Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Merħla Waħda, Ragħaj Wieħed

Merħla Waħda, Ragħaj Wieħed

Merħla Waħda, Ragħaj Wieħed

“Intom li ġejtu warajja toqogħdu wkoll bil-​qiegħda fuq tnax-​il tron, tiġġudikaw lit-​tnax-​il tribù taʼ Israel.”—MT. 19:28.

1. Ġeħova kif ittratta mad-​dixxendenti taʼ Abraham, u dan għala ma jfissirx li injora għalkollox in-​nies l-​oħrajn kollha?

 ĠEĦOVA ħabb lil Abraham, u għalhekk Hu wera mħabba leali mad-​dixxendenti taʼ Abraham. Għal iktar minn 15-​il seklu, ħares lejn il-​ġens taʼ Israel, li kien dixxendent taʼ Abraham, bħala l-​poplu magħżul tiegħu, il-​“proprjetà speċjali” tiegħu. (Aqra Dewteronomju 7:6.) Kien ifisser dan li Ġeħova injora għalkollox in-​nies taʼ ġnus oħrajn? Le. Matul dak iż-​żmien, dawk li ma kinux Israelin u li xtaqu jqimu lil Ġeħova setgħu jingħaqdu mal-​ġens speċjali tiegħu. Dawn l-​uħud li kkonvertew, jew proseliti, tqiesu bħala parti mill-​ġens. Kellhom jiġu trattati bħala aħwa. (Lev. 19:33, 34) U kellhom jobdu l-​liġijiet kollha taʼ Ġeħova.—Lev. 24:22.

2. Liema stqarrija allarmanti għamel Ġesù, u liema mistoqsijiet tqajjem?

2 Madankollu, Ġesù għamel din l-​istqarrija allarmanti lil-​Lhud taʼ żmienu: “Is-​saltna t’Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħti l-​frott minnha.” (Mt. 21:43) Min kien se jifforma dan il-​ġens il-​ġdid, u llum aħna kif niġu effettwati minn din il-​bidla?

Il-​Ġens il-​Ġdid

3, 4. (a) L-​appostlu Pietru kif identifika l-​ġens il-​ġdid? (b) Min jifforma dan il-​ġens il-​ġdid?

3 L-​appostlu Pietru identifika b’mod ċar dan il-​ġens il-​ġdid. Lill-​Kristjani sħabu kitbilhom dan li ġej: “Intom ‘razza magħżula, saċerdozju rjali, ġens qaddis, poplu miksub bħala proprjetà speċjali, sabiex ixxandru ma’ kullimkien il-​kwalitajiet eċċellenti’ taʼ dak li sejħilkom mid-​dlam għal ġod-​dawl tiegħu taʼ l-​għaġeb.” (1 Pt. 2:9) Bħalma kien imbassar, il-​Lhud naturali li aċċettaw lil Ġesù bħala l-​Messija kienu l-​ewwel membri taʼ dak il-​ġens il-​ġdid. (Dan. 9:27a; Mt. 10:6) Iktar tard, ħafna wħud li ma kinux Israelin ġew inklużi wkoll maʼ dan il-​ġens, għax Pietru kompla biex jgħid: “Darba ma kontux poplu, imma issa l-​poplu t’Alla.”—1 Pt. 2:10.

4 Hawnhekk Pietru lil min kien qed ikellem? Fil-​bidu tal-​ittra tiegħu jgħid: “[Alla] wilidna mill-​ġdid għal tama ħajja permezz taʼ l-​irxoxt taʼ Ġesù Kristu mill-​imwiet, għal wirt li ma jitħassarx u ma jitniġġisx u ma jispiċċax. Dan hu merfugħ fis-​smewwiet għalikom.” (1 Pt. 1:3, 4) Għalhekk, dan il-​ġens il-​ġdid hu magħmul minn Kristjani midlukin, li għandhom it-​tama għas-​sema. Dawn huma “l-​Israel t’Alla.” (Gal. 6:16) F’viżjoni, l-​appostlu Ġwanni ra li dawn l-​Israelin spiritwali jgħoddu 144,000. Dawn “inxtraw minn fost il-​bnedmin bħala l-​ewwel frott għal Alla u għall-​Ħaruf” biex jaqdu bħala “qassisin” u biex “isaltnu [maʼ Ġesù] għall-​elf sena.”—Riv. 5:10; 7:4; 14:1, 4; 20:6; Ġak. 1:18.

Hemm Oħrajn li Huma Inklużi Wkoll?

5. (a) L-​espressjoni “Israel t’Alla” għal min tirreferi? (b) Il-​kelma “Israel” għala mhux dejjem tirreferi għall-​midlukin biss?

5 Għalhekk, jidher ċar li l-​frażi “Israel t’Alla” f’Galatin 6:16 tirreferi biss għall-​Kristjani midlukin. Allura, hemm drabi meta Ġeħova juża l-​ġens taʼ Israel bħala stampa, jew tixbiha, li tinkludi Kristjani oħrajn minbarra l-​midlukin? It-​tweġiba tistaʼ tinstab f’dan il-​kliem li Ġesù qal lill-​appostli leali tiegħu: “Nagħmel patt magħkom għal saltna, bħalma Missieri għamel miegħi, biex tieklu u tixorbu fuq il-​mejda tiegħi f’saltnati, u toqogħdu bil-​qiegħda fuq tronijiet biex tiġġudikaw lit-​tnax-​il tribù taʼ Israel.” (Lq. 22:28-​30) Dan se jseħħ matul “it-​tiġdid taʼ kollox,” jew iż-​żmien taʼ tiġdid spiritwali, matul il-​Ħakma Millennjali taʼ Kristu.—Aqra Mattew 19:28.

6, 7. L-​espressjoni “t-​tnax-​il tribù taʼ Israel” għal min tirreferi fil-​kuntest taʼ Mattew 19:28 u Luqa 22:30?

6 Il-​144,000 se jaqdu bħala slaten, qassisin, u mħallfin fis-​sema matul ir-​Renju taʼ Elf Sena. (Riv. 20:4) Lil min se jiġġudikaw, u fuq min se jaħkmu? F’Mattew 19:28 u f’Luqa 22:30 jintqalilna li se jiġġudikaw “lit-​tnax-​il tribù taʼ Israel.” F’dan il-​kuntest, “it-​tnax-​il tribù taʼ Israel” taʼ min jagħtu stampa? Jirrappreżentaw lil dawk kollha li għandhom it-​tama għall-​art—dawk li jpoġġu l-​fidi fis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù, imma li mhumiex inklużi fil-​klassi rjali taʼ qassisin. (It-​tribù taʼ Levi ma kienx inkluż mal-​lista tat-​12-​il tribù taʼ Israel naturali.) Dawk li f’dan il-​kuntest huma rappreżentati mit-​12-​il tribù taʼ Israel huma l-​uħud li se jiksbu benefiċċji spiritwali mis-​servizzi saċerdotali tal-​144,000. Dawn l-​uħud li se jibbenefikaw u li mhumiex qassisin huma wkoll in-​nies t’Alla, u hu jħobbhom u jaċċettahom. Huwa xieraq li huma mxebbhin mal-​poplu tiegħu tal-​qedem.

7 B’mod xieraq, wara li l-​appostlu Ġwanni ra l-​144,000 Israeli spiritwali jiġu siġillati b’mod permanenti qabel it-​tribulazzjoni l-​kbira, osserva wkoll “folla kbira” bla għadd, li joħorġu “minn kull ġens.” (Riv. 7:9) Dawn se jgħaddu ħajjin mit-​tribulazzjoni l-​kbira għal ġor-​Renju Millennjali taʼ Kristu. Hemmhekk se jingħaqdu magħhom biljuni taʼ wħud irxoxtati. (Ġw. 5:28, 29; Riv. 20:13) Dawn kollha se jifformaw “it-​tnax-​il tribù [simboliku] taʼ Israel,” li se jiġu ġudikati minn Ġesù u l-​144,000 li jaħkmu bi sħab miegħu.—Atti 17:31; 24:15; Riv. 20:12.

8. Il-​ġrajjiet taʼ Jum it-​Tpattija, li kien isir darba fis-​sena, kif jiffiguraw bil-​quddiem ir-​relazzjoni bejn il-​144,000 u l-​bqija tal-​bnedmin?

8 Din ir-​relazzjoni bejn il-​144,000 u l-​bqija tal-​bnedmin ġiet iffigurata bil-​quddiem mill-​ġrajjiet taʼ Jum it-​Tpattija, li kien isir darba fis-​sena. (Lev. 16:6-​10) Il-​qassis il-​kbir l-​ewwel kellu jissagrifika barri bħala offerta għad-​dnub “għalih innifsu u għal daru.” B’hekk, is-​sagrifiċċju taʼ Ġesù japplika l-​ewwel għal dawk taʼ daru li huma sotto-​qassisin u li se jaqdu miegħu fis-​sema. Ukoll, f’Jum it-​Tpattija tal-​qedem, kienu jiġu provduti żewġ gidjien għad-​dnub tal-​Israelin l-​oħrajn. F’dan il-​kuntest, li fih it-​tribù saċerdotali jagħti stampa tal-​144,000, il-​kumplament taʼ Israel jagħti stampa taʼ dawk kollha li għandhom it-​tama għall-​art. Dan l-​applikar juri li l-​frażi “t-​tnax-​il tribù taʼ Israel” f’Mattew 19:28 ma tirreferix għas-​sotto-​qassisin taʼ Ġesù midlukin bl-​ispirtu, imma għall-​oħrajn kollha li jpoġġu l-​fidi tagħhom fis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù. a

9. Fil-​viżjoni tat-​tempju li kellu Eżekjel, il-​qassisin lil min jirrappreżentaw, u l-​Israelin li ma kinux qassisin lil min jirrappreżentaw?

9 Ikkunsidra eżempju ieħor. Il-​profeta Eżekjel ngħata viżjoni estensiva tat-​tempju taʼ Ġeħova. (Eżek., kapi. 40-​48) F’din il-​viżjoni, il-​qassisin kienu jaħdmu fit-​tempju, billi jipprovdu istruzzjoni u jirċievu l-​pariri u l-​korrezzjoni mingħand Ġeħova. (Eżek. 44:23-​31) Fl-​istess viżjoni, membri taʼ tribujiet differenti kienu jmorru jqimu u joffru sagrifiċċji. (Eżek. 45:16, 17) Għalhekk, f’dan il-​kuntest, il-​qassisin jagħtu stampa tal-​midlukin, filwaqt li l-​Israelin mit-​tribujiet li ma kinux qassisin jagħtu stampa taʼ dawk li għandhom it-​tama għall-​art. Il-​viżjoni tenfasizza li ż-​żewġ gruppi jaħdmu flimkien b’mod armonjuż, bil-​klassi tal-​qassisin tieħu t-​tmexxija fil-​qima pura.

10, 11. (a) Liema twettiq li jsaħħilna l-​fidi rajna tal-​kliem taʼ Ġesù? (b) Liema mistoqsija tqum dwar in-​nagħaġ l-​oħrajn?

10 Ġesù tkellem dwar “nagħaġ oħrajn,” li ma kellhomx ikunu tal-​istess “maqjel” tal-​“merħla żgħira” tas-​segwaċi midlukin tiegħu. (Ġw. 10:16; Lq. 12:32) Hu qal: “Lil dawn ukoll irrid inġibhom, u jisimgħu leħni, u jsiru merħla waħda, ragħaj wieħed.” Kemm isaħħilna l-​fidi l-​fatt li rajna t-​twettiq taʼ dan il-​kliem! Żewġ gruppi taʼ nies ngħaqdu flimkien—il-​grupp żgħir taʼ wħud midlukin u l-​folla l-​kbira taʼ nagħaġ oħrajn. (Aqra Żakkarija 8:23.) Għalkemm in-​nagħaġ l-​oħrajn ma jaqdux b’mod simboliku fil-​bitħa taʼ ġewwa tat-​tempju spiritwali, huma jaqdu fil-​bitħa taʼ barra taʼ dan it-​tempju.

11 Imma jekk Ġeħova kultant juża lill-​membri taʼ Israel tal-​qedem li ma kinux qassisin biex jagħtu stampa taʼ dawn in-​nagħaġ l-​oħrajn, għandhom dawk b’tama għall-​art ukoll jieħdu mill-​emblemi tat-​Tifkira? Issa se nikkunsidraw it-​tweġiba għal din il-​mistoqsija.

Il-​Patt il-​Ġdid

12. Liema arranġament ġdid bassar Ġeħova?

12 Ġeħova bassar arranġament ġdid għall-​poplu tiegħu meta qal: “Dan hu l-​patt li nagħmel ma’ dar Israel wara dak iż-​żmien. . . . Inqiegħed il-​liġi tiegħi ġo fihom, u niktibha f’qalbhom. U nsir Alla tagħhom, u huma jsiru l-​poplu tiegħi.” (Ġer. 31:31-​33) Permezz taʼ dan il-​patt il-​ġdid, il-​wegħda taʼ Ġeħova lil Abraham kellu jkollha twettiq glorjuż u dejjiemi.—Aqra Ġenesi 22:18.

13, 14. (a) Min huma l-​parteċipanti fil-​patt il-​ġdid? (b) Min huma dawk li jibbenefikaw, u kif “iżommu sod” maʼ dan il-​patt il-​ġdid?

13 Ġesù rrefera għal dan il-​patt il-​ġdid fil-​lejla taʼ qabel mewtu meta qal: “Dan il-​kies jirrappreżenta l-​patt il-​ġdid konfermat b’demmi li se jixxerred għalikom.” (Lq. 22:20; 1 Kor. 11:25) Huma l-​Kristjani kollha inklużi f’dan il-​patt il-​ġdid? Le. Xi wħud, bħall-​appostli li xorbu minn dak il-​kies dik il-​lejla, huma parteċipanti fil-​patt il-​ġdid. b Ġesù għamel patt ieħor magħhom biex jaħkmu flimkien miegħu fis-​Saltna tiegħu. (Lq. 22:28-​30) Dawn se jieħdu sehem maʼ Ġesù f’Saltnatu.—Lq. 22:15, 16.

14 Xi ngħidu għal dawk li se jgħixu fuq l-​art taħt is-​Saltna tiegħu? Dawn huma l-​uħud li jibbenefikaw mill-​patt il-​ġdid. (Gal. 3:8, 9) Għalkemm ma jipparteċipawx, dawn “iżommu sod” maʼ dan il-​patt billi jissottomettu ruħhom lejn il-​ħtiġijiet tiegħu, sewwasew bħalma kien imbassar mill-​profeta Isaija: “Lill-​barranin li ntrabtu ma’ Ġeħova biex jaqduh u biex iħobbu l-​isem taʼ Ġeħova, sabiex isiru qaddejja tiegħu, dawk kollha li qed iħarsu s-​Sabat sabiex ma jkasbruhx u qed iżommu sod mal-​patt tiegħi, se nġibhom ukoll lejn il-​muntanja qaddisa tiegħi u nferraħhom fid-​dar tiegħi tat-​talb.” Ġeħova mbagħad jgħid: “Għax dari tissejjaħ dar tat-​talb għall-​popli kollha.”—Is. 56:6, 7.

Min Għandu Jieħu mill-​Emblemi?

15, 16. (a) L-​appostlu Pawlu maʼ xiex jorbot il-​patt il-​ġdid? (b) Dawk li għandhom it-​tama għall-​art għala m’għandhomx jieħdu mill-​emblemi tat-​Tifkira?

15 Dawk fil-​patt il-​ġdid ‘għandhom il-​qlubija biex jidħlu fit-​triq għal ġol-​post qaddis.’ (Aqra Ebrej 10:15-​20.) Dawn huma l-​uħud li ‘se jirċievu saltna li ma tistax titheżżeż.’ (Ebr. 12:28) Għalhekk, mela, dawk biss li se jkunu slaten u qassisin fis-​sema maʼ Ġesù Kristu għandhom jixorbu mill-​“kies” li jirrappreżenta l-​patt il-​ġdid. Dawn il-​parteċipanti fil-​patt il-​ġdid huma l-​uħud imwegħdin fiż-​żwieġ lill-​Ħaruf. (2 Kor. 11:2; Riv. 21:2, 9) L-​oħrajn kollha li jattendu għat-​Tifkira li ssir kull sena huma osservaturi li juru rispett u li ma jiħdux mill-​emblemi.

16 Pawlu jgħinna wkoll biex nifhmu li dawk li għandhom it-​tama għall-​art ma jiħdux mill-​emblemi tat-​Tifkira. Hu qal lill-​Kristjani midlukin: “Għax kull darba li tieklu din il-​ħobża u tixorbu dan il-​kies, tibqgħu xxandru l-​mewt tal-​Mulej, sakemm jasal.” (1 Kor. 11:26) Il-​Mulej meta “jasal”? Meta jiġi biex jieħu l-​aħħar uħud mill-​klassi tal-​għarusa midluka fid-​dar tagħhom fis-​sema. (Ġw. 14:2, 3) Jidher ċar li l-​osservanza taʼ kull sena tal-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej mhix se tkompli għal dejjem. “Il-​bqija” tan-​nisel tal-​mara li għadhom fuq l-​art se jkomplu jieħdu minn din l-​ikla sakemm ilkoll kemm huma jkunu ngħataw il-​premju tagħhom fis-​sema. (Riv. 12:17) Però, kieku dawk li se jgħixu għal dejjem fuq l-​art kienu intitolati biex jieħdu mill-​emblemi, imbagħad din l-​ikla tat-​Tifkira kien ikollha bżonn tkompli għal dejjem.

“Huma Jsiru l-​Poplu Tiegħi”

17, 18. Il-​profezija mniżżla f’Eżekjel 37:26, 27 kif twettqet?

17 Ġeħova bassar l-​unità tal-​poplu tiegħu b’dan il-​kliem: “Se nagħmel magħhom patt taʼ paċi; patt li jdum għal żmien indefinit se jsir magħhom. U nħejji post għalihom u nkattarhom u nqiegħed is-​santwarju tiegħi f’nofshom għal żmien indefinit. U t-​tinda tiegħi tkun fuqhom, u jien insir Alla tagħhom, u huma jsiru l-​poplu tiegħi.”—Eżek. 37:26, 27.

18 In-​nies kollha t’Alla għandhom il-​privileġġ li jibbenefikaw mit-​twettiq taʼ din il-​wegħda meraviljuża, dan il-​patt tal-​paċi. Iva, Ġeħova ggarantixxa l-​paċi għall-​qaddejja ubbidjenti kollha tiegħu. Il-​frott tal-​ispirtu tiegħu jidher b’mod ċar fosthom. Is-​santwarju tiegħu, li hawnhekk jagħti stampa tal-​qima Kristjana pura, jinsab f’nofshom. Verament saru l-​poplu tiegħu, għax abbandunaw kull forma taʼ idolatrija u Ġeħova hu l-​uniku Alla li jqimu.

19, 20. Min hu inkluż fost dawk li Ġeħova jsejħilhom “il-​poplu tiegħi,” u l-​patt il-​ġdid x’jagħmel possibbli?

19 Kemm kien eċċitanti li naraw din l-​għaqda taʼ żewġ gruppi fi żmienna! Għalkemm dawk tal-​folla l-​kbira, li dejjem qed tikber, m’għandhomx it-​tama għas-​sema, huma kburin li jissieħbu maʼ dawk li għandhom din it-​tama. Dawn ngħaqdu mal-​Israel t’Alla. Billi għamlu dan, huma inklużi fost dawk li Ġeħova jsejħilhom “il-​poplu tiegħi.” Fihom insibu t-​twettiq taʼ din il-​profezija: “Ħafna ġnus se jintrabtu ma’ Ġeħova f’dak il-​jum, u huma jsiru l-​poplu tiegħi; u jien se ngħammar f’nofsok.”—Żak. 2:11; 8:21; aqra Isaija 65:22; Rivelazzjoni 21:3, 4.

20 Permezz tal-​patt il-​ġdid, Ġeħova għamel dan kollu possibbli. Miljuni taʼ barranin spiritwali saru parti mill-​ġens approvat taʼ Ġeħova. (Mik. 4:1-​5) Huma determinati li jkomplu jżommu sod maʼ dan il-​patt billi jaċċettaw il-​provvedimenti tiegħu u jobdu l-​ħtiġijiet tiegħu. (Is. 56:6, 7) Billi jagħmlu dan, flimkien mal-​Israel t’Alla, igawdu l-​barkiet kbar taʼ paċi kontinwa. Jalla int tesperjenza l-​istess ħaġa—issa u għal dejjem!

[Noti taʼ taħt]

a B’mod simili, il-​kelma “kongregazzjoni” tapplika l-​iktar għall-​midlukin. (Ebr. 12:23) Madankollu, jistaʼ jkollha tifsira oħra, billi tirreferi għall-​Kristjani kollha, hi x’inhi t-​tama tagħhom.—Ara t-​Torri taʼ l-​Għassa tal-​15 taʼ April, 2007, paġni 21-​23.

b Ġesù hu l-​Medjatur taʼ dan il-​patt, mhux parteċipant. Bħala l-​Medjatur, hu milli jidher ma ħax mill-​emblemi.

X’Tiftakar?

• Min huma “t-​tnax-​il tribù taʼ Israel” li l-​144,000 se jiġġudikaw?

• X’inhi r-​relazzjoni tal-​midlukin u tan-​nagħaġ l-​oħrajn mal-​patt il-​ġdid?

• Għandhom il-​Kristjani kollha jieħdu mill-​emblemi tat-​Tifkira?

• Liema unità kienet imbassra għal żmienna?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Graff/Stampi f’paġna 25]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)

Ħafna issa qed jaqdu flimkien mal-​Israel t’Alla

7,313,173

4,017,213

1,483,430

373,430

1950 1970 1990 2009