“Id-Dritt tat-Tfal Biex Jikbru Spiritwalment”
“Id-Dritt tat-Tfal Biex Jikbru Spiritwalment”
FID-9 taʼ Diċembru, 2008, l-Akkademja Svediża għad-Drittijiet tat-Tfal kellha seminar uniku bit-tema “Id-Dritt tat-Tfal Biex Jikbru Spiritwalment.” Ġew preżentati ħafna opinjonijiet minn kelliema li rrappreżentaw lill-Knisja tal-Isvezja, lil reliġjonijiet tal-Kristjaneżmu oħrajn, lill-Iżlam, u lill-għaqda favur id-drittijiet tal-bniedem.
Fost il-kelliema kien hemm membru tal-kleru li qal: “Wieħed bilkemm jistaʼ jagħti deskrizzjoni eżatta u ġusta tal-importanza kbira li għandhom ir-rakkonti Bibliċi fuq l-ispiritwalità tat-tfal.” Il-ħtiġijiet spiritwali tat-tfal kif jintlaħqu permezz taʼ siltiet Skritturali?
Il-membru tal-kleru qal: “Is-siltiet u r-rakkonti jagħtu lit-tfal materjal fuqiex jaħsbu u jimmeditaw waħedhom.” Hu semma “l-istorja taʼ Adam u Eva, Kajjin u Abel, David u Gulija, it-twelid taʼ Ġesù, il-kollettur tat-taxxa Żakkew, il-parabbola tal-iben il-ħali, u s-Samaritan it-tajjeb.” Dawn issemmew bħala “wħud mill-eżempji taʼ rakkonti li jservu biex jiggwidaw il-mod kif [it-tfal] jaħsbu dwar kwistjonijiet importanti li jqumu fil-ħajja bħat-tradiment, il-maħfra, l-indiema, il-mibegħda, in-nuqqas taʼ morali, ir-rikonċiljazzjoni, u l-imħabba tal-aħwa u dik mhix egoistika.” Hu żied: “Dawn is-siltiet joffru eżempji li jistgħu jsiru parti mill-ħajja taʼ dak li jkun billi jibda jaġixxi fuqhom u jesperjenzahom fil-prattika.”
M’għandniex xi ngħidu, huwa tajjeb li jiġi inkuraġġit il-qari tal-Bibbja. Imma huma t-tfal tassew kapaċi “jaħsbu u jimmeditaw waħedhom” fuq dak li jaqraw mill-Iskrittura u jaslu għal konklużjonijiet korretti?
Anki l-adulti għandhom bżonn spjegazzjoni taʼ siltiet Skritturali. Pereżempju, il-Bibbja tgħidilna dwar raġel li ma setax jifhem l-Iskrittura billi ‘jaħseb u jimmedita waħdu.’ Dan ir-raġel kien uffiċjal Etjopjan. Kien qed jaqra l-profezija taʼ Isaija imma ma fehemx it-tifsir tagħha. Minħabba li ried jifhem il-messaġġ tal-profeta, hu laqaʼ l-ispjegazzjoni li tah id-dixxiplu Filippu. (Atti 8:26-40) Dan l-Etjopjan mhuwiex l-uniku wieħed li għandu bżonn l-għajnuna biex jifhem l-Iskrittura. Ilkoll kemm aħna—speċjalment it-tfal—għandna bżonn spjegazzjoni taʼ siltiet Skritturali.
Il-Bibbja twissina: “Il-bluha hi marbuta ma’ qalb taʼ tifel.” (Prov. 22:15) It-tfal għandhom bżonn il-gwida u d-direzzjoni, u l-ġenituri tagħhom għandhom ir-responsabbiltà biex jagħtuhom edukazzjoni morali u spiritwali bbażata fuq il-Bibbja u fuq dak li jiġi mgħallem fil-kongregazzjoni Kristjana. It-tfal għandhom id-dritt li jirċievu dan it-taħriġ. Minn età żgħira, jeħtieġu l-għajnuna biex jibnu pedament Bibliku sod ħalli jikbru spiritwalment. Dan biex isiru “nies maturi . . . mħarrġin biex jagħrfu jagħżlu kemm it-tajjeb u kemm il-ħażin.”—Ebr. 5:14.