Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Żomm “il-Purità tal-Qalb” f’Dawn iż-Żminijiet Kritiċi

Żomm “il-Purità tal-Qalb” f’Dawn iż-Żminijiet Kritiċi

Żomm “il-​Purità tal-​Qalb” f’Dawn iż-​Żminijiet Kritiċi

“ĦADD ma jistaʼ jiċħad li llum il-​kastità hija problema fil-​Knisja.” Il-​ġurnalista Kattoliku Vittorio Messori għamel din l-​osservazzjoni dwar l-​iskandli tas-​sess li dan l-​aħħar involvew lill-​Knisja fl-​Italja. “U ma tistax tiġi solvuta billi jitneħħa ċ-​ċelibat tal-​kleru għaliex 80 fil-​mija mill-​każi jinvolvu l-​omosesswali—każi taʼ devjazzjoni sesswali mill-​qassisin li jabbużaw mill-​irġiel u mis-​subien.”—La Stampa.

Bla dubju, il-​ħażen bla kontroll huwa sinjal taʼ dawn “l-​aħħar jiem” taʼ din is-​sistema dinjija. (2 Tim. 3:1-​5) Bħalma juru r-​rapporti tal-​aħbarijiet, it-​taħsir morali li dan il-​ħażen ġab miegħu għandu influwenza negattiva mhux biss fuq in-​nies inġenerali imma wkoll fuq dawk li jsostnu li huma rġiel t’Alla. Qalbhom, li hi korrotta u mhix safja, tqanqalhom biex jagħmlu atti immorali. (Efes. 2:2) Mhux taʼ b’xejn li Ġesù wissa li “mill-​qalb joħorġu rraġunar ħażin, qtil, adulterju, żína, serq, xiehda falza, u dagħa.” (Mt. 15:19) Madankollu, Alla Ġeħova jixtieq li l-​qaddejja tiegħu jħobbu “l-​purità tal-​qalb.” (Prov. 22:11) Għalhekk, Kristjan kif jistaʼ jżomm qalb safja, jew pura, f’dawn iż-​żminijiet kritiċi?

Xi Jfisser li Tkun ‘Qalbek Safja’

Fil-​Bibbja, il-​kelma “qalb” spiss tintuża f’sens simboliku. Skont xogħol taʼ referenza, il-​kelma Biblika għall-​qalb tindika “l-​iktar parti ġewwinija taʼ bniedem” u l-​parti mill-​bniedem li hi importanti għal Alla, li fiha tiġi stabbilita r-​relazzjoni taʼ dak li jkun m’Alla, u li tiddetermina l-​kondotta morali. Il-​qalb tirrappreżenta dak li aħna tassew minn ġewwa. Bħalma tenfasizza r-​referenza li semmejna hawn fuq hija l-​qalb li jeżamina Ġeħova u li japprezza fil-​qaddejja tiegħu.—1 Pt. 3:4.

Fil-​Bibbja, il-​kliem “safa” u “ndafa” jistaʼ jindika dak li hu nadif f’sens fiżiku. Imma l-​kliem jiġi applikat ukoll għal dak li mhux kontaminat—mhux imħallat, maħmuġ, jew korrott—f’sens morali u reliġjuż. Fil-​Prietka taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù ddikjara: “Henjin dawk taʼ qalbhom safja.” Hu kien qed jirreferi għal dawk li, fil-​fatt, huma nodfa minn ġewwa. (Mt. 5:8) L-​affezzjonijiet, ix-​xewqat, u l-​motivi tagħhom huma safjin. Motivati mill-​imħabba u mill-​gratitudni, huma jħobbu lil Ġeħova b’qalbhom kollha, bis-​sinċerità, mingħajr ipokrisija. (Lq. 10:27) Int trid tkun safi f’dan is-​sens, hux hekk?

L-​IsfidaLi Tibqaʼ ‘Qalbek Safja’

Qaddej taʼ Ġeħova m’għandux ikollu biss “idejh innoċenti” imma wkoll “qalbu nadifa.” (Salm 24:3, 4) Madankollu, illum qed isir dejjem iktar taʼ sfida għall-​qaddejja t’Alla li jibqgħu ‘qalbhom nadifa.’ Satana u d-​dinja li qiegħda taħt il-​ħakma tiegħu, kif ukoll il-​ġisem imperfett tagħna, jagħmlulna pressjoni qawwija biex ibegħduna minn Ġeħova. Biex nirreżistu dawn il-​pressjonijiet, huwa importanti ferm li nħobbu “l-​purità tal-​qalb” u li nżommu qabda soda magħha. Dan se jħarisna u jgħinna nkomplu nkunu l-​ħbieb t’Alla. Kif nistgħu nżommu qalb safja?

F’Ebrej 3:12 insibu t-​twissija: “Attenti, ħuti, li ma tmurx tiżviluppa f’xi ħadd minnkom qalb mill-​agħar li tkun nieqsa mill-​fidi u titbiegħdu mill-​Alla l-​ħaj.” Ma nistgħux nibqgħu ‘qalbna safja’ jekk niżviluppaw qalb “nieqsa mill-​fidi.” Satana x-​Xitan liema ideat xerred biex idgħajjef il-​fidi f’Alla? Dawn jinkludu t-​teorija tal-​evoluzzjoni, l-​idea li ma jeżisti ebda livell veru taʼ x’inhu tajjeb jew ħażin, u d-​dubju dwar l-​ispirazzjoni divina tal-​Iskrittura Mqaddsa. M’għandniex inħallu lilna nfusna niġu effettwati minn ħsibijiet perikolużi bħal dawn. (Kol. 2:8) Il-​qari tal-​Bibbja kuljum u l-​meditazzjoni profonda huma difiżi ewlenin kontra dawn l-​attakki. Għarfien eżatt dwar il-​Kelma t’Alla se jsaħħilna l-​imħabba għal Ġeħova u l-​apprezzament tagħna għall-​mod kif jittratta lin-​nies. Imħabba u apprezzament bħal dawn huma indispensabbli jekk irridu niċħdu rraġunar falz u nżommu l-​fidi tagħna f’Ġeħova b’saħħitha sabiex inkunu nistgħu nżommu qalb safja.—1 Tim. 1:3-​5.

Meta Niffaċċjaw ix-​Xewqat tal-​Laħam

Tip ieħor taʼ attakk li għandna mnejn niffaċċjaw meta nipprovaw inżommu “l-​purità tal-​qalb” jinvolvi xewqat tal-​laħam u xewqat materjalistiċi. (1 Ġw. 2:15, 16) L-​imħabba għall-​flus jew ix-​xewqa li ngeddsu r-​rikkezzi u li jkollna affarijiet materjali tistaʼ tikkorrompi lill-​qalb. Dan iwassal lil Kristjan biex jagħmel affarijiet li huma kontra r-​rieda t’Alla. Xi wħud saru diżonesti fuq ix-​xogħol, qarrqu b’oħrajn, jew saħansitra serqu flus jew oġġetti li ma kinux tagħhom.—1 Tim. 6:9, 10.

Mill-​banda l-​oħra, billi nikkultivaw biżaʼ bnin li ma nogħġbux lil Ġeħova, inħobbu l-​ġustizzja, u nkunu determinati li jkollna kuxjenza tajba, nuru li nħobbu “l-​purità tal-​qalb.” Din l-​imħabba tqanqalna biex inkomplu “nġibu ruħna bl-​onestà f’kollox.” (Ebr. 13:18) Meta naġixxu b’mod rett, l-​onestà tistaʼ tirriżulta f’xhieda tajba. Emilio, Xhud Taljan li jaħdem bħala xufier għal kumpanija taʼ trasport pubbliku, sab kartiera li kien fiha 470 ewro. Sħabu tax-​xogħol baqgħu skantati meta hu ta l-​kartiera lill-​imgħallem tiegħu, li iktar tard ta l-​kartiera lil dak li kien tilifha. Xi wħud minn sħab Emilio tant impressjonaw ruħhom b’dak li għamel li wrew interess fil-​Bibbja u bdew jistudjaw. Minħabba f’hekk, sebaʼ individwi minn żewġ familji aċċettaw il-​verità. Iva, imġiba onesta li tiġi minn qalb safja tassew tistaʼ tqanqal lil oħrajn biex ifaħħru lil Alla.—Titu 2:10.

Xi ħaġa oħra li jistaʼ jkollha influwenza negattiva fuq is-​safa taʼ qalb Kristjan hija ħarsa mgħawġa u immorali lejn is-​sess. Il-​fatt li relazzjonijiet qabel iż-​żwieġ, barra ż-​żwieġ, u omosesswali jitqiesu li huma normali minn ħafna jistaʼ jikkorrompi lill-​qalb taʼ Kristjan. Wieħed li jċedi għall-​immoralità sesswali jistaʼ b’ipokrisija jgħix ħajja doppja, billi jaħbi d-​dnub. Dan żgur li ma jirriflettix “il-​purità tal-​qalb.”

Gabriele tgħammed meta kellu 15-​il sena u mill-​ewwel beda jaqdi bħala pijunier. Madankollu, iktar tard beda jqattaʼ xi ħin maʼ kumpanija ħażina fid-​diskoteki. (Salm 26:4) Dan kien il-​bidu taʼ ħajja immorali u ipokrita, u kellu jiġi maqtugħ mis-​sħubija mill-​kongregazzjoni Kristjana. Dixxiplina bħal din minn Ġeħova ġegħlitu jaħseb bis-​serjetà. Gabriele jiftakar: “Bdejt nagħmel l-​affarijiet kollha li qabel qatt ma kont ħadthom bis-​serjetà. Qrajt il-​Bibbja kuljum, u pprovajt nifhem dak li kien qed jgħid tassew Ġeħova, u studjat bir-​reqqa l-​pubblikazzjonijiet teokratiċi. Rajt kemm jistaʼ jkun premjanti u sodisfaċenti l-​istudju persunali u kemm isaħħuk il-​qari tal-​Bibbja u t-​talb ħerqan.” Dan għen lil Gabriele jabbanduna l-​kondotta immorali tiegħu u jerġaʼ jistabbilixxi r-​relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova.

Issa Gabriele qed jerġaʼ jaqdi bħala pijunier, flimkien maʼ martu. Dak li ġralu jikkonferma kif studju tal-​Bibbja u taʼ pubblikazzjonijiet mill-​“ilsir leali u għaqli” jistaʼ jgħin lil dak li jkun biex ikollu qalb safja u jiċħad l-​immoralità.—Mt. 24:45; Salm 143:10.

“Il-​Purità tal-​Qalb” fil-​Provi

Il-​pressjoni minn dawk li jopponuna, it-​tbatija ekonomika, u l-​mard serju skuraġġew lil xi wħud mill-​qaddejja t’Alla. Kultant qalbhom ukoll ġiet effettwata b’mod negattiv. Anki s-​Sultan David għadda minn esperjenza bħal din: “L-​ispirtu tiegħi nfena fija; ġo fija qalbi mtarrxa.” (Salm 143:4) X’għenu jegħleb mumenti bħal dawn? David ftakar fil-​mod kif Alla ttratta mal-​qaddejja Tiegħu u kif hu nnifsu kien esperjenza l-​ħelsien. Hu mmedita dwar dak li kien għamel Ġeħova għan-​nom taʼ Ismu l-​kbir. David baqaʼ jikkunsidra l-​għemejjel t’Alla. (Salm 143:5) B’mod simili, il-​meditazzjoni dwar il-​Ħallieq tagħna u dwar dak kollu li għamel u jkompli jagħmel għalina tgħinna saħansitra meta nkunu għaddejjin mill-​provi.

Meta niġu trattati ħażin jew inħossu li ġejna trattati ħażin, nistgħu nimtlew bl-​imrar. Il-​fatt li l-​ħin kollu naħsbu dwar dak li ġara jistaʼ jirriżulta f’li jkollna sentimenti negattivi dwar ħutna. Nistgħu ningħalqu fina nfusna, billi niżolaw ruħna u ma tantx nuru interess f’oħrajn. Madankollu, se tkun reazzjoni bħal din fi qbil max-​xewqa tagħna li jkollna “l-​purità tal-​qalb”? Jidher ċar li l-​mira li jkollna kundizzjoni tal-​qalb bħal din tinvolvi l-​mod kif naġixxu maʼ ħutna l-​Kristjani, u kif nirreaġixxu jekk ikun hemm nuqqas taʼ qbil.

F’dinja li qed issir iktar u iktar korrotta u baxxa moralment, aħna bħala Kristjani veri nispikkaw għaliex inħobbu “l-​purità tal-​qalb.” Ħajjitna tiġi influwenzata b’mod pożittiv hekk kif nesperjenzaw il-​paċi ġewwinija li tirriżulta milli nagħmlu r-​rieda t’Alla. Fuq kollox, ingawdu ħbiberija intima mal-​Ħallieq tagħna, Alla Ġeħova, li jħobb lil dawk li “għandhom qalbhom nadifa.” (Salm 73:1) Iva, nistgħu niġu inklużi fost dawk li se jkunu henjin għaliex bħalma wiegħed Ġesù, “għad jaraw lil Alla,” hekk kif Hu jaġixxi għan-​nom taʼ dawk li jħobbu “l-​purità tal-​qalb.”—Mt. 5:8.