Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Int Tħalli lil Ġeħova Jistaqsik?

Int Tħalli lil Ġeħova Jistaqsik?

Int Tħalli lil Ġeħova Jistaqsik?

IL-​BIBBJA fiha mijiet taʼ mistoqsijiet li jinżlu fil-​fond tal-​qalb. Fil-​fatt, Alla Ġeħova nnifsu juża l-​mistoqsijiet biex jgħallem veritajiet importanti. Pereżempju, Ġeħova uża diversi mistoqsijiet meta wissa lil Kajjin biex jirranġa t-​triq distruttiva li kien qabad. (Ġen. 4:6, 7) F’okkażjonijiet oħrajn, mistoqsija waħda mingħand Ġeħova kienet biżżejjed biex tqanqal lil dak li jkun jieħu azzjoni pożittiva. Xħin semaʼ lil Ġeħova jistaqsi: “Lil min se nibgħat, u min se jmurilna?” il-​profeta Isaija wieġeb: “Hawn jien! Ibgħat lili.”—Is. 6:8.

Ġesù, l-​Għalliem il-​Kbir, ukoll uża l-​mistoqsijiet b’mod effettiv. Fl-​Evanġelji hemm iktar minn 280 mistoqsija taʼ Ġesù. Għalkemm kultant kien juża l-​mistoqsijiet biex isikket lil dawk li kkritikawh, ġeneralment l-​iskop tiegħu kien li jilħaq qalb is-​semmiegħa tiegħu, billi jqanqalhom jirriflettu fuq l-​istat spiritwali tagħhom stess. (Mt. 22:41-​46; Ġw. 14:9, 10) B’mod simili, l-​appostlu Pawlu, li kiteb 14-​il ktieb mill-​Iskrittura Griega Kristjana, uża l-​mistoqsijiet b’mod persważiv. (Rum. 10:13-​15) Pereżempju, l-​ittra tiegħu lir-​Rumani fiha għadd kbir taʼ mistoqsijiet. Il-​mistoqsijiet taʼ Pawlu jqanqlu lill-​qarrejja tiegħu biex japprezzaw “kemm huma profondi r-​rikkezzi u l-​għerf u l-​għarfien t’Alla.”—Rum. 11:33.

Filwaqt li xi mistoqsijiet iqanqlu tweġiba bil-​kliem, oħrajn għandhom l-​iskop li jqanqlu lil dak li jkun biex jaħseb b’mod profond. Fl-​Evanġelji nsibu li Ġesù spiss uża mistoqsijiet bħal dawn tal-​aħħar. F’okkażjoni minnhom, Ġesù wissa lid-​dixxipli tiegħu: “Oqogħdu attenti mill-​ħmira tal-​Fariżej u mill-​ħmira t’Erodi,” jiġifieri, l-​ipokrisija u t-​tagħlim falz tagħhom. (Mk. 8:15; Mt. 16:12) Id-​dixxipli taʼ Ġesù ma fehmux il-​punt u bdew jargumentaw għax kienu nsew jieħdu l-​ħobż magħhom. Innota l-​mod kif Ġesù uża l-​mistoqsijiet fil-​konversazzjoni qasira li kellhom wara. “Qalilhom: ‘Għala qed targumentaw għax m’għandkomx ħobż? Għadkom ma ntbaħtux u ma fhimtux? Qlubkom għadhom tqal biex jifhmu? “Għandkom għajnejn u ma tarawx; widnejn u ma tisimgħux?” . . . Għadkom ma fhimtux?’” Il-​mistoqsijiet taʼ Ġesù kellhom l-​iskop li jġiegħlu lid-​dixxipli tiegħu jaħsbu, billi jqanqluhom jirriflettu fuq it-​tifsir veru taʼ kliemu.—Mk. 8:16-​21.

“Ħa Nistaqsik”

Alla Ġeħova uża l-​mistoqsijiet biex jirranġa l-​mod taʼ ħsieb tal-​qaddej tiegħu Ġob. Permezz taʼ għadd taʼ mistoqsijiet, Ġeħova għallem lil Ġob dwar kemm kien insinifikanti meta mqabbel maʼ Dak li għamlu. (Ġob, kap. 38-​41) Stenna Ġeħova tweġiba bil-​kliem għal kull waħda minn dawn il-​mistoqsijiet? X’aktarx li le. Mistoqsijiet bħal “Fejn kont int meta jien sejjist l-​art?” milli jidher kellhom l-​iskop li jqanqlu l-​mod taʼ ħsieb u l-​emozzjonijiet taʼ Ġob. Wara ftit minn dawn il-​mistoqsijiet, Ġob tħalla kważi bla kliem. Sempliċement qal: “X’se nwieġbek? Inqiegħed idi fuq fommi.” (Ġob 38:4; 40:4) Ġob fehem il-​punt u umilja ruħu. Madankollu, Ġeħova ma kienx sempliċement qed jgħallem lil Ġob biex ikun umli. Il-​mod kif kien jaħseb Ġob ġie koreġut ukoll. B’liema mod?

Għalkemm Ġob kien “raġel bla ħtija u rett,” kultant kliemu kixef ħarsa żbaljata, u Eliħu rrefera għaliha meta widdeb lil Ġob minħabba li “ddikjara lil ruħu ġusta minflok lil Alla.” (Ġob 1:8; 32:2; 33:8-​12) B’hekk, il-​mistoqsijiet taʼ Ġeħova kkoreġew ukoll il-​fehma taʼ Ġob. Alla kellem lil Ġob minn ġo riefnu u qallu: “Min hu dan li qed joskura l-​pariri bi kliem mingħajr għarfien? Ħażżem ġenbejk, jekk jogħġbok, bħal raġel b’saħħtu, u ħa nistaqsik, u int għarrafni.” (Ġob 38:1-​3) Permezz tal-​mistoqsijiet, Ġeħova mbagħad ġibed l-​attenzjoni lejn l-​għerf u l-​qawwa bla limitu tiegħu kif jintwerew fl-​għemejjel meraviljużi tiegħu. Din il-​fehma ċara għenet lil Ġob biex jafda bħal qatt qabel fil-​ġudizzju taʼ Ġeħova u fil-​mod kif jagħmel l-​affarijiet. X’esperjenza tal-​għaġeb għal Ġob—li Alla li Jistaʼ Kollox innifsu jistaqsih mistoqsijiet!

Kif Nistgħu Nħallu lil Ġeħova Jistaqsina

Xi ngħidu għalina? Nistgħu aħna wkoll nibbenefikaw mill-​mistoqsijiet imniżżlin fil-​Bibbja? Iva, nistgħu! Aħna nistgħu ngawdu barkiet għonja spiritwalment jekk inħallu dawn il-​mistoqsijiet iqanqluna nieqfu u naħsbu. Il-​mistoqsijiet profondi fil-​Kelma t’Alla jikkontribwixxu għall-​effettività tagħha. Tabilħaqq, “il-​kelma t’Alla hi . . . qawwija . . . u tistaʼ tagħraf il-​ħsibijiet u l-​intenzjonijiet tal-​qalb.” (Ebr. 4:12) Madankollu, biex niksbu l-​akbar benefiċċju rridu nagħmlu dawn il-​mistoqsijiet lilna nfusna, bħallikieku Ġeħova qed jistaqsina personalment. (Rum. 15:4) Ejja nikkunsidraw ftit eżempji.

“Sejjer l-​Imħallef taʼ l-​art kollha ma jagħmilx dak li hu sewwa?” (Ġen. 18:25) Abraham għamel din il-​mistoqsija retorika lil Ġeħova fi żmien il-​ġudizzju t’Alla kontra Sodoma u Gomorra. Abraham lanqas qatt ma kien jgħaddilu minn moħħu li Ġeħova jistaʼ xi darba jaġixxi b’mod inġust—li joqtol lin-​nies sewwa flimkien maʼ dawk mill-​agħar. Il-​mistoqsija taʼ Abraham tirrifletti l-​fidi profonda tiegħu fis-​sewwa taʼ Ġeħova.

Illum, xi wħud għandhom mnejn jitħajru jispekulaw dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-​ġudizzji futuri taʼ Ġeħova, bħal min eżattament se jgħaddi ħaj minn Armageddon jew min se jiġi rxoxtat. Minflok ma nħallu ħsibijiet bħal dawn jinkwetawna, nistgħu niftakru fil-​mistoqsija taʼ Abraham. Il-​fatt li nafu lil Ġeħova bħala Missier tas-​sema qalbu tajba u għandna fiduċja sħiħa fil-​ġustizzja u l-​ħniena tiegħu, bħalma kellu Abraham, iżommna milli naħlu l-​ħin u l-​enerġija fuq inkwiet bla bżonn, dubji li jdgħajfu, u dibattiti bla siwi.

“Min minnkom billi jkun ansjuż jistaʼ jtawwal għomru mqar bi ftit?” (Mt. 6:27) Meta indirizza folla kbira li fosthom kien hemm id-​dixxipli tiegħu, Ġesù uża din il-​mistoqsija biex jenfasizza l-​bżonn li jħallu ruħhom fl-​idejn kollhom imħabba taʼ Ġeħova. L-​aħħar jiem taʼ din is-​sistema mill-​agħar iġibu ħafna ansjetajiet, imma mbilli niffokaw fuqhom mhux se ntawlu ħajjitna jew intejbu l-​kwalità tal-​ħajja.

Kull meta nħossuna ansjużi dwarna nfusna jew dwar il-​maħbubin tagħna, jekk infakkru lilna nfusna dwar il-​mistoqsija taʼ Ġesù nistgħu niġu megħjunin biex ikollna ħarsa xierqa lejn kwistjonijiet li jagħmluna ansjużi. Nistgħu niġu megħjunin biex nieqfu ninkwetaw u biex ma naħsbux b’mod negattiv, għax dawn jgħejjuna mentalment, emozzjonalment, u fiżikament. Bħalma assigurana Ġesù, Missierna tas-​sema, li jitmaʼ l-​għasafar tas-​sema u jlibbes il-​ħaxix tar-​rabaʼ, jaf tajjeb dak li neħtieġu.—Mt. 6:26-​34.

“Jistaʼ raġel jiġmaʼ n-​nar f’ħobbu u madankollu ħwejġu ma jinħarqux?” (Prov. 6:27) Fl-​ewwel disaʼ kapitli tal-​ktieb tal-​Proverbji nsibu pariri għaqlin li missier qed jagħti lil ibnu. Il-​mistoqsija kwotata hawn fuq tirreferi għall-​konsegwenzi taʼ wġigħ li jiġu mill-​adulterju. (Prov. 6:29) Jekk nindunaw li nkunu qed nitkessħu maʼ dawk tas-​sess oppost jew li nkunu qed naħsbu dwar xewqat ħżiena sesswalment, din il-​mistoqsija għandha tiġbdilna l-​attenzjoni lejn il-​periklu. Bħala prinċipju, din il-​mistoqsija tistaʼ ssir kull meta persuna tkun imħajra taqbad triq mhix għaqlija. Kemm jenfasizza b’mod ċar il-​prinċipju prattiku tal-​Bibbja: ‘Tiżraʼ dak li taħsad’!—Gal. 6:7.

“Int min int biex tiġġudika l-​qaddej taʼ dar ħaddieħor?” (Rum. 14:4) Fl-​ittra tiegħu lir-​Rumani, Pawlu ddiskuta xi problemi li qamu fil-​kongregazzjoni tal-​ewwel seklu. Xi Kristjani, li kienu ġejjin minn diversi sfondi kulturali, kellhom it-​tendenza li jiġġudikaw id-​deċiżjonijiet u l-​azzjonijiet taʼ sħabhom fit-​twemmin. Il-​mistoqsija taʼ Pawlu fakkrithom biex jilqgħu lil xulxin u biex iħallu l-​ġudizzju f’idejn Ġeħova.

Illum, bl-​istess mod, in-​nies taʼ Ġeħova jiġu minn kull sfond tal-​ħajja. Madankollu, Ġeħova ġabarna flimkien f’unità prezzjuża. Nikkontribwixxu aħna għal din l-​unità? Jekk għandna t-​tendenza li nkunu ħfief biex nesprimu diżapprovazzjoni għal azzjoni li ħu jkun ħa fi qbil mal-​kuxjenza tiegħu, kemm ikun għaqli li nistaqsu lilna nfusna l-​mistoqsija taʼ Pawlu hawn fuq!

Il-​Mistoqsijiet Iressquna Eqreb Lejn Ġeħova

Dawn il-​ftit eżempji juru kif il-​mistoqsijiet li hemm fil-​Kelma t’Alla jistgħu jqanqlu lil dak li jkun biex jeżamina lilu nnifsu. Jekk nikkunsidraw il-​kuntest taʼ kull mistoqsija, nistgħu niġu megħjunin biex napplikawha b’mod prattiku għaċ-​ċirkustanzi tagħna stess. U hekk kif naqraw il-​Bibbja se ninnotaw mistoqsijiet oħrajn li huma taʼ għajnuna.—Ara l-​kaxxa f’paġna 14.

Jekk inħallu l-​mistoqsijiet profondi li jinsabu fil-​Kelma t’Alla jmissulna qalbna se niġu megħjunin inġibu moħħna u qalbna fi qbil mat-​triqat ġusti taʼ Ġeħova. Wara li Ġeħova għamillu l-​mistoqsijiet, Ġob iddikjara: “B’widnejja smajt dwarek, imma issa narak b’għajnejja.” (Ġob 42:5) Iva, Ġeħova kien sar iktar reali għal Ġob, bħallikieku Hu kien preċiż quddiem għajnejh. Id-​dixxiplu Ġakbu iktar tard esprimieha b’dan il-​mod: “Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.” (Ġak. 4:8) Jalla nħallu l-​Kelma t’Alla kollha kemm hi, inkluż il-​mistoqsijiet tagħha, tgħinna nikbru spiritwalment u ‘naraw’ lil Ġeħova dejjem iktar ċar!

[Kaxxa f’paġna 14]

Il-​fatt li tistaqsi lilek innifsek dawn il-​mistoqsijiet kif jistaʼ jgħinek tadotta l-​ħarsa taʼ Ġeħova lejn il-​kwistjonijiet?

▪ “Jitgħaxxaq Ġeħova bl-​offerti tal-​ħruq u bis-​sagrifiċċji daqskemm jitgħaxxaq b’wieħed li jismaʼ minn leħen Ġeħova?”—1 Sam. 15:22.

▪ “Dak li fforma l-​għajn, ma jarax?”—Salm 94:9.

▪ “Meta n-​nies ifittxu l-​glorja tagħhom stess, xi glorja tkun din?”—Prov. 25:27.

▪ “Għandek għalfejn tagħdab daqshekk?”—Ġona 4:4.

▪ “X’jiswielu bniedem jekk jikseb id-​dinja kollha imma jitlef ruħu?” —Mt. 16:26.

▪ “Min se jifridna mill-​imħabba tal-​Kristu?”—Rum. 8:35.

▪ “X’għandek li ma rċivejtx?”—1 Kor. 4:7.

▪ “X’għandu x’jaqsam id-​dawl mad-​dlam?”—2 Kor. 6:14.

[Stampa f’paġna 15]

Ġob x’tgħallem mill-​mistoqsijiet li għamillu Ġeħova?