Irreżisti l-Propaganda taʼ Satana
Irreżisti l-Propaganda taʼ Satana
‘TITQARRQUX. Alla tagħkom mhux se jgħinkom. Ċedu jew se tbatu l-konsegwenzi!’ Dan hu l-qofol tal-messaġġ li Rabsake, rappreżentant tas-sultan Sirjan Sennakerib, ta lill-abitanti taʼ Ġerusalemm. L-armati tas-sultan kienu invadew l-art taʼ Ġuda. Kliem dan ir-rappreżentant kien intenzjonat biex iwaqqaʼ l-moral tan-nies taʼ Ġerusalemm u jbeżżagħhom tant li jkollhom iċedu.—2 Slat. 18:28-35.
L-Assirjani kienu magħrufin għall-ħruxija u l-kattiverija tagħhom. Huma kienu jqanqlu l-biżaʼ fl-għedewwa tagħhom billi jagħmlu magħruf id-dettalji li jwaħħxuk tal-ħruxija li jużaw fil-mod kif jittrattaw mal-ilsiera tagħhom. Skont l-istudjuż tal-istorja Philip Taylor kienet “id-drawwa tagħhom li jbeżżgħu lin-nies u jxerrdu gideb li jqanqal il-biżaʼ ħalli jrażżnu lin-nies li jiddominaw.” Hu qal ukoll li dan għamluh “biex ibeżżgħu lill-għedewwa li jistaʼ jkollhom b’rapporti dwar kemm kienu krudili ma’ oħrajn u billi jimmanipulawlhom moħħhom b’mod malizzjuż.” Il-propaganda, jiġifieri, it-tixrid taʼ informazzjoni qarrieqa, hija arma b’saħħitha. Taylor jgħid li din “issir biex tagħmel ħsara fl-imħuħ.”
Il-Kristjani veri ‘ma jissarawx kontra d-demm u l-laħam, imma kontra l-forzi taʼ l-ispirti mill-agħar,’ jiġifieri, kontra ħlejjaq spirti li rribellaw kontra Alla. (Efes. 6:12) Satana x-Xitan hu l-akbar għadu tagħna. Hu wkoll juża l-propaganda biex iqanqal biżaʼ kbir.
Satana jsostni li jistaʼ jikser l-integrità taʼ kull wieħed minna. Fi żmien il-patrijarka Ġob, hu qal lil Alla Ġeħova: “Raġel jagħti kulma jkollu għal ruħu.” Fi kliem ieħor, jekk tagħmillu biżżejjed pressjoni, illum jew għada bniedem jikser l-integrità tiegħu lejn Alla. (Ġob 2:4) Għandu raġun Satana? Huwa minnu li lkoll kemm aħna għandna limitu? Għandna limitu li meta jinqabeż inħallu warajna kull prinċipju ħalli nsalvaw ħajjitna? Satana hekk jixtieqna naħsbu. Għalhekk, hu juża propaganda taʼ ħsara li bil-mod il-mod iddaħħlilna dan il-ħsieb f’moħħna. Ejja neżaminaw ftit mill-metodi li juża biex jagħmel dan u naraw kif nistgħu nirreżistuh.
“Il-Pedament Tagħhom Qiegħed fit-Trab!”
Satana uża lil Elifaż, wieħed mit-tlett iħbieb li żaru lil Ġob, biex jisħaq li l-bniedem hu dgħajjef wisq biex jirreżisti l-attakki taʼ Satana. Hu rrefera għall-bnedmin bħala “dawk li jgħammru fi djar tat-tafal,” u qal lil Ġob: “lI-pedament tagħhom qiegħed fit-trab! Jitfarrku iktar malajr mill-kamla. Minn fil-għodu sa fil-għaxija jiġu mfarrkin; bla ħadd ma jinkwieta għalihom jgħibu għal dejjem.”—Ġob 4:19, 20.
Fi bnadi oħrajn fl-Iskrittura niġu mxebbhin ma’ “reċipjenti tal-fuħħar”—reċipjenti fraġli. (2 Kor. 4:7) Aħna fraġli minħabba li writna d-dnub u l-imperfezzjoni. (Rum. 5:12) Mingħajr għajnuna nkunu dgħajfin wisq għall-attakki taʼ Satana. Imma bħala Kristjani nistgħu nistrieħu fuq l-għajnuna taʼ Ġeħova. Minkejja d-dgħufijiet tagħna, aħna prezzjużi għal Alla. (Is. 43:4) Iktar minn hekk, Ġeħova jagħti l-ispirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu. (Lq. 11:13) L-ispirtu tiegħu jistaʼ jagħtina “l-qawwa iktar min-normal” biex jgħinna nkampaw ma’ kwalunkwe għawġ li jġarrabna bih Satana. (2 Kor. 4:7; Flp. 4:13) Jekk niqfulu lix-Xitan u nkunu “sodi fil-fidi,” Alla jgħinna ma nitħarrkux u nkunu qawwijin. (1 Pt. 5:8-10) Għaldaqstant, m’għandniex għalfejn nibżgħu minn Satana x-Xitan.
“Raġel li Jixrob l-Inġustizzja”
Elifaż staqsa: “X’inhu l-bniedem mortali biex ikun nadif, jew li xi ħadd imwieled minn mara jkollu raġun?” Imbagħad Elifaż kompla billi wieġeb: “Ara! Fil-qaddisin tiegħu [Alla] m’għandu ebda fidi, u s-smewwiet infushom, fil-fatt, m’humiex nodfa f’għajnejh. Kemm inqas ikun hekk meta xi ħadd ikun mistkerrah u korrott, raġel li jixrob l-inġustizzja bħall-ilma!” (Ġob 15:14-16) Elifaż kien qed jgħid lil Ġob li għal Ġeħova ebda bniedem mhu sewwa u ġust. Satana wkoll jinqeda bi ħsibijiet negattivi. Hu jridna ninkwetaw dwar żbalji tal-passat, nikkritikaw lilna nfusna żżejjed, u naħsbu li s-sitwazzjoni tagħna hi bla tama, jew li ma nistgħux niksbu maħfra. Hu jridna naħsbu wkoll li Ġeħova jistenna wisq minna u li l-mogħdrija, il-maħfra, u l-appoġġ Tiegħu mhumiex kbar biżżejjed biex ipattu għall-iżbalji tagħna.
M’għandniex xi ngħidu, ilkoll kemm aħna ‘nidinbu u nonqsu milli nilħqu l-glorja t’Alla.’ Ebda bniedem imperfett ma jistaʼ jilħaq il-livelli perfetti taʼ Ġeħova. (Rum. 3:23; 7:21-23) Madankollu, dan ma jfissirx li ma niswew xejn għalih. Ġeħova jaf li hu “s-serp oriġinali, dak li hu msejjaħ Xitan u Satana” li qed jieħu vantaġġ mill-kundizzjoni midinba tagħna. (Riv. 12:9, 10) Ladarba Alla jaf li “aħna trab,” hu ‘ma joqgħodx il-ħin kollu jsibilna l-ħtija.’—Salm 103:8, 9, 14.
Jekk inħallu warajna triq mill-agħar u nersqu lejn Ġeħova b’qalb dispjaċuta u attitudni niedma, “hu jaħfer bil-kbir.” (Is. 55:7; Salm 51:17) Il-Bibbja tgħid li għalkemm dnubietna “jkunu bħall-iskarlat, se jintgħamlu bojod bħas-silġ.” (Is. 1:18) Għalhekk, ejja nkunu determinati li qatt ma naqtgħu qalbna milli nipprovaw nagħmlu r-rieda t’Alla.
Fl-istat midneb tagħna, qatt ma nistgħu nkunu ġusti quddiem Alla. Adam u Eva tilfu l-perfezzjoni u l-prospett taʼ ħajja taʼ dejjem kemm għalihom infushom u kemm għalina lkoll. (Rum. 6:23) Madankollu, ladarba għandu mħabba kbira għall-bnedmin, Ġeħova għamel provvediment biex jaħfrilna dnubietna jekk neżerċitaw fidi fis-sagrifiċċju bħala fidwa taʼ Ibnu, Ġesù Kristu. (Mt. 20:28; Ġw. 3:16) X’espressjoni meraviljuża tal-“qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla”! (Titu 2:11) Dnubietna jistgħu jinħafru! Meta nqisu dan, għala għandna nħallu lil Satana jġegħelna naħsbu li ma jistax ikollna maħfra?
“Misslu s’Għadmu u Laħmu”
Satana sostna li Ġob kien se jiċħad il-fidi tiegħu kieku kellu jitlef saħħtu. Biex jisfida lil Ġeħova, ix-Xitan qal: “Misslu s’għadmu u laħmu Ġob 2:5) L-Avversarju t’Alla żgur li jifraħ kieku jġegħelna nħossuna li ma niswew għalxejn minħabba li nkunu neqsin mis-saħħa.
u ara jekk jisħtekx f’wiċċek.” (Però, Ġeħova ma jiċħadniex meta ma nkunux għadna nistgħu nagħmlu kulma konna nagħmlu fis-servizz tiegħu. X’nagħmlu aħna kieku ħabib tal-qalb tagħna jiġi attakkat u mweġġa’? Se napprezzawh inqas minħabba li m’għadux jistaʼ jagħmel affarijiet għalina daqs kemm kien jagħmel qabel? Dażgur li le! Aħna xorta nibqgħu nħobbuh u nieħdu ħsiebu speċjalment jekk ikun weġġaʼ meta kien qed jagħmel xi ħaġa għalina. Għandna nistennew xi ħaġa differenti minn Ġeħova? Il-Bibbja tgħid: “Alla mhux inġust biex jinsa għemilkom u l-imħabba li wrejtu għal ismu.”—Ebr. 6:10.
L-Iskrittura titkellem dwar “waħda armla fil-bżonn” li forsi kienet ilha tappoġġa l-qima lil Alla għal ħafna snin. Meta Ġesù raha titfaʼ “żewġ muniti żgħar taʼ valur żgħir ferm” f’kaxxa tat-teżor tat-tempju, ħares hu lejha u lejn il-kontribuzzjoni tagħha bħala li ma jiswew xejn? Mhux talli le, imma talli faħħarha peress li għamlet kulma ppermettewlha ċ-ċirkustanzi tagħha biex tappoġġa l-qima vera.—Lq. 21:1-4.
Jekk inżommu l-integrità tagħna, nistgħu nkunu ċerti li r-relazzjoni tagħna ma’ Ġeħova tibqaʼ qawwija u sħiħa, minkejja kemm tagħmlilna ħsara l-imperfezzjoni minħabba l-età jew il-mard. Alla qatt ma se jitlaq lil uħud leali sempliċement minħabba li l-għawġ jillimita l-abbiltà tagħhom biex jaqduh.—Salm 71:9, 17, 18.
“Aċċettaw l-Elmu tas-Salvazzjoni”
Kif nistgħu nipproteġu ruħna mill-propaganda taʼ Satana? L-appostlu Pawlu kiteb: “Komplu iksbu l-qawwa fil-Mulej u fis-setgħa tas-saħħa tiegħu. Ilbsu l-armatura sħiħa mingħand Alla biex tkunu tistgħu żżommu sod kontra t-tnassis tax-Xitan.” Biċċa minn dik l-armatura spiritwali hi “l-elmu tas-salvazzjoni.” (Efes. 6:10, 11, 17) Biex nirreżistu l-propaganda satanika, irridu naċċertaw ruħna li naċċettaw dak l-elmu u ma nneħħuhx. L-elmu taʼ suldat jipproteġilu rasu. “It-tama tas-salvazzjoni” tagħna, jiġifieri, il-fiduċja tagħna fit-twettiq tal-wegħdi t’Alla dwar id-dinja l-ġdida glorjuża tiegħu, se tipproteġilna moħħna mill-gideb taʼ Satana. (1 Tess. 5:8) Irridu nżommu din it-tama ħajja u qawwija billi nħabirku biex nagħmlu studju persunali tal-Iskrittura.
Ġob issaporta attakki ħorox u kollhom mibegħda minn Satana. Tant kienet qawwija l-fidi taʼ Ġob fl-irxoxt li anki t-theddida tal-mewt ma qatgħetlux qalbu. Minflok, hu qal lil Ġeħova: “Int issejjaħli, u jien inwieġbek. Għal xogħol idejk int tixxennaq.” (Ġob 14:15) Anki kieku Ġob kellu jmut minħabba li żamm l-integrità tiegħu, hu kellu fiduċja li l-imħabba t’Alla għall-qaddejja leali Tiegħu kienet se tqanqlu biex isejħilhom lura mill-mewt.
Jalla jkollna l-istess fiduċja fl-Alla l-veru. Ġeħova jistaʼ jikkoreġi kulma jagħmlu kontrina Satana u l-aġenti tiegħu. Ftakar ukoll li Pawlu jiżgurana: “Alla hu leali, u ma jħallikomx tiġu ttantati iktar milli tifilħu, imma mat-tentazzjoni jiftħilkom ukoll it-triq sabiex tkunu tistgħu tissaportuha.”—1 Kor. 10:13.
[Stampa f’paġna 20]
Ġeħova japprezza s-servizz leali tiegħek
[Stampa f’paġna 21]
Aċċetta l-elmu tas-salvazzjoni, u tneħħihx