Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-​Qarrejja

Eżekjel 18:20, li jgħid li “iben ma jitgħabbiex bl-​iżball taʼ missieru,” jikkontradixxi lil Eżodu 20:5, li jgħid li Ġeħova ‘għall-​iżball tal-​missirijiet jikkastiga lill-​ulied’?

M’hemm ebda kontradizzjoni. Skrittura waħda tiffoka fuq il-​fatt li individwu jrid jagħti kont taʼ għemilu, u l-​oħra tirrikonoxxi r-​realtà li l-​iżball taʼ individwu jistaʼ jkollu konsegwenzi li jeffettwaw lid-​dixxendenti tiegħu.

Il-​kuntest f’Eżekjel kapitlu 18 juri li qed jiġi enfasizzat il-​fatt li individwu jrid jagħti kont tiegħu nnifsu. “Ir-​ruħ li qed tidneb—din tmut,” jgħid vers 4. Xi ngħidu għal raġel li “jkun ġust u jkun wettaq il-​ġustizzja u s-​sewwa”? “Żgur jibqaʼ jgħix.” (Eżek. 18:5, 9) B’hekk, kull individwu, meta jilħaq età li fiha jistaʼ jinżamm responsabbli, jiġi ġudikat “skond triqatu.”—Eżek. 18:30.

Dan il-​prinċipju jidher fil-​każ taʼ Levita li kien jismu Koraħ. Matul il-​vjaġġ taʼ Israel fix-​xagħri, Koraħ ma baqax sodisfatt bil-​privileġġi tas-​servizz tiegħu. Bi sforz biex jakkwista d-​dmirijiet taʼ qassis għalih stess, Koraħ u xi oħrajn irribellaw kontra r-​rappreżentanti taʼ Ġeħova, Mosè u Aron. Talli bi prużunzjoni rsistew għal din il-​kariga—privileġġ li ma kinux intitolati għalih—Ġeħova ta l-​mewt lil Koraħ u lil dawk li rribellaw miegħu. (Num. 16:8-​11, 31-​33) Madankollu, ulied Koraħ ma ngħaqdux fir-​ribelljoni. Alla ma żammhomx responsabbli għad-​dnub taʼ missierhom. Minħabba l-​lealtà tagħhom lejn Ġeħova, baqgħu ħajjin.—Num. 26:10, 11.

Imma xi ngħidu għat-​twissija li hemm f’Eżodu 20:5, parti mill-​Għaxar Kmandamenti? Għal darb’oħra, ikkunsidra l-​kuntest. Ġeħova inawgura l-​patt tal-​Liġi mal-​ġens taʼ Israel. Wara li semgħu l-​ħtiġijiet tal-​patt, l-​Israelin iddikjaraw pubblikament: “Aħna lesti li nagħmlu kulma qalilna Ġeħova.” (Eżo. 19:5-​8) B’hekk, il-​ġens kollu daħal f’relazzjoni speċjali maʼ Ġeħova. Għalhekk, il-​kliem f’Eżodu 20:5 kien indirizzat primarjament lill-​ġens kollu kemm hu.

Meta l-​Israelin baqgħu leali lejn Ġeħova, il-​ġens ibbenefika u gawda ħafna barkiet. (Lev. 26:3-​8) L-​oppost kien veru wkoll. Meta l-​ġens taʼ Israel ċaħad lil Ġeħova u mar wara allat foloz, Hu neħħa l-​barka u l-​protezzjoni tiegħu; il-​ġens sofra gwaj. (Mħ. 2:11-​18) Huwa minnu li kien hemm xi wħud li żammew l-​integrità tagħhom u osservaw il-​kmandamenti t’Alla minkejja l-​aġir idolatruż tal-​ġens. (1 Slat. 19:14, 18) Uħud leali x’aktarx li batew minħabba d-​dnubiet tal-​ġens, imma Ġeħova wera qalb tajba bl-​imħabba magħhom.

Meta Israel kiser il-​prinċipji taʼ Ġeħova b’mod tant sfaċċat li ismu twaqqaʼ għaċ-​ċajt fost il-​ġnus, Ġeħova ddeċieda li jikkastiga lin-​nies tiegħu billi ħalliehom jittieħdu lsiera f’Babilonja. M’għandniex xi ngħidu, dan inkluda kastig għal individwi u għan-​nies tiegħu bħala grupp. (Ġer. 52:3-​11, 27) Tabilħaqq, il-​Bibbja turi li l-​ħtija tal-​ġens taʼ Israel tant kienet kbira li tliet ġenerazzjonijiet jew erbgħa jew forsi iktar ġew effettwati mill-​għemejjel ħżiena taʼ missirijiethom, sewwasew bħalma jgħid Eżodu 20:5.

Il-​Kelma t’Alla fiha wkoll rakkonti taʼ familji individwali li ġew effettwati mill-​kondotta ħażina tal-​ġenituri. Il-​Qassis il-​Kbir Għeli offenda lil Ġeħova billi ħalla lil uliedu, li ‘ma kienu tajbin għal xejn’ u li kienu immorali, jibqgħu qassisin. (1 Sam. 2:12-​16, 22-​25) Peress li Għeli onora lil uliedu iktar milli onora lil Ġeħova, Alla ordna li l-​familja taʼ Għeli ma tibqax taqdi fil-​kariga taʼ qassis il-​kbir, u dan beda jgħodd minn Abjatar, li bużbużnannuh kien Għeli. (1 Sam. 2:29-​36; 1 Slat. 2:27) Il-​prinċipju taʼ Eżodu 20:5 jintwera wkoll mill-​eżempju taʼ Geħażi. Dan abbuża mill-​pożizzjoni tiegħu bħala l-​qaddej taʼ Eliżew, sabiex jibbenefika materjalment mill-​fejqan taʼ Nagħman, ġeneral Sirjan. Permezz taʼ Eliżew, Ġeħova lissen ġudizzju billi qal: “Il-​ġdiem taʼ Nagħman jibqaʼ mqabbad miegħek u ma’ nislek għal żmien indefinit.” (2 Slat. 5:20-​27) Għalhekk, id-​dixxendenti taʼ Geħażi ġew effettwati mill-​konsegwenzi tal-​għemil ħażin tiegħu.

Bħala l-​Ħallieq u d-​Donatur tal-​ħajja, Ġeħova għandu kull dritt li jiddeċiedi liema kastig hu ġust u xieraq. L-​eżempji taʼ hawn fuq juru li t-​tfal jew id-​dixxendenti għandhom mnejn iħossu l-​effetti ħżiena tad-​dnub tal-​antenati tagħhom. Madankollu, Ġeħova “jismaʼ l-​għajta tal-​magħkusin,” u individwi li jduru lejh bil-​ħeġġa jistgħu jirċievu l-​approvazzjoni tiegħu u anki xi ftit serħan.—Ġob 34:28.

[Stampa f’paġna 29]

Koraħ u dawk li rribellaw miegħu nżammu responsabbli għall-​azzjonijiet tagħhom