Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-​Qarrejja

Il-​magħmudija mill-​ġdid f’liema ċirkustanzi tistaʼ tiġi kunsidrata?

F’ċerti ċirkustanzi, individwu mgħammed għandu mnejn ikun irid jikkunsidra jekk il-​magħmudija tiegħu kinitx valida, u forsi jikkunsidra l-​magħmudija mill-​ġdid. Pereżempju, meta tgħammed, individwu forsi kien qed jgħix ħajja doppja jew jieħu sehem f’xi prattika bil-​moħbi li minħabba fiha setaʼ jiġi maqtugħ mis-​sħubija li kieku l-​magħmudija tiegħu kienet valida diġà. Setaʼ hu jiddedika ruħu lil Alla f’dawn iċ-​ċirkustanzi? Individwu bħal dan kien ikun jistaʼ jiddedika ruħu lil Ġeħova b’mod validu biss jekk ma jkunx għadu jieħu sehem f’kondotta mhix Skritturali. Għalhekk, individwu li tgħammed meta kien hemm impediment serju bħal dan jistaʼ b’mod xieraq jikkunsidra jekk hemmx bżonn li jitgħammed mill-​ġdid.

Xi ngħidu għal individwu li ma kienx qed jipprattika d-​dnub meta tgħammed, imma li minħabba l-​għemil ħażin li għamel wara kien hemm bżonn li jiġi fformat kumitat ġudizzjarju? Ejja ngħidu li mbagħad isostni li ma fehemx bis-​sħiħ x’kien qed jagħmel meta tgħammed u jgħid li l-​magħmudija tiegħu ma kinitx valida verament. Meta jiltaqgħu ma’ wieħed li għamel għemil ħażin, l-​anzjani m’għandhomx jiddubitaw il-​magħmudija tiegħu u m’għandhomx jistaqsu jekk iħossx li d-​dedikazzjoni u l-​magħmudija tiegħu kienu validi. Fuq kollox, hu semaʼ taħdita Skritturali dwar is-​sinifikat tal-​magħmudija. Hu wieġeb fl-​affermattiv xi mistoqsijiet rigward id-​dedikazzjoni u l-​magħmudija. Imbagħad biddel ħwejġu u ġie mgħaddas fl-​ilma fiżikament. Għalhekk, huwa raġunevoli li nemmnu li hu fehem bis-​sħiħ is-​serjetà taʼ dak li kien qed jagħmel. B’hekk, l-​anzjani għandhom jittrattawh bħala persuna mgħammda.

Jekk l-​individwu jqajjem il-​kwistjoni dwar jekk il-​magħmudija tiegħu kinitx valida, l-​anzjani jistgħu jiġbdulu l-​attenzjoni lejn The Watchtower tal-​1 taʼ Marzu, 1960, paġni 159 u 160, u tal-​15 taʼ Frar, 1964, paġni 123 sa 126, fejn il-​kwistjoni tal-​magħmudija mill-​ġdid hi diskussa bid-​dettall. Fl-​aħħar mill-​aħħar, il-​magħmudija mill-​ġdid f’ċerti ċirkustanzi (bħal li wieħed ma kellux fehma biżżejjed tal-​Bibbja meta tgħammed) hi kwistjoni persunali.

Il-​Kristjani liema fatturi għandhom jikkunsidraw meta jgħixu taħt l-​istess saqaf ma’ oħrajn?

Kulħadd għandu bżonn post fejn jgħix. Madankollu, illum ħafna nies m’għandhomx dar tagħhom. Ċirkustanzi ekonomiċi, kwistjonijiet taʼ saħħa, jew fatturi oħrajn taʼ persuna jistgħu jġiegħlu lil xi familji kbar, inkluż għadd taʼ qraba, jgħixu flimkien. F’xi partijiet tad-​dinja, għandu mnejn li f’kamra waħda joqogħdu bosta qraba bi ftit li xejn privatezza.

Mhijiex ir-​responsabbiltà tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova li tipprovdi lista twila taʼ regoli rigward liema huma l-​akkomodazzjonijiet xierqa għal kulħadd fil-​kongregazzjoni taʼ madwar id-​dinja. Il-​Kristjani huma inkuraġġiti biex jaħsbu fil-​prinċipji Skritturali sabiex jiddeterminaw jekk fejn qed jgħixu hux aċċettabbli għal Alla jew le. X’inhuma xi ftit minn dawn il-​prinċipji?

Konsiderazzjoni importanti ferm hija l-​effett li se jkollu fuqna u fuq l-​ispiritwalità tagħna l-​fatt li ngħixu ma’ nies oħrajn. Min huma dawn in-​nies? Jaduraw lil Ġeħova? Jgħixu fi qbil mal-​livelli tal-​Bibbja? “Titqarrqux,” kiteb l-​appostlu Pawlu. “Kumpanija ħażina tħassar id-​drawwiet siewja.”—1 Kor. 15:33.

L-​Iskrittura tispjega li Ġeħova jikkundanna ż-​żína u l-​adulterju. (Ebr. 13:4) Għalhekk, kwalunkwe arranġament li jippermetti li nies mhux miżżewġin tas-​sess oppost jgħixu flimkien bħallikieku kienu miżżewġin żgur li mhux aċċettabbli għal Alla. Kristjan m’għandux ikun irid joqgħod f’post fejn l-​immoralità tiġi tollerata.

Iktar minn hekk, il-​Bibbja tħeġġeġ lil kull min jixtieq l-​approvazzjoni t’Alla biex ‘jaħrab miż-​żína.’ (1 Kor. 6:18) Għalhekk, ikun għaqli li l-​Kristjani jevitaw li jgħixu fi kwalunkwe post li jistaʼ jħajjarhom jieħdu sehem f’kondotta immorali. Pereżempju, ikkunsidra s-​sitwazzjoni li fiha diversi Kristjani jgħixu fl-​istess dar. Jistaʼ dan il-​fatt iwassalhom għal tentazzjoni minħabba ċirkustanzi mhux mistennijin? Xi ngħidu jekk tnejn min-​nies li mhumiex miżżewġin lil xulxin bla mistenni jsibu ruħhom waħedhom flimkien għaliex oħrajn li normalment ikunu magħhom ma jkunux hemm mumentanjament? B’mod simili, ikun moralment perikoluż li individwi mhux miżżewġin li jkollhom interess romantiku f’xulxin jgħixu taħt l-​istess saqaf. Ikun ferm għaqli li wieħed jevita sitwazzjonijiet bħal dawn.

B’mod simili, ma jkunx xieraq li dawk li jkunu divorzjati minn xulxin jibqgħu jgħixu fl-​istess dar. Il-​fatt li jkunu mdorrijin ikollhom relazzjonijiet intimi ma’ xulxin jistaʼ jwassal faċilment għal kondotta immorali.—Prov. 22:3.

Kwistjoni finali imma mhux inqas importanti li għandna nikkunsidraw hi kif il-​komunità tħares lejn l-​għażliet taʼ dak li jkun. Kristjan għandu jkun konċernat li ma jikkaġunax għajdut fil-​komunità dwar il-​post fejn jgħix, avolja għalih ikun aċċettabbli. Aħna qatt ma rridu li l-​kondotta tagħna ġġib għajb fuq l-​isem taʼ Ġeħova. Pawlu poġġieha hekk: “Tkunux taʼ tfixkil għal-​Lhud kif ukoll għall-​Griegi u għall-​kongregazzjoni t’Alla, saħansitra bħalma jien qed nogħġob lil kulħadd f’kollox, billi ma nfittixx dak li jaqbel lili imma dak li jaqbel lil ħafna, sabiex jiġu salvati.”—1 Kor. 10:32, 33.

Jistaʼ jkun verament taʼ sfida għal dawk li jixtiequ jappoġġaw il-​livelli ġusti taʼ Ġeħova biex isibu post xieraq fejn jgħixu. Madankollu, il-​Kristjani għandhom ‘jibqgħu jaċċertaw ruħhom dwar x’inhu aċċettabbli għall-​Mulej.’ Għandhom bżonn ikunu ċerti li ma qed isir xejn indeċenti fi djarhom. (Efes. 5:5, 10) Dan jirrikjedi li l-​Kristjani jitolbu għall-​gwida divina u jagħmlu kulma jistgħu biex jipproteġu l-​benesseri fiżiku u morali taʼ xulxin kif ukoll l-​isem tajjeb taʼ Ġeħova.