Użaw “is-Sejf taʼ l-Ispirtu” bis-Sengħa
Użaw “is-Sejf taʼ l-Ispirtu” bis-Sengħa
“Aċċettaw . . . is-sejf taʼ l-ispirtu, jiġifieri, il-kelma t’Alla.”—EFES. 6:17.
1, 2. Kif għandna nwieġbu għall-ħtieġa għal iktar proklamaturi tas-Saltna?
META ra l-bżonn spiritwali tal-folol, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Il-ħsad hu kbir, imma l-ħaddiema huma ftit. Għalhekk, itolbu bil-ħrara lil Sid il-ħsad biex jibgħat il-ħaddiema fil-ħsad tiegħu.” Ġesù għamel iktar milli sempliċement qal dan. Wara li qal dan il-kliem, “sejjaħ lit-tnax-il dixxiplu tiegħu” u bagħathom jippritkaw, jew jieħdu sehem fil-“ħsad.” (Mt. 9:35-38; 10:1, 5) Iktar tard, Ġesù “għażel sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn” biex jagħmlu l-istess xogħol.—Lq. 10:1, 2.
2 Il-ħtieġa għal iktar proklamaturi tas-Saltna hija kbira llum ukoll. Fis-sena taʼ servizz 2009 l-attendenza għat-Tifkira madwar id-dinja kienet 18,168,323. Dan in-numru qabeż in-numru totali taʼ Xhieda taʼ Ġeħova b’iktar minn 10 miljuni. L-għelieqi huma tassew lesti għall-ħsad. (Ġw. 4:34, 35) Għalhekk, għandna nitolbu għal iktar ħaddiema. Iżda kif nistgħu naġixxu fi qbil maʼ talb bħal dan? Nistgħu nagħmlu hekk billi nsiru ministri iktar effettivi meta nieħdu sehem żeluż fl-ippritkar tas-Saltna u fix-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli.—Mt. 28:19, 20; Mk. 13:10.
3. L-ispirtu t’Alla b’liema mod huwa importanti biex jgħinna nsiru ministri iktar effettivi?
3 L-artiklu taʼ qabel iddiskuta kif id-direzzjoni mill-ispirtu t’Alla tgħinna “nxandru l-kelma t’Alla bil-qlubija.” (Atti 4:31) Dan l-ispirtu jistaʼ jgħinna wkoll biex inkunu ministri tas-sengħa. Mod wieħed kif inkunu iktar effettivi fil-ministeru hu billi nagħmlu użu tajjeb mill-għodda eċċellenti li pprovda Alla Ġeħova—il-Kelma miktuba tiegħu, il-Bibbja. Din hi riżultat tax-xogħol tal-ispirtu qaddis. (2 Tim. 3:16) Il-messaġġ tagħha hu mnebbaħ minn Alla. Għalhekk, meta nużaw il-Bibbja bis-sengħa fil-ministeru tagħna nkunu qed niġu gwidati mill-ispirtu qaddis. Qabel nikkunsidraw kif nistgħu nagħmlu dan, ejja nirriflettu dwar kemm għandha qawwa din il-Kelma.
‘Il-Kelma t’Alla Hi Qawwija’
4. Il-messaġġ t’Alla misjub fil-Bibbja liema bidla jistaʼ jġib f’persuna?
4 X’qawwa għandha l-kelma, jew il-messaġġ, t’Alla! (Ebr. 4:12) F’sens figurattiv, il-messaġġ li ġej mill-Bibbja jaqtaʼ iktar minn kwalunkwe sejf magħmul mill-bniedem, għax dan b’mod figurattiv jinfed sal-għadam u jifirdu mill-mudullun. Il-verità Skritturali tilħaq il-persuna ġewwinija taʼ dak li jkun u tippenetra l-ħsibijiet u l-emozzjonijiet tiegħu, u tikxef dak li hu verament minn ġewwa. Din il-verità jistaʼ jkollha l-qawwa li ġġib bidliet ġenwini f’persuna. (Aqra Kolossin 3:10.) Tabilħaqq, il-Kelma t’Alla tistaʼ tbiddel il-ħajjiet!
5. Il-Bibbja b’liema modi tistaʼ tiggwidana u b’liema riżultat?
5 Iktar minn hekk, il-Bibbja hija ktieb taʼ għerf li ma bħalu. Fiha informazzjoni li hi taʼ għajnuna u li tistaʼ turi lin-nies kif jgħixu f’dinja tant komplikata. Il-Kelma t’Alla ma ddawwalx biss il-passi li qed nieħdu issa imma ddawwal ukoll it-triq li hemm quddiemna. (Salm 119:105) Hija taʼ għajnuna kbira ferm meta nkunu għaddejjin minn xi problema jew inkunu se nieħdu xi deċiżjoni dwar l-għażla taʼ ħbieb, divertiment, impjieg, ilbies, u affarijiet bħal dawn. (Salm 37:25; Prov. 13:20; Ġw. 15:14; ) Jekk napplikaw il-prinċipji li nsibu fil-Kelma t’Alla, ikun possibbli li ningwalawha m’oħrajn. ( 1 Tim. 2:9Mt. 7: 12; Flp. 2:3, 4) Meta nħallu l-Kelma t’Alla b’mod figurattiv ddawlilna t-triq li jkollna quddiemna, inkunu nistgħu naraw kif id-deċiżjonijiet li nieħdu se jeffettwawna fil-futur. (1 Tim. 6:9) L-Iskrittura tbassar ukoll l-iskop t’Alla għall-futur, u b’hekk tgħinna ngħixu ħajja fi qbil maʼ dan l-iskop. (Mt. 6:33; 1 Ġw. 2:17, 18) X’ħajja sinifikanti jistaʼ jkollna jekk inħallu l-prinċipji t’Alla jiggwidawlna ħajjitna!
6. Il-Bibbja kemm hi qawwija bħala arma fil-gwerra spiritwali tagħna?
6 Aħseb ukoll dwar kemm il-Bibbja hi arma qawwija fil-gwerra spiritwali tagħna. Pawlu sejjaħ il-kelma t’Alla “s-sejf taʼ l-ispirtu.” (Aqra Efesin 6:12, 17.) Meta jiġi preżentat b’mod effettiv, il-messaġġ tal-Bibbja jistaʼ jeħles lin-nies minn taħt il-kontroll taʼ Satana. Il-Bibbja hija sejf li qed isalva l-ħajjiet u mhux jeqridhom. M’għandniex aħna nużaw il-Bibbja bis-sengħa?
Immaniġġa Sew il-Kelma t’Alla
7. Għala huwa importanti li titgħallem tuża tajjeb “is-sejf taʼ l-ispirtu”?
7 Suldat jistaʼ juża l-armi tiegħu b’mod effettiv fil-gwerra. Dan jistaʼ jsir biss jekk ikun ipprattika u tgħallem jużahom tajjeb. L-istess japplika għall-mod kif aħna nużaw “is-sejf taʼ l-ispirtu” fil-gwerra spiritwali tagħna. Pawlu kiteb: “Agħmel l-almu tiegħek biex tidher quddiem Alla bħala bniedem approvat, ħaddiem li m’għandux minn xiex jistħi, billi timmaniġġa sew il-kelma tal-verità.”—2 Tim. 2:15.
8, 9. X’se jgħinna nieħdu s-sens taʼ dak li tgħid il-Bibbja? Agħti eżempju.
8 X’se jgħinna ‘nimmaniġġaw sew il-kelma tal-verità’ fil-ministeru tagħna? Qabel ma nkunu nistgħu ngħidu b’mod ċar lil oħrajn dak li tgħid il-Bibbja, jeħtieġ li nieħdu s-sens tagħha aħna stess. Dan jirrikjedi li noqogħdu attenti għall-kuntest taʼ xi vers jew silta. Skont dizzjunarju wieħed, “il-kuntest taʼ kelma, sentenza, jew vers, jikkonsisti minn kliem, sentenzi, jew versi li jiġu qabel jew wara, u li jgħinu biex it-tifsira tkun ċara.”
9 Biex nifhmu silta mill-Iskrittura b’mod korrett jeħtieġ li nikkunsidraw il-versi taʼ qabel u taʼ wara. L-istqarrija li għamel Pawlu f’Galatin 5:13 turi dan. Hu kiteb: “Naturalment, ħuti, intom kontu msejħin għal-libertà; biss tużawx din il-libertà bħala okkażjoni għal-laħam, imma tjassru għal xulxin permezz taʼ l-imħabba.” Pawlu dwar liema libertà kien qed jitkellem hawnhekk? Kien hu qed jirreferi għal-libertà mid-dnub u l-mewt, mill-jasar għat-twemmin falz, jew minn xi ħaġa oħra? Il-kuntest juri li Pawlu kien qed jitkellem dwar il-libertà li tiġi milli wieħed ikun ‘meħlus mis-saħta tal-Liġi.’ (Gal. 3:13, 19-24; 4:1-5) Hu kien qed jirreferi għal tip ieħor taʼ libertà, il-libertà li kellhom minħabba li segwew lill-Kristu. Dawk li apprezzaw din il-libertà tjassru bi mħabba għal xulxin. Dawk li ma kinux juru mħabba kienu joqogħdu jgħidu bin-nies u jitlewmu.—Gal. 5:15.
10. Biex nifhmu t-tifsira korretta taʼ xi skrittura, x’tip taʼ informazzjoni ġenerali għandna nikkunsidraw, u kif nistgħu niksbuha?
10 Il-kelma “kuntest” għandha tifsira oħra. Kliem ieħor għal “kuntest” jinkludi “sfond, kundizzjonijiet, . . . sitwazzjoni.” Biex nifhmu t-tifsira korretta taʼ xi skrittura għandna nikkunsidraw informazzjoni ġenerali, bħal ngħidu aħna, min kiteb il-ktieb Bibliku u meta, u f’liema ċirkustanzi nkiteb. Huwa wkoll taʼ għajnuna li tkun taf l-iskop għala nkiteb il-ktieb u, jekk ikun possibbli, il-prattiki soċjali, morali, u reliġjużi taʼ dak iż-żmien. a
11. Għal xiex għandna noqogħdu attenti meta nispjegaw l-iskritturi?
11 Biex ‘nimmaniġġaw sew il-kelma tal-verità’ hemm iktar involut milli sempliċement nispjegaw il-veritajiet Skritturali b’mod eżatt. Irridu noqogħdu attenti li ma nużawx il-Bibbja biex inbeżżgħu lin-nies. Għalkemm nistgħu nużaw l-Iskrittura biex niddefendu l-verità, bħalma għamel Ġesù meta kien ittantat mix-Xitan, m’għandniex nużaw il-Bibbja bħala arma biex nattakkaw lin-nies li jisimgħuna. (Dt. 6:16; 8:3; 10:20; Mt. 4:4, 7, 10) Għandna nagħtu kas it-twissija tal-appostlu Pietru: “Qaddsu lill-Kristu bħala Mulej fi qlubkom, u kunu dejjem lesti li tiddefendu ruħkom quddiem kulmin ikun irid raġuni għat-tama li għandkom, imma dan agħmluh bil-ħlewwa u b’rispett profond.”—1 Pt. 3:15.
12, 13. Il-verità tal-Kelma t’Alla twaqqaʼ liema “affarijiet li jkunu stabbiliti fis-sod”? Agħti eżempju.
12 X’tistaʼ twettaq il-verità tal-Kelma t’Alla meta tiġi maniġġata kif jixraq? (Aqra t-2 Korintin 10:4, 5.) Il-verità Skritturali tistaʼ twaqqaʼ “affarijiet li jkunu stabbiliti fis-sod,” jiġifieri, tikxef duttrini foloz, prattiki li jagħmlu l-ħsara, u filosofiji li jirriflettu l-għerf imperfett tal-bniedem. Nistgħu nużaw il-Bibbja biex neliminaw kwalunkwe idea li “tqum kontra l-għarfien dwar Alla.” It-tagħlim tal-Bibbja jistaʼ jintuża biex jgħin lil oħrajn jaġġustaw il-ħsieb tagħhom fi qbil mal-verità.
13 Pereżempju, ejja nieħdu l-każ taʼ mara taʼ 93 sena li tgħix l-Indja. Sa minn ċkunitha kienet mgħallma t-twemmin tar-riinkarnazzjoni. Permezz tal-ittri hi bdiet tistudja l-Bibbja maʼ binha li kien jgħix f’pajjiż ieħor. Malajr aċċettat dak li kienet qed titgħallem dwar Ġeħova u l-wegħdi tiegħu. Madankollu, it-tagħlim tar-riinkarnazzjoni tant kellu għeruq fil-fond f’qalbha li hi ħaqqitha maʼ binha meta kitbilha dwar il-kundizzjoni tal-mejtin. Hi sempliċement ma setgħetx tifhem dan it-tagħlim Bibliku. Hi qalet: “Ir-reliġjonijiet kollha jgħallmu li hemm xi ħaġa fina li hija immortali. Dejjem kont nemmen li l-ġisem imut u li għandna parti inviżibbli li tiġi riinkarnata f’iġsma oħrajn b’mod ripetut għal madwar 8,400,000 darba. Dan kif jistaʼ ma jkunx minnu? Allura l-maġġuranza tar-reliġjonijiet huma ħżiena?” Jistaʼ “s-sejf taʼ l-ispirtu” jwaqqaʼ twemmin stabbilit fis-sod? Wara iktar diskussjonijiet Skritturali fuq dan is-suġġett, ftit ġimgħat wara hi kitbet: “Sa fl-aħħar qed nibda nifhem il-verità dwar il-mewt. Inħossni ferħana li naf li meta jseħħ l-irxoxt inkunu nistgħu niltaqgħu mal-maħbubin mejtin tagħna. Nittama li s-Saltna t’Alla tiġi dalwaqt.”
Uża l-Kelma t’Alla bil-Persważjoni
14. Xi jfisser li nipperswadu lil min jismagħna?
14 Meta nużaw il-Bibbja b’mod effettiv fil-ministeru ma rridux sempliċement nikkwotaw l-iskritturi. Pawlu tkellem bil-persważjoni, u hekk għandna nagħmlu aħna. (Aqra Atti 19:8, 9; 28:23.) Il-kelma “tipperswadi” tfisser “li tirbaħ lil dak li jkun.” L-individwu li jkun ġie perswadut “tant ikun konvint li [hu] jpoġġi l-fiduċja tiegħu f’xi ħaġa.” Meta nipperswadu lil xi ħadd biex jaċċetta xi tagħlim mill-Bibbja, aħna nkunu qed nirbħuh biex b’hekk ipoġġi l-fiduċja tiegħu f’dan it-tagħlim. Biex dan jitwettaq, jeħtieġ li nikkonvinċu lil min jismagħna li dak li nkunu qed ngħidulu hu l-verità. Nistgħu nagħmlu hekk bil-modi li ġejjin.
15. Kif nistgħu niġbdu l-attenzjoni lejn il-Bibbja b’mod li jinbena rispett lejha?
15 Iġbed l-attenzjoni lejn il-Kelma t’Alla b’mod li jinbena rispett lejha. Meta tuża xi skrittura iffoka l-attenzjoni fuq l-importanza li nkunu nafu kif jaħsibha Alla dwar is-suġġett. Wara li tagħmel xi mistoqsija u l-inkwilin iwiġibha, forsi tistaʼ tgħid xi ħaġa hekk, ‘Ejja naraw kif jaħsibha Alla dwar dan is-suġġett.’ Jew forsi tistaqsi, ‘Alla x’jgħid dwar din is-sitwazzjoni?’ Meta tintroduċi xi skrittura b’dan il-mod tkun qed tenfasizza l-fatt li l-Bibbja ġejja minn Alla u dak li jisimgħek jiġi megħjun jibni rispett kbir lejha. Huwa speċjalment importanti li nagħmlu dan meta nagħtu xhieda lil xi ħadd li jemmen b’Alla imma li mhuwiex familjari maʼ dak li tgħallem il-Bibbja.—Salm 19:7-10.
16. X’se jgħinek tispjega l-iskritturi sew?
16 Aqra l-iskritturi iżda tiqafx hemm; spjegahom. Pawlu kellu d-drawwa li l-affarijiet li jgħallem ‘jispjegahom u jagħti prova [tagħhom] permezz tar-referenzi.’ (Atti 17:3) Skrittura spiss ikun fiha iktar minn punt wieħed, u forsi jkollok bżonn tenfasizza espressjoni speċifika li tapplika għal dak li tkun qed tiddiskuti. Dan tistaʼ tagħmlu billi tirripeti kliem li juri liema huma l-punti prinċipali jew billi tistaqsi mistoqsijiet li jgħinu lill-inkwilin jagħrafhom. Imbagħad, spjega t-tifsira taʼ dik il-parti tal-iskrittura. Wara li tkun għamilt dan, għin lill-inkwilin jara kif l-iskrittura tapplika għalih personalment.
17. Kif tistaʼ tirraġuna minn fuq l-Iskrittura b’mod konvinċenti?
17 Irraġuna mill-Iskrittura b’mod konvinċenti. Pawlu kellem lin-nies minn qalbu u uża l-loġika, u b’mod konvinċenti “rraġuna magħhom mill-Iskrittura.” (Atti 17:2, 4) Bħal Pawlu, int ukoll agħmel ħiltek biex tilħaq il-qalb taʼ dawk li jisimgħuk. ‘Tellaʼ’ dak li hemm fil-qalb billi bil-ħlewwa tuża mistoqsijiet li jirriflettu interess persunali fl-individwu. (Prov. 20:5) Evita li tgħidha kif tħossha. Ippreżenta l-argumenti b’mod ċar u loġiku. Dawn għandhom jiġu appoġġati minn evidenza sodisfaċenti. Dak li tgħid għandu jkun ibbażat fis-sod fuq il-Kelma t’Alla. Aħjar tuża skrittura waħda u tużaha sew billi tispjega u toħroġ il-punt, milli taqra xi żewġ skritturi jew tlieta malajr malajr. Meta tuża evidenza li tappoġġa l-punt tistaʼ ‘żżid il-persważjoni lil xofftejk.’ (Prov. 16:23) Xi drabi jkun hemm bżonn tagħmel riċerka u tipprovdi iktar informazzjoni. Il-mara taʼ 93 sena li ssemmiet qabel kellha bżonn tkun taf għala t-tagħlim tar-ruħ (jew spirtu) immortali hu tant popolari. Fehma ċara dwar minn fejn oriġinat id-duttrina u kif saret parti mill-biċċa l-kbira tar-reliġjonijiet tad-dinja kienet essenzjali biex tipperswadiha taċċetta dak li tgħallem il-Bibbja dwar dan is-suġġett. b
Ibqgħu Użaw il-Kelma bis-Sengħa
18, 19. Għala għandna nkomplu nużaw “is-sejf taʼ l-ispirtu” bis-sengħa?
18 Il-Bibbja tgħid: “Ix-xena taʼ din id-dinja qed tinbidel.” Nies mill-agħar jibqgħu sejrin mill-ħażin għall-agħar. (1 Kor. 7:31; 2 Tim. 3:13) Għalhekk, huwa vitali li nkomplu nwaqqgħu “affarijiet li jkunu stabbiliti fis-sod” billi nużaw “is-sejf taʼ l-ispirtu, jiġifieri, il-kelma t’Alla.”
19 Kemm aħna ferħanin li għandna l-Kelma t’Alla, il-Bibbja, u li nużaw il-messaġġ qawwi tagħha biex naqilgħu mill-għeruq it-tagħlim falz u nilħqu lil dawk taʼ qalb onesta! L-ebda ħaġa stabbilita fis-sod mhi iktar qawwija minn dan il-messaġġ. Għalhekk, ejja nagħmlu sforz sinċier ħalli nużaw “is-sejf taʼ l-ispirtu” bis-sengħa fix-xogħol li tana Alla biex inxandru s-Saltna.
[Noti taʼ taħt]
a Għajnuniet eċċellenti biex inkunu nistgħu niksbu informazzjoni dwar il-kotba tal-Bibbja huma l-pubblikazzjonijiet “All Scripture Is Inspired of God and Beneficial,” Insight on the Scriptures, u artikli bħal “Il-Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja,” fit-Torri tal-Għassa.
b Ara l-browxer X’Jiġrilna meta Mmutu? paġni 5-16.
X’Tgħallimt?
• Kemm hi qawwija l-Kelma t’Alla?
• Kif nistgħu ‘nimmaniġġaw sew il-kelma tal-verità’?
• Il-messaġġ tal-Bibbja x’jistaʼ jwettaq dwar “affarijiet li jkunu stabbiliti fis-sod”?
• Kif tistaʼ ttejjeb il-persważjoni tiegħek fil-ministeru?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Kaxxa/Stampa f’paġna 12]
Kif Nużaw il-Kelma t’Alla bil-Persważjoni
▪ Ibni rispett għall-Bibbja
▪ Spjega l-Iskrittura
▪ Irraġuna b’mod konvinċenti sabiex tilħaq il-qalb
[Stampa f’paġna 11]
Trid titgħallem tuża “s-sejf taʼ l-ispirtu” b’mod effettiv