Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġeħova Jridek Tkun “Qawwi u Sħiħ”

Ġeħova Jridek Tkun “Qawwi u Sħiħ”

Ġeħova Jridek Tkun “Qawwi u Sħiħ”

META tfaqqaʼ l-​iktar ġrajja perikoluża fl-​istorja, Alla li Jistaʼ Kollox se jagħmel ċert li kull min għandu l-​approvazzjoni tiegħu “jsalva.” (Ġoel 2:32) Imma, fir-​realtà, Ġeħova dejjem ried jipproteġi lin-​nies mill-​ħsara. Peress li ‘għandu hemm is-​sors tal-​ħajja,’ hu jqis lill-​bnedmin kollha bħala li huma prezzjużi u li jistħoqqilhom jiġu protetti.—Salm 36:9.

Il-​qaddejja leali li Alla kellu fil-​qedem kellhom l-​istess ħarsa tiegħu lejn il-​ħajja. Skont Ġenesi 33:18, Ġakobb u l-​familja tiegħu spiċċaw vjaġġ perikoluż ‘qawwijin u sħaħ.’ Ġakobb straħ fuq Ġeħova għall-​protezzjoni, imma ħa wkoll passi prattiċi biex jipproteġi lil kull min ivvjaġġa miegħu. (Ġen. 32:7, 8; 33:14, 15) Billi tapplika l-​prinċipji tal-​Bibbja, int tistaʼ ttejjeb is-​sigurtà tiegħek u dik taʼ oħrajn. Ejja naraw kif din il-​verità tapplika għal dawk li jaħdmu fuq bini taʼ Swali tas-​Saltna u proġetti simili oħrajn u jagħtu l-​għajnuna meta jkun hemm xi diżastru.

Is-​Sigurtà fil-​Liġi Mosajka

Il-​Liġi taʼ Mosè rrikjediet li l-​poplu t’Alla jsegwi proċeduri tas-​sigurtà. Pereżempju, Israeli li kien jibni xi dar kellu jagħmlilha ċint madwar il-​bejt. Peress li n-​nies kienu jkunu spiss fuq il-​bjut taʼ djarhom, iċ-​ċnut kienu jżommuhom milli jaqgħu għal isfel. (1 Sam. 9:26; Mt. 24:17) Jekk kien jiġri xi aċċident għax din il-​liġi dwar is-​sigurtà ma kinitx tkun ġiet osservata, Ġeħova kien iżomm lil sid id-​dar responsabbli.—Dt. 22:8.

Is-​sanzjonijiet tal-​Liġi kienu japplikaw ukoll għal feriti kaġunati minn annimali domestiċi. Jekk barri kien joqtol lil xi ħadd billi jinfdu bi qrunu, is-​sid kellu joqtol lill-​barri biex jipproteġi lil nies oħrajn. Peress li ma setax jiekol il-​laħam jew ibigħu lil oħrajn għall-​ikel, il-​qtil tal-​bhima kien ifisser telfa kbira għalih. Imma suppost li wara li barri kien fera lil xi individwu, sidu ma żammx lill-​annimal mgħasses. X’kien jiġri? Jekk dan l-​istess barri iktar tard kien joqtol lil xi ħadd, il-​barri u sidu kienu jingħataw il-​mewt. Din il-​liġi ġiegħlet lil kull min kellu t-​tendenza li jkun traskurat fil-​mod kif jieħu ħsieb il-​bhejjem tiegħu biex jerġaʼ jikkunsidra l-​aġir tiegħu.—Eżo. 21:28, 29.

Il-​Liġi inkuraġġiet ukoll l-​użu xieraq tal-​għodod. Ħafna Israelin kienu jużaw l-​imnanar biex jaqtgħu l-​injam għan-​nar. Jekk ras il-​mannara aċċidentalment kienet tinqalaʼ u ttir minn mal-​manku u toqtol lil xi ħadd fil-​qrib, dak li kien ikun qed jaqtaʼ l-​injam kellu jaħrab lejn belt tar-​refuġju. Hu kellu jibqaʼ hemmhekk sakemm imut il-​qassis il-​kbir, u dan setaʼ jfisser li dak li qatel bi żball kien jibqaʼ mifrud mill-​familja u mid-​dar tiegħu għal snin sħaħ. Dan l-​arranġament għallem lill-​ġens li l-​ħajja hija sagra għal Ġeħova. Raġel li kellu l-​istess ħarsa t’Alla lejn il-​ħajja kien iżomm l-​għodod tiegħu f’kundizzjoni tajba u kien joqgħod attent kif jużahom.—Num. 35:25; Dt. 19:4-​6.

B’liġijiet bħal dawn, Ġeħova għamilha ċara li ried li l-​poplu tiegħu josserva prattiki taʼ sigurtà ġewwa u barra d-​dar. Dawk li kkaġunaw xi mewt jew ferita lil oħrajn, anki b’aċċident, kienu responsabbli quddiemu. Il-​ħsieb taʼ Ġeħova fil-​kwistjoni tas-​sigurtà ma nbidilx. (Mal. 3:6) Hu għadu jrid li n-​nies jevitaw li jweġġgħu lilhom infushom u lil oħrajn. Dan hu minnu speċjalment meta nieħdu sehem fil-​kostruzzjoni u fil-​manutenzjoni taʼ bini dedikat għall-​qima vera tiegħu.

Is-​Sigurtà fi Proġetti taʼ Bini

Aħna nqisu l-​bini u l-​manutenzjoni taʼ Swali tas-​Saltna, Swali tal-​Assembleat, u faċilitajiet tal-​fergħa bħala privileġġ kbir. L-​istess jistaʼ jingħad dwar ix-​xogħol li nwettqu fi proġetti taʼ għajnuna fejn ikun hemm xi diżastru. Aħna rridu nwettqu xogħolna bis-​sengħa l-​ħin kollu, għaliex in-​nuqqas taʼ ħila, anki meta nagħmlu xogħlijiet sempliċi, jistaʼ jkun taʼ ħsara għalina u għal ħaddieħor. (Ekk. 10:9) Tabilħaqq, billi niżviluppaw id-​drawwa li naħdmu bis-​sigurtà, nistgħu nevitaw l-​aċċidenti.

Il-​Bibbja tgħid: “Is-​sbuħija taʼ l-​irġiel żgħażagħ hija l-​qawwa tagħhom, u l-​ġmiel taʼ l-​irġiel xjuħ hu x-​xagħar griż.” (Prov. 20:29) Il-​qawwa taż-​żgħażagħ hi meħtieġa biex isir xogħol taʼ tqandil. Imma l-​ħaddiema li għandhom xagħar griż—dawk li għandhom l-​esperjenza fix-​xogħol taʼ kostruzzjoni—jagħmlu xogħol dettaljat tal-​aħħar b’idejhom u bl-​għodod tagħhom. U xi darba, dawk li issa huma akbar fl-​età użaw l-​enerġija taʼ żgħożithom biex jagħmlu xogħol taʼ tqandil. Jekk int volontier ġdid, ara l-​mod kif jaħdmu l-​ħaddiema tal-​esperjenza, u segwi l-​istruzzjonijiet tagħhom. Jekk trid titgħallem, aħwa li għandhom l-​esperjenza fil-​kostruzzjoni se jgħallmuk ħafna affarijiet. Dawn jinkludu l-​mod kif tuża affarijiet perikolużi u kif terfaʼ tagħbijiet tqal ħafna bis-​sigurtà. B’hekk, int se taħdem b’mod produttiv, bis-​sigurtà, u bil-​ferħ.

Ħaddiema f’post taʼ kostruzzjoni dejjem għandhom joqogħdu attenti. Il-​kundizzjonijiet jitbiddlu malajr. Fejn darba kien hemm art solida, issa jistaʼ jkun hemm ħofra. Oħrajn li jaħdmu miegħek forsi ċaqalqu xi sellum, fallakka, jew barmil żebgħa. Jekk tkun aljenat, tistaʼ tweġġaʼ faċilment. Ir-​regolamenti tas-​sigurtà ġeneralment jirrikjedu li l-​ħaddiema f’post taʼ xogħol jużaw tagħmir protettiv persunali. Nuċċali taʼ sigurtà, safety hat, u żarbun xieraq għax-​xogħol jistgħu jipproteġuk minn ħafna perikli f’post taʼ kostruzzjoni. Imma tiġi protett biss jekk iżżomm tagħmir bħal dan f’kundizzjoni tajba u tilbsu.

Għalkemm ħafna għodod jidhru li huma sempliċi biex tużahom, hemm bżonn it-​taħriġ u l-​prattika biex tużahom bis-​sigurtà u bis-​sengħa. Jekk m’għandekx esperjenza b’għodda li jkollok bżonnha, għid lill-​ħu li jieħu ħsieb. Hu se jirranġalek biex tingħata taħriġ xieraq. Il-​modestja, jew li tkun taf il-​limitazzjonijiet tiegħek, hija kwalità mixtieqa. Fil-​fatt, hija ħtieġa jekk trid tevita li tweġġaʼ lilek innifsek u lil ħaddieħor fil-​post taʼ kostruzzjoni.—Prov. 11:2.

Fix-​xogħlijiet taʼ kostruzzjoni, il-​waqgħat huma l-​kaġun ewlieni taʼ aċċidenti. Qabel ma titlaʼ fuq sellum jew pont tal-​bennejja, kun ċert li t-​tagħmir ikollu l-​aspetti kollha tas-​sigurtà installati u qiegħed f’kundizzjoni tajba. Jekk se taħdem fuq pont tal-​bennejja jew fuq bejt, il-​linji taʼ gwida jistgħu jirrikjedu li tilbes ċineg tas-​sigurtà jew tinstalla poġġaman. Staqsi lill-​indokratur tax-​xogħol jekk ikollok xi mistoqsijiet dwar li taħdem fl-​għoli. a

Hekk kif l-​għadd taʼ dawk li jaqdu lil Ġeħova qed jiżdied madwar id-​dinja, hekk ukoll il-​ħtieġa li jinbnew Swali tas-​Saltna u faċilitajiet oħrajn li jintużaw biex jippromwovu l-​qima vera. Dawk li jindokraw ix-​xogħol li jsir f’postijiet taʼ kostruzzjoni taʼ Swali tas-​Saltna u fi proġetti simili jingħataw ir-​responsabbiltà li jipproteġu lin-​nagħaġ prezzjużi taʼ Ġeħova li qed jaħdmu taħt id-​direzzjoni tagħhom. (Is. 32:1, 2) Jekk għandek il-​privileġġ li tidderieġi lil ħutek fi proġett taʼ bini, qatt tinsa l-​importanza tas-​sigurtà. Kun ċert li l-​post ikun nadif u żbarazzat. B’qalb tajba imma b’mod sod spjega lil dawk li jkollhom bżonn it-​tfakkiriet kif jaħdmu bis-​sigurtà. Tħallix lil ħaddiema żgħażagħ jew bla esperjenza jidħlu fejn ikun hemm riskju kbir. Aħseb minn qabel dwar il-​perikli li se jiffaċċjaw il-​ħaddiema, u ppreparahom biex jaħdmu bis-​sigurtà. Ftakar, il-​mira tagħna hi li llestu l-​proġett mingħajr aċċidenti.

L-​Irwol tal-​Imħabba

Il-​kostruzzjoni taʼ Swali tas-​Saltna u bini ieħor użati fil-​qima vera tinvolvi xogħol li jistaʼ jkun perikoluż. Għalhekk, dawk li jipparteċipaw fi proġetti bħal dawn iridu joqogħdu b’sebaʼ għajnejn. Billi tirrispetta l-​prinċipji tal-​Bibbja, tobdi l-​linji taʼ gwida stabbiliti għax-​xogħol, u tuża l-​għaqal, se tevita l-​periklu u se tipproteġi wkoll lil sħabek tax-​xogħol mill-​ħsara.

X’inhu l-​motiv prinċipali wara l-​istima kbira tagħna lejn is-​sigurtà? Hu l-​imħabba. Iva, l-​imħabba għal Ġeħova tqanqalna biex ngħożżu l-​ħajja, bħalma jagħmel hu. U l-​imħabba għan-​nies iżżommna milli nagħmlu xi ħaġa bi traskuraġni li tistaʼ tagħmlilhom il-​ħsara. (Mt. 22:37-​39) Għalhekk, ejja nagħmlu l-​almu tagħna biex inżommu ‘qawwijin u sħaħ’ lil dawk li jkunu fil-​proġetti tal-​bini tagħna.

[Nota taʼ taħt]

a Ara l-​kaxxa “Kif Taħdem bis-​Sigurtà fuq Sellum,” f’paġna 30.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 30]

Kif Taħdem bis-​Sigurtà fuq Sellum

F’sena reċenti fl-​Istati Uniti, iktar minn 160,000 ħaddiem weġġgħu meta waqgħu minn fuq sellum. Iżjed minn hekk, xi 150 mietu minn waqgħat bħal dawn. Kull fejn tgħix u taħdem, hawnhekk se ssib xi linji taʼ gwida li jistgħu jgħinuk biex ma taqax minn fuq sellum.

◇ Tużax sellum li ma jkunx stabbli jew ikun difettuż, u ssewwix sellum bħal dan. Kissru u armih.

◇ Is-​slielem kollha għandhom limitu taʼ kemm jifilħu toqol. Kun ċert li l-​piż tiegħek u dak tal-​għodod u tal-​materjal tiegħek ma jaqbżux il-​limitu tas-​sellum li se tuża.

◇ Poġġi s-​sellum tiegħek fuq wiċċ ċatt u solidu. Tpoġġihx fuq bażi mhix stabbli, bħal fuq pont tal-​bennejja jew fuq bramel jew kaxxi.

◇ Dejjem oqgħod wiċċek lejn is-​sellum meta titlaʼ jew tinżel.

◇ Toqgħodx bilwieqfa jew bilqiegħda fuq iż-​żewġ skaluni taʼ fuq taʼ kwalunkwe sellum.

◇ Meta sellum jintuża biex titlaʼ fuq bejt jew xi mkien ieħor jew tinżel minnu, il-​ġnub tas-​sellum għandhom jestendu minn tal-​inqas metru ’l fuq minn fejn ikun qed jistrieħ. Tħallix is-​saqajn tas-​sellum jiżolqu, billi torbothom jew issammar injama quddiemhom. Jekk ma tkunx tistaʼ tqiegħed is-​sellum fis-​sigurtà b’dawn il-​modi, qabbad lil xi ħadd iżommulek waqt li tkun qed taħdem fuqu. Orbot sew in-​naħa taʼ fuq tas-​sellum biex ma tħallihx jiżloq naħa jew oħra.

◇ Tużax l-​iskaluni tas-​sellum biex fuqhom isserraħ xi fallakka biex taħdem fuqha.

◇ Meta tistira dirgħajk u riġlejk waqt li tkun qed taħdem fl-​għoli, tistaʼ tagħmel is-​sellum instabbli. Evita li toqgħod tiġġebbed iżżejjed, għax dan hu perikoluż. Ċaqlaq is-​sellum kemm ikollok bżonn biex iżżommu qrib fejn tkun qed taħdem.

◇ Jekk ikollok taħdem fuq sellum li qiegħed quddiem bieb magħluq, poġġi sinjal taʼ twissija fuq il-​bieb u sakkru. Jekk ma jkunx possibbli li ssakkar il-​bieb, qabbad lil xi ħadd joqgħod għassa biex iwissi lil dawk li jkollhom bżonn jgħaddu.

◇ Ħalli persuna waħda biss fuq sellum, sakemm ma jkunx disinjat biex jiflaħ żewġ ħaddiema. b

[Nota taʼ taħt]

b Lista b’iktar tfakkiriet għal xogħol fuq is-​slielem tistaʼ tinstab fil-​ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-​8 tʼAwissu, 1999, paġni 19-​21.

[Stampa f’paġna 29]

Il-​Liġi taʼ Mosè kienet teħtieġ li s-​soqfa ċatti jkunu mdawrin b’ċint