Tqisu Bħala Missierek lil Ġeħova?
Tqisu Bħala Missierek lil Ġeħova?
“MULEJ, għallimna nitolbu.” Meta wieħed mid-dixxipli tiegħu talbu dan, Ġesù wieġeb: “Kulmeta titolbu, għidu, ‘Missier, ħa jitqaddes ismek.’” (Lq. 11:1, 2) Ġesù setaʼ rrefera għal Ġeħova billi juża titli li jimpressjonaw bħalma huma “Dak li Jistaʼ Kollox,” “l-Istruttur Grandjuż,” “il-Ħallieq,” “Xiħ fil-Jiem,” u s-“Sultan taʼ l-eternità.” (Ġen. 49:25; Is. 30:20; 40:28; Dan. 7:9; 1 Tim. 1:17) Minflok, Ġesù għażel li jsejjaħlu “Missier.” Għala? Forsi għaliex iridna navviċinaw lill-ogħla Persunaġġ fl-univers bl-istess mod li tfajjel umli javviċina lil missieru li jħobbu.
Xi individwi jsibuha diffiċli li jqisu lil Alla bħala Missierhom. Oħt Kristjana jisimha Atsuko a tammetti: “Wara li tgħammidt domt snin sħaħ insibha diffiċli biex nersaq qrib lejn Ġeħova u nitlob lilu bħala Missier.” Hi esprimiet ir-raġuni għala sabitha diffiċli b’dan il-kliem: “Ma niftakarx li missieri qatt xi darba wrieni affezzjoni.”
F’dawn l-aħħar jiem kritiċi l-“imħabba naturali” li missier hu mistenni li juri hija nieqsa bil-kbir. (2 Tim. 3:1, 3) Għalhekk, mhix xi ħaġa rari li individwu jħossu bħalma ħassitha Atsuko. Iżda, nistgħu nagħmlu l-qalb għax hemm raġunijiet sodi għala nistgħu nqisu lil Ġeħova bħala Missierna kollu mħabba.
Ġeħova Jipprovdi bi Mħabba
Sabiex inqisu lil Ġeħova bħala Missierna, jeħtieġ li nsiru nafuh sew. Ġesù qal: “Ħadd ma jaf għalkollox lill-Missier ħlief l-Iben u kulmin l-Iben lest li jirrivelahulu.” (Mt. 11:27) Mod eċċellenti kif insiru nafu kif inhu Ġeħova bħala Missier hu li naħsbu fil-fond dwar dak li rrivela Ġesù dwar l-Alla l-veru. Għalhekk, mela, Ġesù x’għarrafna dwar Missieru?
Ġesù rrikonoxxa li Ġeħova kien is-Sors taʼ ħajtu. Hu qal: “Jien ngħix minħabba l-Missier.” (Ġw. 6:57) Aħna wkoll nafu l-eżistenza tagħna lill-Missier. (Salm 36:9; Atti 17:28) X’qanqal lil Ġeħova jagħti l-ħajja lil oħrajn? Żgur li kienet l-imħabba. Ċertament li aħna għandna nħobbu lura lil Missierna tas-sema talli tana għotja bħal din.
L-aqwa mod li bih Alla wera l-imħabba tiegħu lejn l-umanità kien il-provvediment tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa. Dan l-att taʼ mħabba jagħmilha possibbli għall-bnedmin midinbin biex ikollhom relazzjoni mill-qrib maʼ Ġeħova permezz taʼ Ibnu l-maħbub. (Rum. 5:12; 1 Ġw. 4:9, 10) U peress li Missierna tas-sema hu l-Wieħed li jwettaq il-wegħdi tiegħu, nistgħu nibqgħu ċerti li dawk li jħobbuh u jobduh maż-żmien se jgawdu “l-libertà glorjuża taʼ wlied Alla.”—Rum. 8:21.
Barra minn hekk, Missierna tas-sema kuljum “itellaʼ x-xemx tiegħu” fuqna. (Mt. 5:45) X’aktarx li ma narawx il-bżonn li nitolbu biex titlaʼ x-xemx. Madankollu, kemm għandna bżonnhom ir-raġġi sħan tax-xemx, u kemm nieħdu gost bihom! Iktar minn hekk, Missierna hu Dak li jipprovdi b’mod li ma jistaʼ jitqabbel maʼ xejn, u li jaf x’għandna bżonn materjalment qabel ma nitolbuh. Għalhekk, m’għandniex aħna nieħdu l-ħin u nirriflettu b’apprezzament dwar il-mod kif Missierna jieħu ħsieb il-ħlejjaq tiegħu?—Mt. 6:8, 26.
Missierna ‘Jipproteġina b’Tenerezza’
Il-profezija taʼ Isaija assigurat lill-poplu tal-qedem t’Alla: “Il-muntanji se jiċċaqalqu minn posthom u l-għoljiet se jitħarrku, imma l-ħbiberija tiegħi qatt mhi se tiċċaqlaq minn postha lil hinn minnek, lanqas il-patt tiegħi tal-paċi mhu se jitħarrek, jgħid Ġeħova, Dak li jipproteġik b’tenerezza.” (Is. 54:10, The Bible in Living English) Biex tkompli ssaħħaħ dan il-punt, it-talba taʼ Ġesù fl-aħħar lejla taʼ ħajtu fuq l-art turi li Ġeħova tabilħaqq ‘jipproteġi b’tenerezza.’ Rigward id-dixxipli tiegħu Ġesù talab: “Huma qegħdin fid-dinja u jien ġej għandek. Missier Qaddis, ħarishom minħabba ismek stess.” (Ġw. 17:11, 14) Ġeħova ħares u pproteġa lis-segwaċi taʼ Ġesù.
Mod wieħed kif Alla jipproteġina mill-makakkeriji li juża Satana llum huwa billi jipprovdi ikel spiritwali fil-ħin u fil-waqt permezz tal-“ilsir leali u għaqli.” (Mt. 24:45) Huwa essenzjali li nieklu minn dan l-ikel li jsaħħaħna sabiex ‘nilbsu l-armatura sħiħa mingħand Alla.’ Ikkunsidra, pereżempju, “it-tarka kbira tal-fidi,” li biha aħna ‘nkunu nistgħu nitfu l-vleġeġ tan-nar kollha tal-Ħażin.’ (Efes. 6:11, 16) Il-fidi li neżerċitaw tipproteġina mill-ħsara spiritwali u hija xhieda tal-qawwa protettiva taʼ Missierna.
Aħna nistgħu nsiru nafu iktar dwar it-tenerezza taʼ Missierna tas-sema billi nikkunsidraw mill-qrib kif ġab ruħu Bin Alla meta kien fuq l-art. Innota r-rakkont imniżżel f’Marku 10:13-16. Hawnhekk Ġesù jiġi kwotat li qed jgħid lid-dixxipli tiegħu: “Ħallu t-tfal żgħar jiġu għandi.” Meta dawk iċ-ċkejknin inġabru madwaru, Ġesù għannaqhom b’tenerezza u berikhom. Min jaf kif xegħel wiċċhom bil-ferħ! U peress li Ġesù qal: “Min ra lili ra wkoll lill-Missier,” aħna nafu li l-Alla l-veru jridna nersqu lejh.—Ġw. 14:9.
Alla Ġeħova hu s-Sors bla qjies taʼ mħabba. Hu l-Wieħed li jipprovdilna u l-Protettur li ma jitqabbel maʼ ħadd, li jridna nersqu qrib lejh. (Ġak. 4:8) Għalhekk, Ġeħova bla dubju taʼ xejn hu l-aqwa Missier li nistgħu nimmaġinaw!
Kemm Nibbenefikaw!
Aħna nibbenefikaw bil-kbir meta npoġġu l-fiduċja tagħna f’Ġeħova bħala Missierna tas-sema li hu teneru u kollu mħabba. (Prov. 3:5, 6) Ġesù bbenefika għax poġġa l-fiduċja sħiħa tiegħu f’Missieru. Kristu qal lid-dixxipli tiegħu: “M’iniex waħdi, imma l-Missier li bagħatni hu miegħi.” (Ġw. 8:16) Ġesù kien dejjem ċert mill-appoġġ taʼ Ġeħova. Pereżempju, fil-magħmudija tiegħu hu rċieva assiguranza kollha mħabba minn Missieru li ddikjara: “Dan hu Ibni, il-maħbub, li lilu jien approvajt.” (Mt. 3:15-17) U ftit mumenti biss qabel mewtu, Ġesù għajjat b’leħen għoli: “Missier, f’idejk nafda l-ispirtu tiegħi.” (Lq. 23:46) Il-fiduċja taʼ Ġesù f’Missieru kienet soda bħal qatt qabel.
Anki aħna jistaʼ jkollna fidi bħal din. B’Ġeħova magħna, minn xiex irridu nibżgħu? (Salm 118:6) Atsuko, li ssemmiet qabel, kienet imdorrija tistrieħ fuqha nfisha meta kienet tiffaċċja l-problemi. Iżda mbagħad bdiet tistudja dwar il-ħajja u l-ministeru taʼ Ġesù u ffokat b’mod partikulari fuq ir-relazzjoni intima li hu għandu maʼ Missieru. X’kien ir-riżultat? “Tgħallimt x’jiġifieri li jkollok Missier u li tistrieħ fuqu,” tgħid Atsuko. Hi tkompli tgħid: “Jien esperjenzajt sliem veru u ferħ ġenwin. Tabilħaqq, m’għandna għalfejn ninkwetaw dwar xejn.”
Kif inkomplu nibbenefikaw jekk inqisu lil Ġeħova bħala Missierna? Normalment, it-tfal iħobbu lill-ġenituri tagħhom u jkunu jridu jogħġbuhom. Imqanqal mill-imħabba, l-Iben t’Alla ‘dejjem għamel dak li jogħġob lil Missieru.’ (Ġw. 8:29) Bl-istess mod, l-imħabba għal Missierna tas-sema tistaʼ tqanqalna biex naġixxu b’għaqal u ‘nfaħħruh quddiem kulħadd.’—Mt. 11:25; Ġw. 5:19.
Missierna ‘Qed Jaqbadna Minn Idna l-Leminija’
Missierna tas-sema pprovda wkoll “ajjutant”—l-ispirtu qaddis tiegħu. Ġesù qal: “[Dan] jiggwidakom lejn il-verità kollha.” (Ġw. 14:15-17; 16:12, 13) L-ispirtu qaddis t’Alla jistaʼ jgħinna nifhmu aħjar lil Missierna. Dan jistaʼ jgħinna negħlbu “affarijiet li jkunu stabbiliti fis-sod,” jiġifieri, opinjonijiet li diġà jkollna, ideat żbaljati, jew opinjonijiet mgħawġin, u b’hekk “injassru kull ħsieb biex nagħmluh ubbidjenti lejn il-Kristu.” (2 Kor. 10:4, 5) Għalhekk, ejja nitolbu lil Ġeħova biex jagħtina l-“ajjutant” imwiegħed, fiduċjużi li “l-Missier li hu fis-sema jagħti l-ispirtu qaddis lil dawk li jitolbuh!” (Lq. 11:13) Huwa wkoll xieraq li nitolbu li l-ispirtu qaddis jgħinna nersqu dejjem eqreb lejn Ġeħova.
Tifel ċkejken iħossu protett, fis-sigurtà, u ma jibżax meta jkun miexi id f’id maʼ Missieru. Jekk int verament tqis lil Ġeħova bħala Missierek, tistaʼ tassew toqgħod fuq dan il-kliem taʼ faraġ: “Jien, Ġeħova Alla tiegħek, qed naqbdek minn idek il-leminija u ngħidlek, ‘Tibżax. Jien stess ngħinek.’” (Is. 41:13) Int jistaʼ jkollok il-privileġġ meraviljuż li ‘timxi’ m’Alla għal dejjem. (Mik. 6:8) Ibqaʼ agħmel ir-rieda tiegħu u tesperjenza l-imħabba, il-ferħ, u s-sens taʼ sigurtà li jiġu meta tqis lil Ġeħova bħala Missierek.
[Nota taʼ taħt]
a L-isem ġie mibdul.