Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Merħba għall-Aqwa Mod taʼ Ħajja!

Merħba għall-Aqwa Mod taʼ Ħajja!

Merħba għall-​Aqwa Mod taʼ Ħajja!

“Kemm jekk ngħixu u kemm jekk immutu, aħna taʼ Ġeħova.”—RUM. 14:8.

1. Ġesù x’għallem dwar l-​aqwa mod taʼ ħajja?

 ĠEĦOVA jridna ngawdu l-​aqwa mod taʼ ħajja. In-​nies jistgħu jgħixu b’diversi modi, imma mod wieħed biss hu l-​aqwa mod. Ma nistgħu nagħmlu xejn aħjar b’ħajjitna milli ngħixu fi qbil mal-​Kelma t’Alla u nitgħallmu minn Ibnu, Ġesù Kristu. Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu biex iqimu lil Alla bl-​ispirtu u l-​verità u inkarigahom biex jagħmlu dixxipli. (Mt. 28:19, 20; Ġw. 4:24) Jekk ngħixu fi qbil mal-​istruzzjonijiet taʼ Ġesù, nogħġbu lil Ġeħova u ngawdu l-​barka Tiegħu.

2. Ħafna kif wieġbu għall-​messaġġ tas-​Saltna fl-​ewwel seklu, u x’kien ifisser li jkunu parti “mit-​Triq”?

2 Meta dawk ‘li għandhom attitudni xierqa lejn il-​ħajja taʼ dejjem’ isiru jemmnu u jitgħammdu, ikollna raġunijiet sodi biex ngħidulhom, “Merħba għall-​aqwa mod taʼ ħajja!” (Atti 13:48) Matul l-​ewwel seklu tal-​Era Komuni, eluf taʼ nies minn nazzjonijiet differenti ħaddnu l-​verità u taw evidenza pubblika tad-​devozzjoni tagħhom lejn Alla billi tgħammdu. (Atti 2:41) Dawk id-​dixxipli tal-​bidu kienu jagħmlu parti “mit-​Triq.” (Atti 9:2; 19:23) Din l-​espressjoni kienet adattata għaliex dawk li saru segwaċi taʼ Kristu għexu ħajja li kienet tiffoka fuq li jkollhom fidi f’Ġesù Kristu u fuq li jimitaw l-​eżempju tiegħu.—1 Pt. 2:21.

3. In-​nies taʼ Ġeħova għala jitgħammdu, u kemm tgħammdu f’dawn l-​aħħar għaxar snin?

3 Ix-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli żdied sew f’dawn l-​aħħar jiem, u issa qed isir f’iktar minn 230 pajjiż. Matul dawn l-​aħħar għaxar snin, iktar minn 2,700,000 persuna ħadu d-​deċiżjoni li jaqdu lil Ġeħova u jitgħammdu b’simbolu tad-​dedikazzjoni tagħhom lilu. Din hi medja taʼ iktar minn 5,000 persuna kull ġimgħa! Id-​deċiżjoni biex jitgħammdu hija bbażata fuq imħabba għal Alla, għarfien dwar l-​Iskrittura, u fidi f’dak li jgħallmu. Il-​magħmudija hija xi ħaġa sinifikanti f’ħajjitna, għax timmarka l-​bidu taʼ relazzjoni intima maʼ Ġeħova. Hija wkoll turija taʼ fiduċja li hu se jgħinna naqduh b’lealtà, sewwasew bħalma għen lill-​qaddejja tiegħu tal-​qedem biex jimxu fi triqtu.—Is. 30:21.

Għala Għandek Titgħammed?

4, 5. Semmi xi barkiet u benefiċċji taʼ li titgħammed.

4 Forsi int ħadt għarfien dwar Alla, għamilt xi bidliet f’ħajtek, u issa int pubblikatur mhux mgħammed. Progress bħal dan hu taʼ min ifaħħru. Imma ddedikajt ruħek lil Alla bit-​talb, u qed tħares ’il quddiem biex titgħammed? Mill-​istudju tiegħek tal-​Bibbja x’aktarx li issa sirt taf li ħajtek għandha tkun iffokata fuq li tfaħħar lil Ġeħova, mhux fuq li sempliċement togħġob lilek innifsek jew li tikseb affarijiet materjali. (Aqra Salm 148:11-​13; Luqa 12:15) Allura, x’inhuma xi ftit mill-​barkiet u l-​benefiċċji taʼ li titgħammed?

5 Bħala Kristjan dedikat, il-​ħajja tiegħek se jkollha l-​aqwa skop. Se tkun ferħan għax qed tagħmel ir-​rieda t’Alla. (Rum. 12:1, 2) L-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova se jipproduċi fik kwalitajiet divini bħall-​paċi u l-​fidi. (Gal. 5:22, 23) Alla se jwieġeb it-​talb tiegħek u jbierek l-​isforzi li tagħmel biex iġġib ħajtek fi qbil mal-​Kelma tiegħu. Il-​ministeru tiegħek se jkun taʼ ferħ, u minħabba li tgħix b’tali mod li japprova Alla, it-​tama tiegħek taʼ ħajja taʼ dejjem se tissaħħaħ. Iżjed minn hekk, li tiddedika ruħek u titgħammed se juri li int trid tkun tassew wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.—Is. 43:10-​12.

6. Bil-​magħmudija tagħna x’niddikjaraw pubblikament?

6 Meta niddedikaw ruħna lil Alla u nitgħammdu, niddikjaraw pubblikament li aħna taʼ Ġeħova. “Fil-​fatt, ħadd minna ma jgħix biss għalih innifsu, u ħadd ma jmut biss għalih innifsu,” kiteb l-​appostlu Pawlu, “għax jekk ngħixu, ngħixu għal Ġeħova, u jekk immutu, immutu għal Ġeħova. Għalhekk, kemm jekk ngħixu u kemm jekk immutu, aħna taʼ Ġeħova.” (Rum. 14:7, 8) Alla onorana billi tana l-​libertà tal-​għażla. Meta niddeċiedu b’mod sod biex insegwu dan il-​mod taʼ ħajja għax inħobbu lil Alla, inferrħulu qalbu. (Prov. 27:11) Il-​magħmudija tagħna hi kemm simbolu tad-​dedikazzjoni tagħna lil Alla kif ukoll dikjarazzjoni pubblika li Ġeħova hu l-​Ħakkiem tagħna. Turi li aħna ħadna waqfa fuq in-​naħa tiegħu fil-​kwistjoni tas-​sovranità universali. (Atti 5:29, 32) Mill-​banda l-​oħra, Ġeħova qiegħed fuq in-​naħa tagħna. (Aqra Salm 118:6.) Il-​magħmudija tiftħilna wkoll it-​triq biex nirċievu ħafna barkiet spiritwali oħrajn issa u fil-​futur.

Imberkin bi Fratellanza li Tħobbna

7-9. (a) Ġesù liema assiguranza tahom lil dawk li telqu kollox u segwewh? (b) Il-​wegħda taʼ Ġesù li nsibu f’Marku 10:29, 30 kif qed titwettaq?

7 L-​appostlu Pietru qal lil Ġesù: “Ara! Aħna tlaqna kollox u ġejna warajk; allura aħna x’se jmissna?” (Mt. 19:27) Pietru ried ikun jaf x’kien hemm lest għalih u għad-​dixxipli l-​oħrajn taʼ Ġesù fil-​futur. Dawn kienu għamlu sagrifiċċji importanti biex jiddedikaw lilhom infushom bis-​sħiħ għax-​xogħol tal-​ippritkar tas-​Saltna. (Mt. 4:18-​22) Ġesù liema assiguranza tahom?

8 Skont ir-​rakkont simili taʼ Marku, Ġesù indika li d-​dixxipli tiegħu kienu se jkunu parti minn fratellanza spiritwali. Hu qal: “Ħadd ma telaq lil daru jew lil ħutu subien jew bniet jew lil ommu jew lil missieru jew tfal jew għelieqi minħabba fija u minħabba l-​aħbar tajba li ma jiħux mitt darba iktar issa f’dan iż-​żmien, djar u aħwa subien u aħwa bniet u ommijiet u tfal u għelieqi, bil-​persekuzzjonijiet, u fis-​sistema li ġejja, ħajja taʼ dejjem.” (Mk. 10:29, 30) Kristjani tal-​ewwel seklu, bħal Lidja, Akwila, Prixilla, u Gaju, kienu fost dawk li pprovdew “djar” u saru “aħwa subien u aħwa bniet u ommijiet” għal sħabhom fit-​twemmin, bħalma kien wiegħed Ġesù.—Atti 16:14, 15; 18:2-​4; 3 Ġw. 1, 5-​8.

9 Illum, dak li qal Ġesù qed ikollu twettiq akbar. L-​“għelieqi” li s-​segwaċi tiegħu jħallu warajhom jirreferu għall-​għajxien li ħafna, inkluż il-​missjunarji, il-​membri tal-​familja Betel, il-​qaddejja internazzjonali, u oħrajn, minn jeddhom iħallu warajhom sabiex imexxu ’l quddiem l-​interessi tas-​Saltna f’diversi pajjiżi. Ħafna aħwa telqu djarhom sabiex jissimplifikaw ħajjithom, u kemm nifirħu meta nisimgħu l-​esperjenzi tagħhom taʼ kif Ġeħova ħa ħsiebhom u kif is-​servizz li jagħtuh għamilhom henjin! (Atti 20:35) Iktar minn hekk, il-​qaddejja kollha mgħammdin taʼ Ġeħova jistgħu jgawdu l-​barka taʼ li ‘jfittxu l-​ewwel is-​saltna u s-​sewwa [t’Alla]’ bħala parti mill-​fratellanza Kristjana madwar id-​dinja.—Mt. 6:33.

Protetti “fil-​Post Sigriet”

10, 11. X’inhu l-​“post sigriet taʼ l-​Iktar Għoli,” u kif jistaʼ jkollna aċċess għalih?

10 Id-​dedikazzjoni u l-​magħmudija jirriżultaw f’barka kbira oħra—il-​privileġġ li ngħammru “fil-​post sigriet taʼ l-​Iktar Għoli.” (Aqra Salm 91:1.) Dan huwa post figurattiv taʼ sigurtà—kundizzjoni, jew stat, taʼ protezzjoni minn ħsara spiritwali. Huwa “post sigriet” għaliex nies li m’għandhomx ħarsa spiritwali u ma jafdawx f’Alla ma jafux bih. Billi ngħixu fi qbil mad-​dedikazzjoni tagħna u billi jkollna fiduċja sħiħa f’Ġeħova, fil-​fatt inkunu qed ngħidulu: “Int il-​kenn u l-​fortizza tiegħi, Alla tiegħi li fih se nafda.” (Salm 91:2) Alla Ġeħova jsir il-​post fejn aħna ngħammru fis-​sigurtà. (Salm 91:9) Min jistaʼ jitlob iktar minn hekk?

11 Il-​fatt li jkollna aċċess għall-​“post sigriet” taʼ Ġeħova jindika wkoll li ġejna mberkin bil-​privileġġ li niżviluppaw relazzjoni persunali miegħu. Dan jibda bid-​dedikazzjoni u l-​magħmudija. Wara dan, inkabbru r-​relazzjoni tagħna m’Alla billi nersqu qrib lejh permezz taʼ studju tal-​Bibbja, talb mill-​qalb, u ubbidjenza sħiħa. (Ġak. 4:8) Ħadd qatt ma kien eqreb lejn Ġeħova minn Ġesù, li l-​fiduċja tiegħu fil-​Ħallieq qatt ma tħarrket. (Ġw. 8:29) Għalhekk, ejja qatt ma niddubitaw minn Ġeħova jew mix-​xewqa u l-​abbiltà tiegħu biex jgħinna nwettqu l-​wegħda tad-​dedikazzjoni tagħna. (Ekk. 5:4) Il-​provvedimenti spiritwali li Alla għamel għall-​poplu tiegħu huma evidenza li ħadd ma jistaʼ jiċħadha li hu verament iħobbna u jridna nirnexxu f’li naqduh.

Għożż il-​Ġenna Spiritwali Tagħna

12, 13. (a) X’inhi l-​ġenna spiritwali? (b) Kif nistgħu ngħinu lil uħud ġodda?

12 Id-​dedikazzjoni u l-​magħmudija jiftħulna wkoll it-​triq biex ngħammru fil-​ġenna spiritwali li hi mbierka. Hija ambjent spiritwali uniku li naqsmu maʼ sħabna fit-​twemmin, li qegħdin f’paċi m’Alla Ġeħova u maʼ xulxin. (Salm 29:11; Is. 54:13) Id-​dinja m’għandha xejn li jistaʼ jitqabbel b’mod xieraq mal-​ġenna spiritwali tagħna. Din tidher speċjalment f’konvenzjonijiet internazzjonali, fejn ħutna minn ħafna ġnus, lingwi, u gruppi etniċi jinġabru flimkien f’ambjent taʼ paċi, unità, u mħabba lejn l-​aħwa.

13 Hemm kuntrast enormi bejn il-​ġenna spiritwali li ngawdu aħna u l-​kundizzjonijiet mill-​agħar li hemm fid-​dinja llum. (Aqra Isaija 65:13, 14.) Billi nxandru l-​messaġġ tas-​Saltna, għandna l-​privileġġ nistiednu lil oħrajn biex jidħlu fil-​ġenna spiritwali. Hija barka wkoll li ngħinu lil dawk li reċentement ngħaqdu mal-​kongregazzjoni, u li jistgħu jibbenefikaw minn taħriġ fil-​ministeru. Bid-​direzzjoni tal-​anzjani, nistgħu niġu mberkin bil-​privileġġ li ngħinu lil xi wħud ġodda, sewwasew bħalma Akwila u Prixilla ‘fissru t-​triq t’Alla iktar eżatt’ lil Apollo.—Atti 18:24-​26.

Kompli Tgħallem Minn Ġesù

14, 15. Liema raġunijiet sodi għandna biex inkomplu nitgħallmu minn Ġesù?

14 Għandna raġunijiet sodi biex inkomplu nitgħallmu minn Ġesù. Fil-​ħajja tiegħu qabel ma sar bniedem, Ġesù qattaʼ millenji bla għadd jaħdem maʼ Missieru. (Prov. 8:22, 30) Hu kien jaf li l-​aqwa mod taʼ ħajja jiffoka fuq li wieħed jaqdi lil Alla u jixhed għall-​verità. (Ġw. 18:37) Għal Ġesù kien ċar li kwalunkwe mod taʼ ħajja ieħor kien ikun egoist u mingħajr ħsieb għall-​futur. Hu kien jaf li kien se jiġi mġarrab bl-​aħrax u maqtul. (Mt. 20:18, 19; Ebr. 4:15) Bħala x-​Xempju tagħna, għallimna kif għandna nżommu l-​integrità.

15 Ftit wara li tgħammed Ġesù, Satana ttantah biex jabbanduna l-​aqwa mod taʼ ħajja—imma kien kollu għalxejn. (Mt. 4:1-​11) Dan jgħallimna li jagħmel x’jagħmel Satana, nistgħu nżommu l-​integrità tagħna. X’aktarx li hu jiffoka l-​attenzjoni tiegħu fuq dawk li qed jersqu lejn il-​magħmudija kif ukoll fuq dawk li jkunu għadhom kif tgħammdu. (1 Pt. 5:8) L-​oppożizzjoni tistaʼ tiġi minn membri tal-​familja li jixtiqulna l-​ġid imma li jkunu ngħataw informazzjoni żbaljata dwarna. Però, provi bħal dawn jagħtuna opportunitajiet biex nuru kwalitajiet Kristjani mill-​aħjar, bħar-​rispett u t-​tattika, meta nwieġbu mistoqsijiet u nagħtu xhieda. (1 Pt. 3:15) Għalhekk, dawn l-​esperjenzi jistaʼ jkollhom effett pożittiv fuq dawk li jisimgħuna.—1 Tim. 4:16.

Intrabat mal-​Aqwa Mod taʼ Ħajja!

16, 17. (a) Liema tliet ħtiġijiet bażiċi għall-​ħajja jinsabu f’Dewteronomju 30:19, 20? (b) Ġesù, Ġwanni, u Pawlu kif appoġġaw dak li kiteb Mosè?

16 Xi 1,500 sena qabel ma Ġesù ġie fuq l-​art, Mosè ħeġġeġ lill-​Israelin biex jagħżlu l-​aqwa mod taʼ ħajja possibbli dak iż-​żmien. Hu qal: “Jien illum insejjaħ is-​smewwiet u l-​art bħala xhieda kontrikom, li qegħedt il-​ħajja u l-​mewt quddiemek, il-​barka u s-​saħta; u trid tagħżel il-​ħajja sabiex tibqaʼ ħaj, int u nislek, billi tħobb lil Ġeħova Alla tiegħek, billi tismaʼ minn leħnu, u billi tintrabat miegħu.” (Dt. 30:19, 20) Israel ma baqax leali lejn Alla, imma t-​tliet ħtiġijiet bażiċi għall-​ħajja li semma Mosè ma nbiddlux. Fil-​fatt, Ġesù u oħrajn reġgħu stqarrewhom.

17 L-​ewwel, irridu ‘nħobbu lil Ġeħova Alla tagħna.’ Nuru li nħobbu lil Alla billi naġixxu fi qbil mal-​modi ġusti tiegħu. (Mt. 22:37) It-​tieni, irridu ‘nisimgħu minn leħen Ġeħova,’ billi nistudjaw il-​Kelma t’Alla u nobdu l-​kmandamenti tiegħu. (1 Ġw. 5:3) Dan jirrikjedi li nkunu preżenti regolarment għal-​laqgħat Kristjani, fejn tiġi diskussa l-​Bibbja. (Ebr. 10:23-​25) It-​tielet, irridu ‘nintrabtu maʼ Ġeħova.’ Minkejja dak li jkollna niffaċċjaw, ejja dejjem neżerċitaw fidi f’Alla u nsegwu lil Ibnu.—2 Kor. 4:16-​18.

18. (a) The Watch Tower kif iddeskriva l-​verità lura fl-​1914? (b) Illum, kif għandna nħossuna dwar id-​dawl tal-​verità?

18 X’barka li tgħix fi qbil mal-​verità tal-​Bibbja! Fl-​1914, ġiet pubblikata din l-​istqarrija sinifikanti fʼThe Watch Tower: “M’aħniex aħna poplu mbierek u hieni? Mhuwiex leali Alla tagħna? Jekk xi ħadd jaf b’xi ħaġa aħjar, ħallih jiħodha. Jekk xi ħadd minnkom qatt isib xi ħaġa aħjar, nittamaw li tgħidulna. Aħna ma nafu b’xejn aħjar jew li saħansitra jibda ma’ dak li sibna fil-​Kelma t’Alla. . . . Ebda lsien jew pinna ma tistaʼ tiddeskrivi l-​paċi, il-​ferħ, u l-​barka li għarfien ċar tal-​Alla l-​veru ġab f’qalbna u f’ħajjitna. L-​Istorja tal-​Għerf, il-​Ġustizzja, il-​Qawwa, u l-​Imħabba t’Alla tissodisfa għalkollox ix-​xewqat kemm taʼ moħħna kif ukoll taʼ qalbna. M’aħna nfittxu xejn iktar minn hekk. M’hemm xejn li nixtiequ iktar milli jkollna din l-​Istorja meraviljuża iktar ċara f’moħħna.” (The Watch Tower tal-​15 taʼ Diċembru, 1914, paġni 377-​378) Il-​gratitudni tagħna għad-​dawl spiritwali u l-​verità ma tbiddlitx. Tabilħaqq, issa għandna raġuni saħansitra akbar biex nifirħu għax qed “nimxu fid-​dawl taʼ Ġeħova.”—Is. 2:5; Salm 43:3; Prov. 4:18.

19. Dawk li jikkwalifikaw għall-​magħmudija għala m’għandhomx jitnikkru biex jieħdu dan il-​pass?

19 Jekk int trid ‘timxi fid-​dawl taʼ Ġeħova’ imma għadek m’intix Kristjan dedikat u mgħammed, titnikkirx. Agħmel kulma hemm bżonn biex tilħaq il-​ħtiġijiet Bibliċi għall-​magħmudija—il-​mod uniku biex turi gratitudni għal dak li għamlu għalina Alla u Kristu. Agħti lil Ġeħova l-​iktar ħaġa fiżika taʼ valur li għandek—ħajtek. Uri li int trid tagħmel ir-​rieda t’Alla billi ssegwi lil Ibnu. (2 Kor. 5:14, 15) Mingħajr dubju, dan hu l-​aqwa mod taʼ ħajja!

Int Kif Twieġeb?

• Il-​magħmudija tagħna x’tissimbolizza?

• Id-​dedikazzjoni lil Alla u l-​magħmudija jġibu liema barkiet?

• Għala huwa daqstant importanti li nitgħallmu minn Ġesù?

• X’se jgħinna nintrabtu mal-​aqwa mod taʼ ħajja?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 25]

Il-​magħmudija tiegħek turi li int għażilt l-​aqwa mod taʼ ħajja

[Stampi f’paġna 26]

Tinsab int protett “fil-​post sigriet”?