktieb
[Stampa f’paġna 32]
Agħmilha l-mira tiegħek li tilħaq qalb uliedek