Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Żgħażagħ—Saħħu x-Xewqa Tagħkom Biex Taqdu lil Ġeħova

Żgħażagħ—Saħħu x-Xewqa Tagħkom Biex Taqdu lil Ġeħova

Żgħażagħ—Saħħu x-​Xewqa Tagħkom Biex Taqdu lil Ġeħova

“Ftakar fil-​Ħallieq Grandjuż tiegħek f’jiem żgħożitek.”—EKK. 12:1.

1. Liema stedina ngħatat ukoll lit-​tfal f’Israel?

 XI 3,500 sena ilu, Mosè, il-​profeta taʼ Ġeħova, ikkmanda lill-​qassisin u lix-​xjuħ taʼ Israel: “Laqqaʼ l-​poplu, l-​irġiel, in-​nisa, iċ-​ċkejknin . . . , sabiex jisimgħu u sabiex jitgħallmu, għax iridu jibżgħu minn Ġeħova Alla tagħkom u joqogħdu attenti li jwettqu l-​kliem kollu taʼ din il-​liġi.” (Dt. 31:12) Innota min ngħata l-​istruzzjoni biex jattendi l-​laqgħat għall-​qima: l-​irġiel, in-​nisa, u ċ-​ċkejknin. Iva, saħansitra ż-​żgħażagħ kienu fost dawk li ntqalilhom biex jisimgħu, jitgħallmu, u jsegwu d-​direzzjoni taʼ Ġeħova.

2. Ġeħova kif wera l-​interess tiegħu fiż-​żgħażagħ fil-​kongregazzjoni Kristjana tal-​bidu?

2 Fl-​ewwel seklu, Ġeħova kompla juri l-​interess tiegħu fiż-​żgħażagħ fost il-​poplu tiegħu. Pereżempju, nebbaħ lill-​appostlu Pawlu biex jinkludi istruzzjonijiet immirati speċifikament lejn iż-​żgħażagħ f’xi ftit mill-​ittri li hu bagħat lill-​kongregazzjonijiet. (Aqra Efesin 6:1; Kolossin 3:20.) Żgħażagħ Kristjani li applikaw dawn il-​pariri kabbru l-​apprezzament tagħhom għal Missierhom tas-​sema kollu mħabba u rċivew il-​barka tiegħu.

3. Iż-​żgħażagħ illum kif juru x-​xewqa tagħhom li jaqdu lil Alla?

3 Illum, huma ż-​żgħażagħ mistidnin biex jiltaqgħu ħalli jqimu lil Ġeħova? Iva! Għalhekk, huwa sors taʼ ferħ għan-​nies kollha t’Alla li josservaw li ħafna qaddejja żgħażagħ t’Alla madwar id-​dinja qed jieħdu bis-​serjetà t-​twissija taʼ Pawlu: “Ħa nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-​imħabba u l-​għemejjel tajbin, u ma nabbandunawx il-​laqgħat tagħna flimkien, bħalma ħaduha drawwa jagħmlu xi wħud, imma ninkuraġġixxu lil xulxin, u dan iktar u iktar hekk kif taraw joqrob il-​jum.” (Ebr. 10:24, 25) Iżjed minn hekk, ħafna tfal flimkien mal-​ġenituri tagħhom jieħdu sehem f’li jippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. (Mt. 24:14) U bħala espressjoni tal-​imħabba tagħhom mill-​qalb għal Ġeħova, ħafna eluf taʼ żgħażagħ kull sena jippreżentaw lilhom infushom għall-​magħmudija u jgawdu l-​barkiet li jiġu milli jkunu dixxipli taʼ Kristu.—Mt. 16:24; Mk. 10:29, 30.

Aċċetta l-​Istedina—Issa

4. Iż-​żgħażagħ meta jistgħu jaċċettaw l-​istedina t’Alla biex jaqduh?

4 Ekkleżjasti 12:1 jgħid: “Ftakar fil-​Ħallieq Grandjuż tiegħek f’jiem żgħożitek.” Intom iż-​żgħażagħ kemm irid ikollkom żmien sabiex taċċettaw din l-​istedina mill-​qalb ħalli tqimu u taqdu lil Ġeħova? M’hemm ebda età msemmija fl-​Iskrittura. Għalhekk, iżżommux lura għax taħsbu li għadkom żgħar wisq biex tagħtu widen lil Ġeħova u biex taqduh. Hi x’inhi l-​età tagħkom, intom imħeġġin biex taċċettaw din l-​istedina mingħajr dewmien.

5. Il-​ġenituri kif jistgħu jgħinu lil uliedhom jagħmlu avanz spiritwali?

5 Ħafna minnkom tiġu megħjunin tagħmlu avanz spiritwali minn wieħed mill-​ġenituri tagħkom jew mit-​tnejn li huma. B’dan il-​mod, intom bħal Timotju li għex fi żminijiet Bibliċi. Meta kien għadu tarbija, hu kien mgħallem il-​kitba qaddisa minn ommu, Ewniċe, u minn nanntu Lojs. (2 Tim. 3:14, 15) X’aktarx li l-​ġenituri tiegħek qed iħarrġuk b’mod simili billi jistudjaw il-​Bibbja miegħek, jitolbu miegħek, jiħduk għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni u għall-​assembleat akbar tal-​poplu t’Alla, u jieħdu sehem miegħek fil-​ministeru tal-​għalqa. Fil-​fatt, li jgħallmuk il-​mogħdijiet t’Alla hija responsabbiltà importanti ferm li l-​ġenituri tiegħek irċivew mingħand Ġeħova nnifsu. Tapprezza int l-​imħabba li għandhom għalik u l-​interess li għandhom fik?—Prov. 23:22.

6. (a) Skont Salm 110:3, liema qima togħġob lil Ġeħova? (b) X’se nikkunsidraw issa?

6 Xorta waħda, hekk kif tikbru intom iż-​żgħażagħ, Ġeħova jridkom “tagħtu prova lilkom infuskom dwar x’inhi r-​rieda tajba u aċċettabbli u perfetta t’Alla,” sewwasew bħalma għamel Timotju. (Rum. 12:2) Jekk tagħmel hekk, mhux se tieħu sehem fl-​attivitajiet tal-​kongregazzjoni għax il-​ġenituri tiegħek iriduk tagħmel hekk, imma għax int trid tagħmel ir-​rieda t’Alla. Jekk taqdi lil Ġeħova minn rajk, se togħġbu. (Salm 110:3) Allura, kif tistaʼ turi li trid issaħħaħ ix-​xewqa tiegħek li tagħti widen lil Ġeħova u li ssegwi d-​direzzjoni tiegħu? Se nikkunsidraw tliet modi importanti kif tistaʼ tagħmel dan. Dawn huma l-​istudju, it-​talb, u l-​kondotta. Ejja neżaminawhom wieħed wieħed.

Sir Af lil Ġeħova Bħala Persuna

7. Ġesù kif ħalla eżempju bħala student tal-​Iskrittura, u x’għenu jagħmel dan?

7 L-​ewwel mod li bih turi li trid tkabbar ix-​xewqa tiegħek biex taqdi lil Ġeħova hu billi taqra l-​Bibbja kuljum. Tistaʼ tissodisfa l-​bżonn spiritwali tiegħek u tieħu għarfien prezzjuż tal-​Bibbja billi taqra l-​Kelma t’Alla regolarment. (Mt. 5:3) Ġesù ħalla eżempju f’dan. Darba minnhom, meta kellu 12-​il sena, il-​ġenituri tiegħu sabuh fit-​tempju “bil-​qiegħda f’nofs l-​għalliema, jismagħhom u jistaqsihom.” (Lq. 2:44-​46) Bħala tifel, Ġesù kien diġà żviluppa xenqa għall-​Iskrittura u fehma tagħha. X’għenu jagħmel dan? Bla dubju, ommu Marija u Ġużeppi, il-​missier adottiv tiegħu, kellhom irwol importanti. Huma kienu qaddejja t’Alla, u lil Ġesù tawh istruzzjoni divina minn ċkunitu.—Mt. 1:18-​20; Lq. 2:41, 51.

8. (a) Il-​ġenituri meta għandhom jibdew idaħħlu f’qalb uliedhom l-​imħabba għall-​Kelma t’Alla? (b) Semmi esperjenza li tikkonferma l-​valur taʼ li tħarreġ lit-​tfal minn mindu jkunu trabi.

8 Bl-​istess mod, illum il-​ġenituri li jibżgħu minn Alla jirrikonoxxu l-​valur li jdaħħlu f’qalb uliedhom ix-​xenqa għall-​verità tal-​Bibbja minn mindu jkunu għadhom trabi. (Dt. 6:6-​9) Hekk għamlet Rubi, oħt Kristjana, ftit wara li twieled l-​ewwel iben tagħha, Joseph. Kuljum kienet taqralu minn Il-​Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-​Bibbja. Hekk kif beda jikber, għenitu jitgħallem diversi skritturi bl-​amment. Ibbenefika Joseph minn taħriġ bħal dan? Malli tgħallem jitkellem, hu setaʼ jirrakkonta ħafna stejjer tal-​Bibbja fi kliemu stess. U meta kellu ħames snin, ta l-​ewwel taħdita tiegħu fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku.

9. Għala hu importanti li taqra l-​Bibbja u timmedita fuq dak li taqra?

9 Biex tagħmlu iktar progress spiritwali, intom iż-​żgħażagħ għandkom tagħmlu l-​qari tal-​Bibbja kuljum drawwa li żżommuha matul l-​adoloxxenza tagħkom u anki meta ssiru adulti. (Salm 71:17) Il-​qari tal-​Bibbja għala se jgħinek tagħmel progress? Innota x’qal Ġesù f’talba lil Missieru: “Il-​ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-​uniku Alla veru.” (Ġw. 17:3) Tabilħaqq, hekk kif tieħu iktar għarfien dwar Ġeħova, int se tarah dejjem iktar ċar bħala Persuna reali u tkabbar imħabbtek għalih. (Ebr. 11:27) Għalhekk, kull darba li taqra silta mill-​Bibbja, uża dik l-​opportunità biex titgħallem iktar dwar Ġeħova. Staqsi lilek innifsek: ‘Dan ir-​rakkont x’jgħallimni dwar Ġeħova bħala Persuna? Din is-​silta mill-​Bibbja kif turi l-​imħabba li Alla għandu għalija u l-​interess li għandu fija?’ Il-​fatt li tieħu l-​ħin biex timmedita fuq mistoqsijiet bħal dawn se jgħinek titgħallem kif Ġeħova jaħseb u jħossu u x’jirrikjedi minnek. (Aqra Proverbji 2:1-​5.) Bħaż-​żagħżugħ Timotju, int se ‘ssir konvint’ li dak li titgħallem mill-​Iskrittura hu minnu, u se tiġi mqanqal biex tqim lil Ġeħova minn rajk.—2 Tim. 3:14.

Kif it-​Talb Ikabbar l-​Imħabba Tiegħek Għal Ġeħova

10, 11. It-​talb kif jgħinek issaħħaħ ix-​xewqa tiegħek biex taqdi lil Alla?

10 It-​tieni mod li bih int tistaʼ ssaħħaħ ix-​xewqa tiegħek li taqdi lil Ġeħova b’qalbek kollha hu permezz tat-​talb tiegħek. F’Salm 65:2 naqraw: “O Semmiegħ it-​talb, għandek jiġu n-​nies taʼ kull xorta.” Saħansitra matul iż-​żmien li Israel kien il-​poplu f’patt m’Alla, barranin li kienu jmorru fit-​tempju taʼ Ġeħova setgħu jersqu lejh bit-​talb. (1 Slat. 8:41, 42) Alla mhux parzjali. Dawk li josservaw il-​kmandamenti tiegħu għandhom l-​assiguranza li hu se jagħtihom widen. (Prov. 15:8) Ċertament li “n-​nies taʼ kull xorta” jinkludu lilkom iż-​żgħażagħ.

11 Int taf li l-​bażi għal kwalunkwe ħbiberija vera hi komunikazzjoni tajba. X’aktarx li tħobb taqsam il-​ħsibijiet, it-​tħassib, u s-​sentimenti tiegħek maʼ ħabib tal-​qalb. B’mod simili, meta toffri talb mill-​qalb tkun qed tikkomunika mal-​Ħallieq Grandjuż tiegħek. (Flp. 4:6, 7) Tkellem maʼ Ġeħova bħallikieku qed tiftaħ qalbek maʼ ġenitur li jħobb jew maʼ ħabib tal-​qalb. Fil-​fatt, hemm rabta soda bejn kif titlob u bejn kif tħossok dwar Ġeħova. Se tinnota li iktar ma tissaħħaħ il-​ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova, iktar se jsir sinifikanti t-​talb tiegħek.

12. (a) Talb sinifikanti għala jinvolvi iktar minn sempliċi kliem? (b) X’se jgħinek tirrealizza li Ġeħova hu qrib tiegħek?

12 Imma żomm f’moħħok li talba sinifikanti tinvolvi iktar minn sempliċi kliem. Tinkludi l-​iktar sentimenti profondi tiegħek. Fit-​talb tiegħek, esprimi l-​imħabba mill-​qalb u r-​rispett profond għal Ġeħova, u l-​fiduċja sħiħa fih. Hekk kif tinduna kif Ġeħova jwieġeb it-​talb tiegħek, bħal qatt qabel int personalment se tirrealizza li “Ġeħova hu qrib dawk kollha li jsejħulu.” (Salm 145:18) Iva, Ġeħova se jersaq qrib tiegħek, billi jsaħħek biex topponi lix-​Xitan u biex tagħmel l-​aħjar għażliet fil-​ħajja.—Aqra Ġakbu 4:7, 8.

13. (a) Il-​ħbiberija m’Alla kif għenet lil waħda oħt? (b) Il-​ħbiberija m’Alla kif tgħinek tkampa mal-​pressjoni minn dawk tamparek?

13 Ikkunsidra kif Cherie ssaħħet għax kellha relazzjoni mill-​qrib maʼ Ġeħova. Fl-​iskola sekondarja, hi rebħet premjijiet għax marret tajjeb fl-​iskola u spikkat fl-​isports. Meta spiċċat l-​iskola offrewlha borża taʼ studju li kienet tippermettilha tkompli tieħu edukazzjoni iktar għolja. “L-​offerta ħajritni,” tgħid Cherie, “u l-​kowċis u l-​istudenti sħabi għamluli pressjoni kbira biex naċċettaha.” Imma hi rrealizzat li jekk tkompli tieħu iktar edukazzjoni kien se jkollha bżonn tqattaʼ l-​biċċa l-​kbira mill-​ħin tagħha tistudja u tipprepara għal avvenimenti sportivi—bi ftit li xejn ħin biex taqdi lil Ġeħova. Cherie x’għamlet? Hi tgħid, “Wara li tlabt lil Ġeħova, irrifjutajt il-​borża taʼ studju u bdejt naqdi bħala pijuniera regulari.” Issa ilha ħames snin taqdi bħala pijuniera. “Ma jiddispjaċini xejn,” tgħid hi. “Il-​fatt li naf li ħadt deċiżjoni li togħġob lil Ġeħova jagħmilni ferħana. Tabilħaqq, jekk tqiegħed is-​Saltna t’Alla l-​ewwel, l-​affarijiet l-​oħrajn kollha se jiżdidulek.”—Mt. 6:33.

Kondotta Tajba Turi li Int Għandek ‘Qalbek Nadifa’

14. Il-​kondotta tajba tiegħek għala hi importanti f’għajnejn Ġeħova?

14 It-​tielet mod li bih tistaʼ turi li qed taqdi lil Ġeħova minn rajk hu bil-​kondotta tiegħek. Ġeħova jbierek lil żgħażagħ li jibqgħu nodfa moralment. (Aqra Salm 24:3-​5.) Iż-​żagħżugħ Samwel irrifjuta li jimita l-​kondotta immorali taʼ wlied il-​Qassis il-​Kbir Għeli. Il-​kondotta mill-​aħjar taʼ Samwel ġiet notata. Il-​Bibbja tgħid: “Sadanittant, it-​tifel Samwel kien qed jikber u jingħoġob iktar, sew quddiem Ġeħova u sew quddiem il-​bnedmin.”—1 Sam. 2:26.

15. X’inhuma xi raġunijiet għala għandek iżżomm kondotta tajba?

15 Aħna ngħixu f’dinja li hi mimlija nies li jħobbu lilhom infushom, li huma suppervi, diżubbidjenti lejn il-​ġenituri, ingrati, żleali, feroċi, imkabbrin, iħobbu l-​pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla—biex insemmu ftit mill-​karatteristiki li semma Pawlu. (2 Tim. 3:1-​5) Għalhekk, jistaʼ jkun verament taʼ sfida għalik biex iżżomm kondotta eżemplari minkejja li int imdawwar minn dan l-​ambjent mill-​agħar. Madankollu, kull darba li tagħmel dak li hu sewwa u tirrifjuta li tieħu sehem f’kondotta ħażina, int turi li qiegħed fuq in-​naħa taʼ Ġeħova fil-​kwistjoni tas-​sovranità universali. (Ġob 2:3, 4) Ikollok ukoll is-​sodisfazzjon li taf li qed twieġeb għall-​appell mill-​qalb taʼ Ġeħova: “Ibni, kun għaref u ferraħli qalbi, biex inkun nistaʼ nwieġeb lil min qed jgħajjarni.” (Prov. 27:11) Iktar minn hekk, il-​fatt li taf li għandek l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova se jsaħħek fix-​xewqa tiegħek biex taqdih.

16. Waħda oħt kif ferrħet qalb Ġeħova?

16 Bħala adoloxxenti, oħt Kristjana jisimha Carol żammet mal-​prinċipji tal-​Bibbja meta kienet l-​iskola, u l-​kondotta tajba tagħha ġiet notata. X’ġara? Carol kienet tiġi mwaqqgħa għaċ-​ċajt minn sħaba tal-​klassi għax il-​kuxjenza tagħha mħarrġa minn fuq il-​Bibbja ma ħallithiex tieħu sehem fil-​festi u f’ċerimonji patrijottiċi. F’dawn l-​okkażjonijiet, hi kultant kien ikollha l-​opportunità li tispjega t-​twemmin tagħha lil oħrajn. Ħafna snin wara, Carol irċiviet kartolina minn mara li qabel kienet fil-​klassi tagħha u fiha kitbet: “Dejjem xtaqt nikkuntattjak u nirringrazzjak. Il-​kondotta tajba u l-​eżempju tiegħek bħala żagħżugħa Kristjana, flimkien mal-​waqfa kuraġġuża li ħadt rigward il-​festi, ġew notati. Int kont l-​ewwel kuntatt tiegħi max-​Xhieda taʼ Ġeħova.” L-​eżempju taʼ Carol tant kien ħalla impressjoni qawwija fuq seħbitha tal-​klassi li din iktar tard kienet bdiet tistudja l-​Bibbja. Hi kitbet fil-​kartolina li bagħtet lil Carol li hi ilha Xhud mgħammda għal iktar minn 40 sena! Bħal Carol, intom iż-​żgħażagħ li llum iżżommu b’mod kuraġġuż mal-​prinċipji tal-​Bibbja tistgħu tqanqlu lil individwi taʼ qalb onesta biex isiru jafu lil Ġeħova.

Żgħażagħ li Qed Ifaħħru lil Ġeħova

17, 18. (a) Kif tħossok dwar iż-​żgħażagħ tal-​kongregazzjoni tiegħek? (b) Liema futur hemm jistenna liż-​żgħażagħ li jibżgħu minn Alla?

17 Ilkoll kemm aħna li qegħdin fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova madwar id-​dinja nitpaxxew naraw ħafna eluf taʼ żgħażagħ żelużi jieħdu sehem fil-​qima vera. Dawn iż-​żgħażagħ isaħħu x-​xewqa tagħhom li jqimu lil Ġeħova billi jaqraw il-​Bibbja kuljum, billi jitolbu, u billi jġibu ruħhom fi qbil mar-​rieda t’Alla. Żgħażagħ eżemplari bħal dawn huma sors taʼ serħan għall-​ġenituri tagħhom u għan-​nies kollha taʼ Ġeħova.—Prov. 23:24, 25.

18 Fil-​futur, żgħażagħ leali se jkunu fost dawk li se jibqgħu ħajjin u jidħlu fid-​dinja l-​ġdida mwiegħda minn Alla. (Riv. 7:9, 14) Hemmhekk se jesperjenzaw ħafna barkiet meraviljużi hekk kif ikomplu jkabbru l-​apprezzament tagħhom għal Ġeħova, u se jkunu jistgħu jfaħħruh għal żmien indefinit.—Salm 148:12, 13.

Tistaʼ Tispjega?

• Illum iż-​żgħażagħ kif jistgħu jieħdu sehem fil-​qima vera?

• Biex tibbenefika mill-​qari tal-​Bibbja, għala l-​meditazzjoni hi essen-​ zjali?

• It-​talb kif jgħinek tersaq qrib lejn Ġeħova?

• X’jitwettaq b’kondotta Kristjana tajba?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 5]

Hija d-​drawwa tiegħek li taqra l-​Bibbja kuljum?