Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-Irwol tal-Ispirtu Qaddis fit-Twettiq tal-Iskop taʼ Ġeħova

L-Irwol tal-Ispirtu Qaddis fit-Twettiq tal-Iskop taʼ Ġeħova

L-​Irwol tal-​Ispirtu Qaddis fit-​Twettiq tal-​Iskop taʼ Ġeħova

“Kelmti li toħroġ minn fommi . . . żgur tirnexxi f’dak li bgħattha tagħmel.”—IS. 55:11.

1. Agħti eżempju tad-​differenza li hemm bejn pjan u skop.

 IMMAĠINA li żewġt irġiel qed iħejju b’mod individwali biex jagħmlu vjaġġ bil-​karozza. Wieħed iħejji mappa taʼ rotta speċifika u dettaljata li twasslu sad-​destinazzjoni tiegħu. L-​ieħor għandu d-​destinazzjoni ċara f’moħħu, iżda jaf ukoll b’diversi rotot li jistaʼ jaqbad. Hu lest li jaġġusta r-​rotta tiegħu jekk iċ-​ċirkustanzi jkunu jitolbu dan. Sa ċertu punt, il-​ħarsa differenti taʼ dawn iż-​żewġt irġiel tagħti stampa tad-​differenza bejn pjan u skop. Pjan jistaʼ jitqabbel maʼ mappa dettaljata taʼ rotta, filwaqt li skop jistaʼ jinvolvi li jkollok f’moħħok mira iżda mhux neċessarjament mod speċifiku wieħed kif tilħaqha.

2, 3. (a) L-​iskop taʼ Ġeħova x’jinvolvi, u Hu kif aġixxa fis-​sitwazzjoni li qamet meta Adam u Eva dinbu? (b) Għala nagħmlu tajjeb li nkunu konxji tal-​mod li bih Ġeħova jwettaq l-​iskop tiegħu?

2 Rigward it-​twettiq tar-​rieda tiegħu, Ġeħova m’għandux pjan fiss, iżda skop li jitwettaq mal-​medda taż-​żmien. (Efes. 3:11) Dan l-​iskop jinvolvi dak li oriġinalment kellu f’moħħu għall-​umanità u għall-​art, jiġifieri, li dan il-​globu jiġi mibdul f’Ġenna tal-​art fejn il-​bnedmin perfetti jistgħu jgħixu fis-​sliem u fl-​hena għal dejjem. (Ġen. 1:28) Meta Adam u Eva dinbu, Ġeħova aġixxa f’din is-​sitwazzjoni u għamel dak li kien hemm bżonn biex ikun ċert li jitwettaq l-​iskop tiegħu. (Aqra Ġenesi 3:15.) Ġeħova ddeċieda bil-​quddiem li l-​mara simbolika tiegħu tagħti ‘nisel,’ jew Iben, li eventwalment kellu jeqred lil Satana x-​xewwiex, u jreġġaʼ lura l-​ħsara kollha li dan ikkaġuna.—Ebr. 2:14; 1 Ġw. 3:8.

3 Ebda qawwa fis-​smewwiet jew fuq l-​art ma tistaʼ żżomm lil Alla lura milli jwettaq dak li jgħid li se jagħmel. (Is. 46:9-​11) Għala nistgħu ngħiduh dan? Għax hemm involut l-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova. Din il-​forza li ħadd u xejn ma jistaʼ jegħlibha tagħti garanzija li l-​iskop t’Alla ‘żgur jirnexxi.’ (Is. 55:10, 11) Nagħmlu tajjeb li nkunu konxji tal-​mod li bih Alla jwettaq l-​iskop tiegħu u naġixxu fi qbil miegħu. Il-​prospetti tal-​ħajja tagħna fil-​futur jiddependu mit-​twettiq tal-​iskop tiegħu. Iktar minn hekk, l-​fidi tagħna tissaħħaħ meta naraw kif Ġeħova juża l-​ispirtu qaddis tiegħu. Għalhekk, ejja nikkunsidraw l-​irwol tal-​ispirtu—fil-​passat, fil-​preżent, u fil-​futur—fit-​twettiq tal-​iskop taʼ Ġeħova.

L-​Irwol tal-​Ispirtu Qaddis fil-​Passat

4. Ġeħova kif irrivela l-​iskop tiegħu ftit ftit?

4 Fi żminijiet Bibliċi, Ġeħova rrivela l-​iskop tiegħu ftit ftit. Għall-​ewwel, l-​identità tan-​Nisel imwiegħed kienet “sigriet sagru.” (1 Kor. 2:7) Kien biss madwar 2,000 sena wara li Ġeħova reġaʼ għamel referenza għal nisel. (Aqra Ġenesi 12:7; 22:15-​18.) Ġeħova għamel wegħda maʼ Abraham li kellu jkollha twettiq akbar. Il-​kliem “permezz taʼ nislek” kien indikazzjoni ċara li n-​Nisel kellu jiġi bħala bniedem, dixxendent taʼ Abraham. Nistgħu nibqgħu ċerti li Satana kien qed josserva b’interess kbir hekk kif ġie rivelat dan id-​dettall. Bla dubju, dan l-​Avversarju ma ried xejn iktar ħlief li jeqred jew jikkorrompi l-​linja taʼ dixxendenza taʼ Abraham u b’hekk iħarbat l-​iskop t’Alla. Iżda riżultat bħal dan kien impossibbli għax l-​ispirtu inviżibbli t’Alla kien fl-​azzjoni. B’liema modi?

5, 6. Ġeħova kif uża l-​ispirtu tiegħu biex jipproteġi lil individwi fil-​linja taʼ dixxendenza li kienet twassal san-​Nisel?

5 Ġeħova uża l-​ispirtu tiegħu biex jipproteġi lil individwi fil-​linja taʼ dixxendenza li kienet twassal san-​Nisel. Lil Abram (Abraham), Ġeħova qallu: “Jien tarka għalik.” (Ġen. 15:1) Dan ma kienx kliem fil-​vojt. Pereżempju, ikkunsidra x’ġara madwar is-​sena 1919 Q.E.K. meta Abraham u Sara marru joqogħdu f’Gerar għal ftit żmien. Mingħajr ma kien jaf li Sara kienet mart Abraham, Abimelek, is-​sultan taʼ Gerar, ħa lil Sara bl-​intenzjoni li ssir martu. Kien Satana qed jimmanuvra s-​sitwazzjoni minn wara l-​kwinti, billi pprova jfixkel lil Sara milli tagħti nisel lil Abraham? Il-​Bibbja ma tgħid xejn dwar dan. Tgħid biss li Ġeħova interviena. F’ħolma, hu wissa lil Abimelek biex ma jmissx lil Sara.—Ġen. 20:1-​18.

6 Din ma kinitx l-​unika darba li Ġeħova pproteġiehom. Ġeħova ħeles lil Abraham u lill-​membri tal-​familja tiegħu bosta drabi. (Ġen. 12:14-​20; 14:13-​20; 26:26-​29) Rigward Abraham u d-​dixxendenti tiegħu, is-​salmista b’hekk setaʼ jgħid: “[Ġeħova] ma ħalla lil ebda bniedem jimbroljahom, imma minħabba fihom hu widdeb lis-​slaten, u qal: ‘Tmissux lill-​midlukin tiegħi, u tagħmlux deni lill-​profeti tiegħi.’”—Salm 105:14, 15.

7. Ġeħova b’liema modi pproteġa lill-​ġens taʼ Israel?

7 Permezz tal-​ispirtu tiegħu, Ġeħova pproteġa lill-​ġens taʼ Israel tal-​qedem li fih kellu jitwieled in-​Nisel imwiegħed. Permezz tal-​ispirtu tiegħu, Ġeħova ta l-​Liġi tiegħu lil Israel, u din ippreservat il-​qima vera u pproteġiet lil-​Lhud mit-​tinġis spiritwali, morali, u fiżiku. (Eżo. 31:18; 2 Kor. 3:3) Fi żmien l-​Imħallfin, l-​ispirtu taʼ Ġeħova ta s-​setgħa lil ċerti rġiel biex jeħilsu lil Israel mill-​għedewwa. (Mħ. 3:9, 10) Matul is-​sekli taʼ qabel it-​twelid taʼ Ġesù, li huwa l-​parti primarja min-​nisel taʼ Abraham, l-​ispirtu qaddis bilfors kien involut f’li jipproteġi lil Ġerusalemm, lil Betlehem, u t-​tempju. Dawn il-​postijiet kollha kellhom ikunu involuti fit-​twettiq tal-​profeziji dwar Ġesù.

8. X’juri li l-​ispirtu qaddis kien involut direttament fil-​ħajja u fil-​ministeru tal-​Iben t’Alla?

8 L-​ispirtu qaddis kien involut direttament fil-​ħajja u fil-​ministeru taʼ Ġesù. Fil-​ġuf tal-​verġni Marija, l-​ispirtu qaddis wettaq xi ħaġa li qatt ma kienet twettqet qabel u lanqas wara. Dan l-​ispirtu ġiegħel li mara imperfetta tikkonċepixxi u tiled Iben perfett li ma kienx taħt il-​piena tal-​mewt. (Lq. 1:26-​31, 34, 35) Iktar tard, l-​ispirtu pproteġa lil Ġesù tarbija minn mewt qabel il-​waqt. (Mt. 2:7, 8, 12, 13) Meta Ġesù kellu madwar 30 sena, Alla dilku bl-​ispirtu qaddis u ħatru biex ikun il-​werriet tat-​tron taʼ David u inkarigah biex jipprietka. (Lq. 1:32, 33; 4:16-​21) L-​ispirtu qaddis ta l-​qawwa lil Ġesù biex iwettaq mirakli, inkluż li jfejjaq lill-​morda, jitmaʼ lill-​folol taʼ nies, u jqajjem lill-​mejtin. Dawn l-​għemejjel setgħanin taw stampa bil-​quddiem tal-​barkiet li nistgħu nistennew taħt il-​ħakma taʼ Ġesù bħala Sultan.

9, 10. (a) Kif kien evidenti li l-​ispirtu qaddis kien fuq id-​dixxipli taʼ Ġesù tal-​ewwel seklu? (b) Liema żvilupp fit-​twettiq tal-​iskop taʼ Ġeħova kien rivelat fl-​ewwel seklu E.K.?

9 Sa minn Pentekoste tas-​sena 33 E.K., Ġeħova uża l-​ispirtu tiegħu biex jidlek lil uħud mill-​parti sekondarja tan-​nisel taʼ Abraham, li ħafna minnhom ma kinux dixxendenti taʼ Abraham. (Rum. 8:15-​17; Gal. 3:29) Kien evidenti li l-​ispirtu qaddis kien fuq id-​dixxipli taʼ Ġesù tal-​ewwel seklu. Dan tahom l-​abbiltà biex jippritkaw biż-​żelu u tahom il-​qawwa biex iwettqu għemejjel setgħanin. (Atti 1:8; 2:1-​4; 1 Kor. 12:7-​11) Permezz taʼ dawn l-​għotjiet mirakolużi, l-​ispirtu qaddis irrivela żvilupp li jispikka fit-​twettiq tal-​iskop taʼ Ġeħova. Ġeħova ma riedx li n-​nies jibqgħu jqimuh bl-​istess mod li kien stabbilixxa sekli qabel u li kien ċentrat fuq it-​tempju f’Ġerusalemm. Imbagħad, l-​approvazzjoni tiegħu kienet fuq il-​kongregazzjoni Kristjana li kienet għadha kif ġiet ifformata. Ġeħova ilu sa minn dak iż-​żmien juża din il-​kongregazzjoni midluka biex iwettaq l-​iskop tiegħu.

10 Ftit mill-​modi kif Ġeħova kien juża l-​ispirtu qaddis fi żminijiet Bibliċi biex jagħti garanzija li l-​iskop tiegħu jitwettaq huma billi kien jipproteġi, jqawwi, u jidlek. Iżda xi ngħidu għal żmienna? Ġeħova kif qed juża l-​ispirtu tiegħu issa biex iwettaq l-​iskop tiegħu? Jeħtieġ li nkunu nafu sabiex naħdmu f’armonija mal-​ispirtu. Għalhekk, ejja nikkunsidraw erbaʼ modi kif Ġeħova qed juża l-​ispirtu tiegħu fil-​preżent.

L-​Irwol tal-​Ispirtu Qaddis fil-​Preżent

11. X’juri li l-​ispirtu qaddis jgħin lin-​nies t’Alla jkunu nodfa, u kif tistaʼ turi li qed tħalli l-​ispirtu jkollu influwenza f’ħajtek?

11 L-​ewwel, l-​ispirtu qaddis jgħin lin-​nies t’Alla jkunu nodfa. Dawk li għandhom sehem fl-​iskop taʼ Ġeħova jridu jkunu nodfa moralment. (Aqra l-1 Korintin 6:9-​11.) Xi wħud li saru Kristjani veri, qabel kienu jieħdu sehem fi prattiki immorali bħall-​fornikazzjoni, l-​adulterju, u l-​omosesswalità. Ix-​xewqat li jwasslu għal għemejjel midinbin jistaʼ jkollhom għeruq fil-​fond. (Ġak. 1:14, 15) Madankollu, individwi bħal dawn ‘ġew maħsulin,’ u b’hekk taw indikazzjoni li għamlu l-​bidliet meħtiġin f’ħajjithom biex jogħġbu lil Alla. X’jgħin lil individwu li jħobb lil Alla jirnexxilu jirreżisti l-​impuls li jaġixxi skont ix-​xewqat ħżiena? ‘L-​ispirtu t’Alla tagħna,’ jgħid l-​1 Korintin 6:11. Billi żżomm ruħek nadif moralment, int turi li qed tħalli dan l-​ispirtu jkollu influwenza qawwija f’ħajtek.

12. (a) Skont il-​viżjoni taʼ Eżekjel, Ġeħova kif imexxi l-​organizzazzjoni tiegħu? (b) Kif tistaʼ turi li qed taħdem fi qbil mal-​ispirtu?

12 It-​tieni, Ġeħova juża l-​ispirtu tiegħu biex imexxi l-​organizzazzjoni fid-​direzzjoni li jridha tmur. Fil-​viżjoni taʼ Eżekjel, il-​parti tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova fis-​sema hi mpinġija bħala karru ċelestjali li dejjem miexi, bla ħadd u xejn ma jistaʼ jwaqqfu, sabiex iwettaq l-​iskop taʼ Ġeħova. Xi jġiegħel il-​karru jimxi f’ċerta direzzjoni? L-​ispirtu qaddis. (Eżek. 1:20, 21) Ejja niftakru li l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova hi magħmula minn żewġ partijiet, waħda fis-​sema u waħda fuq l-​art. Jekk il-​parti fis-​sema hi mmexxija mill-​ispirtu qaddis, l-​istess għandu jkun għall-​parti fuq l-​art. Billi tkun ubbidjenti u leali lejn id-​direzzjoni li tirċievi mill-​parti fuq l-​art tal-​organizzazzjoni t’Alla, int turi li qed iżżomm il-​pass mal-​karru ċelestjali taʼ Ġeħova u li qed taħdem fi qbil mal-​ispirtu qaddis tiegħu.—Ebr. 13:17.

13, 14. (a) “Din il-​ġenerazzjoni” li semma Ġesù, minn min hi magħmula? (b) Agħti eżempju li juri kif Ġeħova qed juża l-​ispirtu qaddis biex jgħinna nifhmu veritajiet Bibliċi. (Ara l-​kaxxa “Qiegħed Int Timxi mad-​Dawl li Dejjem Jiżdied?”)

13 It-​tielet, Ġeħova juża l-​ispirtu qaddis biex jgħinna nifhmu veritajiet Bibliċi. (Prov. 4:18) Din ir-​rivista ilha tintuża mill-​“ilsir leali u għaqli” bħala l-​mezz primarju biex titfaʼ iktar dawl. (Mt. 24:45) Pereżempju, ikkunsidra l-​fehma tagħna dwar dawk li jifformaw “din il-​ġenerazzjoni” msemmija minn Ġesù. (Aqra Mattew 24:32-​34.) Ġesù għal liema ġenerazzjoni kien qed jirreferi? L-​artiklu “Il-​Preżenza taʼ Kristu—Xi Tfisser Għalik?” spjega li Ġesù ma kienx qed jirreferi għall-​uħud mill-​agħar, iżda għad-​dixxipli tiegħu li fi ftit żmien kellhom jiġu midlukin bl-​ispirtu qaddis. a Is-​segwaċi midlukin taʼ Ġesù, kemm tal-​ewwel seklu kif ukoll taʼ żmienna, kellhom ikunu dawk l-​uħud li mhux biss jaraw is-​sinjal, iżda wkoll jifhmu t-​tifsira tiegħu, jiġifieri, li Ġesù “hu qrib, fil-​bieb.”

14 Din l-​ispjegazzjoni xi tfisser għalina? Għalkemm ma nistgħux nikkalkulaw bl-​eżatt kemm se ddum “din il-​ġenerazzjoni,” nagħmlu tajjeb li nżommu f’moħħna diversi affarijiet dwar il-​kelma “ġenerazzjoni”: Normalment din tirreferi għal nies taʼ etajiet differenti li jgħixu fl-​istess żmien matul perijodu taʼ żmien partikulari; mhijiex twila żżejjed; u għandha tmiem. (Eżo. 1:6) Mela, kif għandna nifhmu l-​kliem taʼ Ġesù rigward “din il-​ġenerazzjoni”? B’mod evidenti, hu ried ifisser li l-​ħajjiet tal-​midlukin li raw il-​bidu tas-​sinjal fl-​1914 kellhom jgħixu fl-​istess żmien taʼ wħud midlukin oħrajn, li għalkemm ma rawx il-​bidu taʼ dan is-​sinjal, kellhom jaraw il-​bidu tat-​tribulazzjoni l-​kbira. Din il-​ġenerazzjoni kellha bidu, u żgur se jkollha tmiem. It-​twettiq tad-​diversi karatteristiki tas-​sinjal jindikaw ċar li t-​tribulazzjoni bilfors li tinsab qrib. Jekk iżżomm is-​sens taʼ urġenza u tibqaʼ għassa, int tkun qed turi li qiegħed iżżomm il-​pass mad-​dawl li dejjem jiżdied u li qed issegwi t-​tmexxija tal-​ispirtu qaddis.—Mk. 13:37.

15. X’juri li huwa l-​ispirtu qaddis li jagħtina l-​qawwa biex niddikjaraw l-​aħbar tajba?

15 Ir-​rabaʼ, l-​ispirtu qaddis jagħtina l-​qawwa biex niddikjaraw l-​aħbar tajba. (Atti 1:8) X’hemm iktar li jistaʼ jispjega kif l-​aħbar tajba ġiet pritkata mad-​dinja kollha? Aħseb ftit. Għandu mnejn li int wieħed minn dawk li forsi minħabba l-​mistħija żejda jew il-​biżaʼ, xi darba għedt, ‘Jien qatt ma se mmur nipprietka minn dar għal dar!’ Madankollu, issa qed tieħu sehem biż-​żelu f’dan ix-​xogħol. b Ħafna Xhieda leali taʼ Ġeħova komplew jippritkaw meta ffaċċjaw oppożizzjoni jew persekuzzjoni. L-​ispirtu qaddis t’Alla biss jistaʼ jagħtina s-​saħħa biex negħlbu ostakli li jbeżżgħuna u biex nagħmlu affarijiet li jkunu impossibbli li nagħmluhom bis-​saħħa tagħna stess. (Mik. 3:8; Mt. 17:20) Jekk tieħu sehem sħiħ fix-​xogħol tal-​ippritkar, tkun qed turi li qed taħdem fi qbil maʼ dan l-​ispirtu.

L-​Irwol tal-​Ispirtu Qaddis fil-​Futur

16. Għala nistgħu nkunu fiduċjużi li Ġeħova se jipproteġi lin-​nies tiegħu matul it-​tribulazzjoni l-​kbira?

16 Fil-​futur, Ġeħova se juża l-​ispirtu qaddis tiegħu b’modi sinifikanti biex iwettaq l-​iskop tiegħu. Ikkunsidra l-​ewwel il-​kwistjoni tal-​protezzjoni. Bħalma rajna, Ġeħova uża l-​ispirtu tiegħu fil-​passat biex jipproteġi lil individwi kif ukoll lill-​ġens taʼ Israel bħala poplu. Għalhekk, għandna kull raġun nemmnu li hu se juża dan l-​istess spirtu setgħan biex jipproteġi lin-​nies tiegħu matul it-​tribulazzjoni l-​kbira li ġejja. M’għandniex għalfejn nispekulaw dwar kif eżattament Ġeħova se jieħu ħsiebna f’dan iż-​żmien. Minflok, nistgħu nħarsu lejn il-​futur b’fiduċja għax nafu li dawk li jħobbu lil Ġeħova qatt mhuma se jkunu moħbijin minnu jew f’post fejn ma jintlaħqux mill-​ispirtu qaddis.—2 Kron. 16:9; Salm 139:7-​12.

17. Ġeħova kif se juża l-​ispirtu qaddis tiegħu fid-​dinja l-​ġdida?

17 Ġeħova kif se juża l-​ispirtu qaddis tiegħu fid-​dinja l-​ġdida li ġejja? Dan l-​ispirtu se jkun il-​forza wara l-​kitba tar-​rombli l-​ġodda li se jinfetħu f’dan iż-​żmien. (Riv. 20:12) Dawn x’se jkun fihom? B’mod evidenti, dak li jeħtieġ minna Ġeħova bid-​dettall matul l-​elf sena. Int tħares ’il quddiem biex teżamina l-​kontenut taʼ dawn ir-​rombli? Aħna qed nistennew id-​dinja l-​ġdida fuq ix-​xwiek. Lanqas biss nistgħu nimmaġinaw kif se tkun il-​ħajja f’dan iż-​żmien mimli barkiet meta Ġeħova se juża l-​ispirtu qaddis tiegħu biex iwettaq l-​iskop tiegħu għall-​art u għall-​bnedmin li jgħixu fiha.

18. X’determinazzjoni soda għandek?

18 Ejja qatt ma ninsew li l-​iskop taʼ Ġeħova li qed jitwettaq, żgur se jirnexxi għax biex iwettqu hu juża l-​ispirtu qaddis tiegħu—l-​iktar forza qawwija fl-​univers. Dan l-​iskop jinvolvi lilek. Għalhekk, kun determinat b’mod sod li titlob lil Ġeħova bil-​ħrara għall-​ispirtu tiegħu u taħdem fi qbil mat-​tmexxija tiegħu. (Lq. 11:13) B’hekk, jistaʼ jkollok il-​prospett li tgħix kif Ġeħova ried li jgħixu l-​bnedmin—għal dejjem f’Ġenna fuq l-​art.

[Noti taʼ taħt]

a Ara It-​Torri tal-​Għassa, 15 taʼ Frar, 2008, paġni 21-​25.

b Għal eżempju taʼ persuna li għelbet il-​mistħija żejda u saret żeluża fil-​ministeru, ara l-​browxer tal-​Artikli taʼ Studju mit-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tas-​sena 1993, paġna 11.

Tiftakar Int?

• Ġeħova b’liema modi uża l-​ispirtu qaddis fi żminijiet Bibliċi biex iwettaq l-​iskop tiegħu?

• Ġeħova kif qed juża l-​ispirtu tiegħu fil-​preżent?

• Ġeħova kif se juża l-​ispirtu tiegħu fil-​futur biex iwettaq l-​iskop tiegħu?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Kaxxa f’paġna 10]

Qiegħed Int Timxi mad-​Dawl li Dejjem Jiżdied?

Ġeħova jkompli jitfaʼ d-​dawl fuq in-​nies tiegħu. X’inhu ftit mill-​irfinar li ġie pubblikat fit-​Torri tal-​Għassa?

▪ It-​tixbiha li ta Ġesù dwar il-​ħmira, liema tagħlima pożittiva tenfasizza dwar il-​progress spiritwali? (Mt. 13:33)—15 taʼ Lulju, 2008, paġni 19-​20.

▪ Alla meta se jieqaf isejjaħ lill-​Kristjani individwali għal tama fis-​sema?—1 taʼ Mejju, 2007, paġni 30-​31.

▪ Xi jfisser li tqim lil Ġeħova “bl-​ispirtu”? (Ġw. 4:24)—15 taʼ Lulju, 2002, paġna 15.

▪ Il-​folla l-​kbira f’liema bitħa taqdi? (Riv. 7:15)—1 taʼ Mejju, 2002, paġni 30-​31.

▪ Il-​frid tan-​nagħaġ mill-​mogħoż meta jseħħ? (Mt. 25:31-​33)—1 taʼ Novembru, 1995, paġni 12-​22.