Imxi bl-Ispirtu u Għix fi Qbil mad-Dedikazzjoni Tiegħek
Imxi bl-Ispirtu u Għix fi Qbil mad-Dedikazzjoni Tiegħek
“Ibqgħu mexjin bl-ispirtu u ma twettqu assolutament l-ebda xewqa tal-laħam.”—GAL. 5:16.
1. Liema magħmudijiet seħħew f’jum Pentekoste?
F’JUM Pentekoste tas-sena 33 E.K., is-segwaċi taʼ Ġesù tkellmu bl-ilsna wara li kienu ġew mgħammdin bl-ispirtu qaddis. Huma kienu qed juru l-għotja mirakoluża tal-ispirtu. (1 Kor. 12:4-10) X’effett ħallew din l-għotja, u t-taħdita li għamel l-appostlu Pietru? Lil ħafna nies dan “nifdilhom qalbhom.” It-tħeġġiġ taʼ Pietru qanqalhom jindmu u jitgħammdu. Ir-rakkont storiku jgħid: “Dawk li laqgħu l-kelma tiegħu mill-qalb tgħammdu, u dakinhar żdiedu madwar tlett elef ruħ.” (Atti 2:22, 36-41) Bħalma kien ordna Ġesù, huma kellhom jitgħammdu fl-ilma fl-isem tal-Missier, tal-Iben, u tal-ispirtu qaddis.—Mt. 28:19.
2, 3. (a) Spjega d-differenza bejn il-magħmudija bl-ispirtu qaddis u l-magħmudija fl-isem tal-ispirtu qaddis. (b) Dawk kollha li jsiru Kristjani veri llum għala hu mistenni minnhom li jitgħammdu fl-ilma?
2 Madankollu, hemm xi differenza bejn il-magħmudija bl-ispirtu qaddis u l-magħmudija fl-isem tal-ispirtu qaddis? Iva hemm. Dawk li jitgħammdu bl-ispirtu qaddis jitwieldu mill-ġdid bħala wlied Alla mnisslin mill-ispirtu. (Ġw. 3:3) Huma midlukin biex fil-futur ikunu slaten bi sħab u sotto-qassisin fis-Saltna t’Alla fis-sema, u huma parti mill-ġisem spiritwali taʼ Kristu. (1 Kor. 12:13; Gal. 3:27; Riv. 20:6) Għalhekk, din il-magħmudija, jiġifieri, bl-ispirtu qaddis, kienet il-magħmudija li wettaq Ġeħova meta, mill-jum taʼ Pentekoste ’l quddiem, għażel xi individwi biex isiru werrieta bi sħab maʼ Kristu. (Rum. 8:15-17) Imma xi ngħidu għall-magħmudija fl-ilma fl-isem tal-ispirtu qaddis, xi ħaġa li ssir regolarment fl-assembleat u l-konvenzjonijiet tan-nies taʼ Ġeħova fi żmienna?
3 Il-magħmudija fl-ilma hija pass li jieħdu l-Kristjani veri bħala simbolu tad-dedikazzjoni bla riserva tagħhom lil Alla Ġeħova. Dan hu minnu dwar dawk li għandhom is-sejħa għas-sema. Imma l-magħmudija fl-ilma hija wkoll pass neċessarju għal miljuni taʼ rġiel u nisa fi żmienna li issa għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem fuq l-art. Hi x’inhi t-tama taʼ dak li jkun, il-magħmudija fl-ilma fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-ispirtu qaddis hija pass neċessarju li wieħed għandu jieħu biex ikun aċċettabbli għal Alla. Il-Kristjani kollha li jitgħammdu b’dan il-mod hu mistenni minnhom li ‘jibqgħu mexjin bl-ispirtu.’ (Aqra Galatin 5:16.) Qiegħed int timxi bl-ispirtu biex tgħix fi qbil mad-dedikazzjoni tiegħek?
Xi Jfisser li ‘Timxi bl-Ispirtu’?
4. Bażikament, xi jfisser li ‘timxi bl-ispirtu’?
4 Li ‘timxi bl-ispirtu’ jinvolvi li tħalli l-ispirtu qaddis jaħdem fik, u b’hekk tħalli l-ispirtu qaddis jinfluwenzak. Fi kliem ieħor, dan ifisser li tkun immexxi mill-ispirtu qaddis fl-attivitajiet tiegħek taʼ kuljum. Galatin kapitlu 5 juri x’kuntrast hemm bejn li tkun influwenzat mill-ispirtu qaddis u li tkun influwenzat mix-xewqat tal-laħam.—Aqra Galatin 5:17, 18.
5. Biex tkun influwenzat mill-ispirtu qaddis minn liema għemejjel trid iżżomm lura?
5 Jekk qed tiġi influwenzat mill-ispirtu qaddis, int tipprova żżomm lura mix-xewqat tal-laħam. Dawn jinkludu affarijiet bħaż-“żína, in-nuqqas taʼ ndafa, il-kondotta laxka, l-idolatrija, l-ipprattikar taʼ l-ispiritiżmu, il-mibegħda, il-ġlied, l-għira, l-għadab, it-tilwim, il-firda, is-setet, l-invidja, is-sokor, ix-xalar.” (Gal. 5:19-21) F’ċertu sens, int ‘bl-ispirtu tagħti l-mewt lid-drawwiet tal-ġisem.’ (Rum. 8:5, 13) Dan se jgħinek tkun moħħok fl-affarijiet tal-ispirtu u taħdem fi qbil mat-tmexxija tiegħu, u mhux tħalli lilek innifsek tiġi kontrollat mix-xewqat tal-laħam.
6. Agħti eżempju taʼ x’hemm bżonn biex turi l-frott tal-ispirtu.
6 Hekk kif l-ispirtu qaddis jibda jaħdem fik tibda turi kwalitajiet li jogħġbu lil Alla, jiġifieri, “il-frott taʼ l-ispirtu.” (Gal. 5:22, 23) Iżda, int tirrealizza li hemm bżonn taʼ sforz min-naħa tiegħek. Biex nagħtu eżempju: Bidwi jikkultiva l-art. M’għandniex xi ngħidu, ix-xemx u l-ilma huma neċessarji; mingħajrhom ma jistax jistenna li jkollu l-ħsad. Aħna nistgħu nqabblu l-ispirtu qaddis max-xemx. Ilkoll neħtieġu l-ispirtu qaddis biex nuru l-frott tal-ispirtu. Iżda, ma jistaʼ jkun hemm ebda frott mingħajr ix-xogħol iebes tal-bidwi. (Prov. 10:4) Kif tikkultiva l-ħamrija figurattiva taʼ qalbek jagħmel differenza fil-kwalità tal-frott tal-ispirtu ġo fik. Għalhekk, staqsi lilek innifsek, ‘Qiegħed jien nippermetti lill-ispirtu qaddis jipproduċi l-frott tiegħu billi naħdem fi qbil miegħu?’
7. L-istudju u l-meditazzjoni għala huma daqshekk importanti jekk trid tikkultiva l-frott tal-ispirtu?
7 Biex ikollhom ħsad tajjeb, il-bdiewa jeħtieġ ukoll li jsaqqu l-uċuħ tar-rabaʼ tagħhom. Sabiex tikkultiva l-frott tal-ispirtu int teħtieġ l-ilmijiet tal-verità li jinsabu fil-Bibbja u li huma disponibbli permezz tal-kongregazzjoni Kristjana llum. (Is. 55:1) Int x’aktarx li għedt lil ħafna nies li l-Iskrittura Mqaddsa nkitbet permezz tal-ispirtu qaddis. (2 Tim. 3:16) Barra minn hekk, il-klassi tal-ilsir leali u għaqli tipprovdi l-fehma li tant għandna bżonn dwar l-ilmijiet safjin tal-verità Biblika. (Mt. 24:45-47) It-tifsira hija ċara. Sabiex niġu influwenzati mill-ispirtu qaddis irridu naqraw u nimmeditaw fuq il-Kelma t’Alla. Jekk qed tagħmel dan, int qed timita l-eżempji mill-aqwa tal-profeti li għamlu “stħarriġ bil-għaqal u tfittxija bir-reqqa” dwar l-informazzjoni li ġiet provduta. Taʼ min jinnota li anki l-anġli wrew interess profond fil-veritajiet spiritwali rigward iż-Żerriegħa mwiegħda u dwar il-kongregazzjoni Kristjana midluka.—Aqra l-1 Pietru 1:10-12.
Influwenzat mill-Ispirtu—Kif?
8. Għala hu vitali li titlob lil Ġeħova jagħtik l-ispirtu tiegħu?
8 Mhijiex kwistjoni taʼ li sempliċement tistudja u timmedita fuq l-Iskrittura. Għandek bżonn tibqaʼ titlob għall-għajnuna u l-gwida taʼ Ġeħova. Hu jistaʼ “jagħmel bil-wisq iżjed minn dak kollu li nitolbu jew naħsbu.” (Efes. 3:20; Lq. 11:13) Iżda kif twieġeb kieku xi ħadd kellu jistaqsik, “Għalfejn għandi nibqaʼ nitlob lil Alla, jekk hu diġà jkun jaf ‘x’neħtieġ saħansitra qabel ma nitolbu’?” (Mt. 6:8) Mela, billi titlob għall-ispirtu qaddis int tagħraf li trid tistrieħ fuq Ġeħova. Pereżempju, kieku xi ħadd kellu jiġi jitolbok l-għajnuna, int tagħmel kulma tistaʼ biex tgħinu. Waħda mir-raġunijiet għala tkun trid tgħinu hi għax hu jkun wera fiduċja fik billi talbek l-għajnuna. (Qabbel Proverbji 3:27.) Bl-istess mod, Ġeħova jieħu gost meta titolbu jagħtik l-ispirtu tiegħu, u hu jagħtihulek.—Prov. 15:8.
9. L-attendenza għal-laqgħat Kristjani kif tistaʼ tgħinek tkun influwenzat mill-ispirtu t’Alla?
9 Tajjeb tkun taf li mod ieħor kif tkun influwenzat mill-ispirtu t’Alla hu permezz tal-laqgħat, l-assembleat, u l-konvenzjonijiet li jkollna. Huwa importanti ħafna li tagħmel sforz biex tattendi u toqgħod attent għal dak li jingħad. Meta tagħmel hekk, tiġi megħjun tifhem “l-affarijiet profondi t’Alla.” (1 Kor. 2:10) Hemm ukoll benefiċċji meta tikkummenta regolarment. Aħseb ftit dwar il-laqgħat li attendejt f’dawn l-aħħar erbaʼ ġimgħat. Kemm-il darba għollejt idek biex twieġeb ħalli tesprimi l-fidi tiegħek? Għandek bżonn titjieb f’dan l-aspett? Jekk iva, iddeċiedi x’tistaʼ tagħmel fil-ġimgħat li ġejjin. Ġeħova se jara kemm int lest li tieħu sehem u se jipprovdi l-ispirtu tiegħu li se jgħinek tibbenefika saħansitra iktar mil-laqgħat li tattendi.
10. Liema stedina jeħtieġ nagħmlu lil oħrajn jekk irridu nimxu bl-ispirtu?
10 Li nimxu bl-ispirtu jinkludi li naċċettaw l-istedina li naqraw f’Rivelazzjoni 22:17: “L-ispirtu u l-għarusa jibqgħu jgħidu: ‘Ejja!’ U kulmin jismaʼ ħa jgħid: ‘Ejja!’ U kulmin hu bil-għatx ħa jiġi; u kulmin jixtieq ħa jieħu l-ilma tal-ħajja b’xejn.” L-ispirtu, li qed jaħdem permezz tal-klassi tal-għarusa midluka, qed jagħmel l-istedina rigward l-ilma tal-ħajja. Jekk int wiġibt għas-sejħa “ejja!”, determinat int li tgħid “Ejja!”? Xi privileġġ hu li tistaʼ tieħu sehem f’dan ix-xogħol li jsalva l-ħajjiet!
11, 12. L-ispirtu qaddis kif inhu involut fix-xogħol tal-ippritkar?
11 Dan ix-xogħol vitali issa qed jitwettaq permezz tal-gwida tal-ispirtu qaddis. Aħna naqraw dwar kif l-ispirtu qaddis kien involut fl-ewwel seklu sabiex jinfetħu territorji ġodda għall-missjunarji. Lill-appostlu Pawlu u lil sħabu “l-ispirtu qaddis ma ħallihomx ixandru l-kelma fid-distrett taʼ l-Asja”; lanqas ma ħalliehom imorru l-Bitinja. Ma nafux eżatt kif l-ispirtu żammhom milli jmorru f’dawn il-postijiet, madankollu jidher ċar li l-ispirtu mexxa lil Pawlu lejn it-territorju vast tal-Ewropa. Hu kellu viżjoni dwar raġel Maċedonjan li beda jitlob l-għajnuna bil-ħrara.—Atti 16:6-10.
12 Bl-istess mod, illum l-ispirtu taʼ Ġeħova qed jidderieġi l-ippritkar madwar id-dinja. Mhux qed jintużaw xi viżjonijiet mirakolużi biex tingħata direzzjoni; minflok, Ġeħova jiggwida lill-midlukin permezz tal-ispirtu qaddis. U l-ispirtu jqanqal lill-aħwa rġiel u nisa biex jagħmlu dak kollu li jistgħu ħalli jippritkaw u jgħallmu. Int bla dubju qed tieħu sehem f’dan ix-xogħol vitali. Tistaʼ int iżżid il-ferħ tiegħek f’din l-attività eċċitanti?
13. Kif tistaʼ tissottometti ruħek għad-direzzjoni tal-ispirtu qaddis? Agħti eżempju.
13 Int tistaʼ tissottometti ruħek għad-direzzjoni tal-ispirtu qaddis billi tapplika l-informazzjoni provduta lin-nies t’Alla. Ikkunsidra lil Mihoko, żagħżugħa mill-Ġappun. Peress li kienet għadha kif bdiet taqdi bħala pijuniera, ma ħassithiex kwalifikata biex tagħmel żjajjar lura; ħasset li ma kinitx taf titkellem b’mod li tqanqal l-interess tal-inkwilin. Dik il-ħabta, fil-Ministeru tas-Saltna ġew provduti suġġerimenti prattiċi dwar kif isiru żjajjar lura li ma jiħdux ħafna ħin. Imbagħad ġie pubblikat il-browxer A Satisfying Life—How to Attain It (Ħajja li Tissodisfak—Kif Takkwistaha). Dan wera li kien utli speċjalment fit-territorju tan-nies li jitkellmu bil-Ġappuniż. Mihoko applikat is-suġġerimenti mogħtijin dwar kif tistaʼ tuża l-browxer, speċjalment dwar kif isiru żjajjar lura li ma jiħdux ħafna ħin. F’qasir żmien bdiet studji tal-Bibbja maʼ dawk li qabel forsi ma kinux aċċettaw studju. Hi tgħid, “tant kelli studji—saħansitra 12 f’daqqa—li kelli nitlob lil xi wħud minnhom jistennew sakemm stajt nibda studju magħhom!” Tabilħaqq, meta timxi bl-ispirtu billi tapplika d-direzzjoni li jagħti Ġeħova lill-qaddejja tiegħu, int tkun tistaʼ taħsad bil-kotra.
Strieħ fuq l-Ispirtu t’Alla
14, 15. (a) Kif inhu possibbli li l-bnedmin imperfetti jgħixu fi qbil mad-dedikazzjoni tagħhom? (b) Kif tistaʼ ssib l-aqwa ħbieb?
14 Bħala ministru ordnat int għandek ministeru xi twettaq. (Rum. 10:14) Forsi ma tħossokx kwalifikat biżżejjed biex terfaʼ responsabbiltà bħal din. Imma, bħal fil-każ tal-midlukin, hu Alla li jikkwalifikak. (Aqra t-2 Korintin 3:5.) Int tistaʼ tgħix fi qbil mad-dedikazzjoni tiegħek billi tagħmel l-almu tiegħek u tistrieħ fuq l-ispirtu t’Alla.
15 Veru, mhuwiex faċli għalina l-bnedmin imperfetti li ngħixu fi qbil mad-dedikazzjoni tagħna lil Ġeħova, l-Alla tagħna li hu perfett. Intopp wieħed hu li xi wħud li kont tagħmilha magħhom qabel jistgħu ma jifhmux il-mod taʼ ħajja li qed tgħix issa, u forsi ‘jibdew jgħajruk.’ (1 Pt. 4:4) Iżda, tinjorax il-fatt li minn dak iż-żmien ’l hawn int għamilt ħbieb ġodda. L-iktar ħbieb importanti fosthom huma Ġeħova u Ġesù Kristu. (Aqra Ġakbu 2:21-23.) Huwa vitali wkoll li ssir taf lill-aħwa fil-kongregazzjoni tiegħek, li jagħmlu parti mill-“fratellanza kollha” madwar id-dinja. (1 Pt. 2:17; Prov. 17:17) Ġeħova, permezz tal-ispirtu tiegħu, se jgħinek biex ikollok ħbieb li jibqgħu jinfluwenzawk b’mod tajjeb.
16. Int għala, bħal Pawlu, tistaʼ ‘titgħaxxaq bid-dgħjufijiet’?
16 Anki jekk fil-kongregazzjoni jkollok ħbieb madwarek li jkunu lesti li jgħinuk, xorta waħda tistaʼ ssibha diffiċli biex tkampa mal-isfidi taʼ kuljum. Xi kultant, dak li jkollok tħabbat wiċċek miegħu jistaʼ jġiegħlek tħossok mitluf, bħallikieku tinsab f’baħar taʼ inkwiet. Huwa speċjalment f’dan iż-żmien li għandek iddur lejn Ġeħova u titolbu jagħtik l-ispirtu qaddis tiegħu. L-appostlu Pawlu kiteb: “Meta nkun dgħajjef, inkun setgħan.” (Aqra t-2 Korintin 4:7-10; 12:10.) Pawlu kien jaf li l-ispirtu t’Alla jistaʼ jagħmel tajjeb għad-dgħufijiet umani, huma x’inhuma. B’hekk, il-forza attiva t’Alla tistaʼ ssaħħek kull meta tħossok dgħajjef u jkollok bżonn l-għajnuna. Pawlu kiteb li setaʼ ‘jitgħaxxaq bid-dgħjufijiet.’ Kien proprju meta kien dgħajjef li ħass l-ispirtu qaddis jaħdem fuqu. Anki int tistaʼ tesperjenzah dan!—Rum. 15:13.
17. L-ispirtu qaddis kif jistaʼ jgħinek fi triqtek lejn id-destinazzjoni tiegħek?
17 Aħna għandna bżonn l-ispirtu t’Alla sabiex ngħixu ħajja dedikata lilu. Immaġina li int it-tmunier taʼ dgħajsa tal-qlugħ. Il-mira tiegħek hi li taqdi lil Ġeħova għal dejjem. L-ispirtu qaddis hu bħal riħ in poppa li jgħinek tasal fid-destinazzjoni tiegħek qawwi u sħiħ. Ma tridx li tiġi mitfugħ ’l hemm u ’l hawn mill-ispirtu tad-dinja taʼ Satana. (1 Kor. 2:12) Int trid tagħraf ir-riħ in poppa u tħallih imexxik. Dan ir-riħ jirrappreżenta l-ispirtu qaddis li jmexxik fid-direzzjoni t-tajba permezz tal-Kelma t’Alla u l-organizzazzjoni tiegħu mmexxija mill-ispirtu.
18. X’inhi d-determinazzjoni tiegħek issa, u għala?
18 Jekk ilek tistudja max-Xhieda taʼ Ġeħova, u b’hekk qed tgawdi sħubija spiritwali magħhom, imma għadek ma ħadtx il-passi vitali tad-dedikazzjoni u l-magħmudija, staqsi lilek innifsek, ‘Għala għandi noqgħod nittratieni?’ Jekk tagħraf x’inhu l-irwol tal-ispirtu qaddis f’li jwettaq ir-rieda taʼ Ġeħova llum u tapprezza l-mod kif jaħdem, ħu l-passi li taf li huma tajbin. Ġeħova se jbierkek bil-kbir. Hu se jipprovdilek l-ispirtu tiegħu b’mod abbundanti. Sew jekk tgħammidt ftit tas-snin ilu u sew jekk għaxriet taʼ snin ilu, żgur li esperjenzajt kemm l-ispirtu qaddis kellu influwenza fuqek. Int rajt kif ukoll ħassejt kif Alla jistaʼ jsaħħek bl-ispirtu tiegħu. Dan tistaʼ tkompli tesperjenzah saħansitra fil-futur bla tmiem. Għalhekk, kun determinat li tibqaʼ miexi bl-ispirtu qaddis.
Tiftakar Int?
• Xi jfisser li ‘timxi bl-ispirtu’?
• X’jistaʼ jgħinek ‘tibqaʼ miexi bl-ispirtu’?
• Kif tistaʼ tgħix fi qbil mad-dedikazzjoni tiegħek?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 15]
Jeħtieġ sforz biex tikkultiva l-ħamrija figurattiva taʼ qalbek
[Stampi f’paġna 16, 17]
Qiegħed int tiġi influwenzat mill-ispirtu t’Alla?