Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Saħħaħna l-Fiduċja Tagħna f’Ġeħova Għax Issaportejna l-Provi

Saħħaħna l-Fiduċja Tagħna f’Ġeħova Għax Issaportejna l-Provi

Saħħaħna l-​Fiduċja Tagħna f’Ġeħova Għax Issaportejna l-​Provi

Kif rakkontata minn Ada Dello Stritto

Għadni kif ikkopjajt l-​iskrittura tal-​jum fil-​pitazz tiegħi. Għandi 36 sena imma ħadt sagħtejn sħaħ biex nikteb dawn il-​ftit linji. Għala domt daqshekk? Se tispjega ommi.—Joel

JIEN u żewġi tgħammidna bħala Xhieda taʼ Ġeħova fl-​1968. Wara t-​twelid taʼ żewġt itfal f’saħħithom, David u Marc, kelli lil Joel, it-​tielet iben tagħna. Joel twieled qabel iż-​żmien fl-​1973 fi sptar fil-​belt taʼ Binche, il-​Belġju, madwar 60 kilometru ’l bogħod min-​nofsinhar taʼ Brussell. Hu kien jiżen 1.7 kilogrammi. Meta ħriġt mill-​isptar kelli nħalli lil Joel warajja biex itellaʼ iktar piż.

Xi ġimgħat wara, meta t-​tifel tagħna kien għadu ma wera ebda sinjal taʼ titjib, jien u żewġi Luigi ħadnieh għand pedjatra. Wara li invista lil Joel, it-​tabib qal: “Jiddispjaċini ħafna. Milli jidher, Joel għandu l-​problemi kollha li ħutu m’għandhomx.” Dak il-​ħin waqaʼ s-​skiet u ntbaħt li t-​tifel ċkejken tagħna kellu problema serja taʼ saħħa. Imbagħad, it-​tabib ħa lil żewġi fil-​ġenb u qallu: “It-​tarbija tagħkom għandha t-​trisomy 21,” li hi magħrufa wkoll bħala Down syndrome. a

Imnikktin minħabba d-​dijanjosi tal-​pedjatra, iddeċidejna li nikkonsultaw speċjalista ieħor. Hu invista liċ-​ċkejken Joel bir-​reqqa għal kważi siegħa mingħajr ma lissen kelma waħda. Għalija u għal Luigi din kienet donnha eternità. Sa fl-​aħħar, it-​tabib ħares lejna u qal, “It-​tifel tagħkom se jkun jiddependi ħafna minnkom.” Imbagħad, bil-​ħlewwa żied jgħidilna, “Imma Joel se jkun ferħan għax il-​ġenituri tiegħu jħobbuh!” Bid-​dmugħ f’għajnejja, ħaddant lil Joel miegħi u ħadnieh id-​dar. Kien għad kellu tmien ġimgħat.

Il-​Laqgħat Kristjani u l-​Ministeru Saħħewna

Iktar testijiet mediċi wrew li Joel kellu wkoll mankament serju f’qalbu u forma gravi taʼ rakitiżmu (marda serja fl-​għadam). Minħabba li qalbu kienet kbira wisq, kienet qed tagħfas fuq il-​pulmuni u għamlet lil Joel suġġett għal infezzjonijiet. F’qasir żmien, meta kellu erbaʼ xhur, Joel qabditu infjammazzjoni fil-​pulmun u kellu jerġaʼ jiddaħħal l-​isptar fejn tpoġġa fi kwarantina. Kienet agunija għalina li narawh jissielet għall-​ħajja. Xtaqna nżommuh f’dirgħajna u nżiegħlu bih, iżda għal għaxar ġimgħat taʼ qsim il-​qalb lanqas biss stajna mmissuh. Jien u Luigi ma stajna nagħmlu xejn għajr li nħarsu, ngħannqu ’l xulxin, u nitolbu.

Matul dan l-​għawġ kollu, aħna komplejna nattendu l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni flimkien maʼ David u Marc, li dak iż-​żmien kellhom 6 snin u 3 snin. Għalina, li nkunu fis-​Sala tas-​Saltna kien bħal donnu Ġeħova qed iżommilna jdejna u jieħu ħsiebna. Fil-​ħin li konna nkunu hemmhekk, imdawrin b’ħutna Kristjani, konna nħossu li stajna nixħtu t-​toqol tagħna fuq Ġeħova, u konna nesperjenzaw ċerta paċi ġewwinija. (Salm 55:22) Anki l-​infermieri li kienu jieħdu ħsieb Joel qalu li nnotaw li l-​attendenza tagħna għal-​laqgħat Kristjani għenitna nżommu l-​bilanċ.

Matul dak iż-​żmien kont nitlob bil-​ħrara lil Ġeħova biex jagħtini s-​saħħa ħalli noħroġ fis-​servizz tal-​għalqa. Minflok ma noqgħod id-​dar nibki u nolfoq, ridt inkellem lin-​nies u ngħidilhom għala l-​fiduċja tiegħi fil-​wegħda t’Alla taʼ dinja mingħajr mard kienet issaħħaħni. Kull meta stajt nieħu sehem fil-​ministeru, ħassejt li Ġeħova wieġeb it-​talb tiegħi.

“Din Xi Ħaġa tal-​Iskantament!”

X’ġurnata taʼ ferħ kienet meta fl-​aħħar stajna noħorġu lil Joel mill-​isptar u niħduh id-​dar! Iżda l-​għada stess il-​ferħ tagħna nbidel fi mrar. F’ħakka t’għajn, il-​kundizzjoni taʼ Joel qalbet għall-​agħar u kellna niġru bih lura lejn l-​isptar. Wara li invistawh, it-​tobba qalulna: “L-​iktar l-​iktar, Joel għandu sitt xhur ħajja.” Xahrejn2201 wara, meta kellu madwar tmien xhur, dak li kienu qalulna t-​tobba donnu beda jseħħ għax saħħet Joel marret lura. Tabib minnhom poġġa bilqiegħda magħna u qalilna: “Jiddispjaċini ħafna. M’hemm xejn iktar x’nistgħu nagħmlu għalih.” Imbagħad żied jgħid: “Issa Ġeħova biss jistaʼ jgħinu.”

Jien mort lura fil-​kamra taʼ Joel fl-​isptar. Għalkemm kont qed inħossni emozzjonalment u fiżikament eżawrita, kont determinata li ma niċċaqlaqx minn ħdejn soddtu. Bosta aħwa Kristjani nisa ftiehmu biex dejjem ikun hemm xi ħadd minnhom li joqgħod miegħi peress li Luigi kellu jieħu ħsieb iż-​żewġ subien l-​oħrajn tagħna. Għaddiet ġimgħa. Imbagħad, f’daqqa waħda Joel tah attakk tal-​qalb. L-​infermieri ġew jiġru fil-​kamra imma ma setgħu jagħmlulu xejn. Ftit minuti wara, waħda minnhom qalet minn taħt l-​ilsien, “Ħalliena . . . ” Mifnija, infexxejt nibki u ħriġt mill-​kamra. Ipprovajt nitlob lil Ġeħova, iżda bilkemm stajt insib kliem biex nesprimi l-​uġigħ li kont qed inħoss. Wara xi kwarta għajtitli infermiera u qaltli, “Joel qed jistejqer!” Qabditni minn idi u qaltli, “Ejja, issa tistaʼ tiġi tarah.” Meta mort lura ħdejn Joel, qalbu kienet reġgħet bdiet tħabbat! Malajr ġriet l-​aħbar li kien qaleb għall-​aħjar. L-​infermieri u t-​tobba ġew jarawh u ħafna minnhom qalu, “Din xi ħaġa tal-​iskantament!”

Pass Mhux Mistenni fl-​Età taʼ Erbaʼ Snin

Matul l-​ewwel snin taʼ ħajjet Joel, il-​pedjatra spiss kien itenni jgħidilna, “Joel għandu bżonn ħafna mħabba.” Minħabba li jien u Luigi konna esperjenzajna b’mod speċjali kemm Ġeħova ħa ħsiebna bi mħabba wara li twieled Joel, aħna wkoll ridna nieħdu ħsieb it-​tifel tagħna bi mħabba. Kellna bosta opportunitajiet biex nagħmlu dan għax hu kellu bżonn l-​għajnuna tagħna f’kulma kien jagħmel.

Sa meta Joel kellu sebaʼ snin, kull sena konna nħabbtu wiċċna mal-​istess sekwenza taʼ affarijiet. Bejn Ottubru u Marzu kien ibati minn problema taʼ saħħa waħda wara l-​oħra, u konna dejjem deħlin u ħerġin bih l-​isptar. Fl-​istess ħin, għamilt l-​almu tiegħi biex niddedika kemm jistaʼ jkun ħin għal uliedna David u Marc. Min-​naħa tagħhom, huma kienu jinvolvu ruħhom sew biex jgħinu lil Joel jagħmel progress. Dan ġab riżultati li ma konniex nistennew. Pereżempju, bosta tobba kienu qalulna li Joel qatt mhu se jkun jistaʼ jimxi. Iżda ġurnata minnhom, meta Joel kellu erbaʼ snin, Marc qallu, “Isa Joel, uri lill-​mamà li tistaʼ timxi!” Bqajt b’ħalqi miftuħ meta rajt lil Joel jagħmel l-​ewwel passi tiegħu! Wiċċna xegħel u tlabna flimkien bħala familja biex irroddu ħajr lil Ġeħova minn qalbna. Xi drabi oħrajn, saħansitra meta Joel kien jagħmel l-​iċken progress f’xi ħaġa jew oħra, dejjem konna nfaħħruh b’entużjażmu.

It-​Taħriġ Divin sa miċ-​Ċokon Jagħti l-​Frott

Kull meta kien possibbli, konna nieħdu lil Joel magħna għal-​laqgħat fis-​Sala tas-​Saltna. Sabiex nipproteġuh minn xi mikrobi li faċilment setgħu jmarduh, konna npoġġuh f’puxċer speċjali li kien jingħalaq b’għata tal-​plastik trasparenti. Avolja kien ikun bilqiegħda wara din l-​għata, xorta waħda kien jieħu pjaċir ikun fost l-​aħwa tal-​kongregazzjoni.

L-​aħwa Kristjani kienu jsaħħuna, juruna ħafna mħabba, u jipprovdulna għajnuna prattika. Wieħed ħu spiss kien ifakkarna fil-​kliem taʼ Isaija 59:1: “Ara! Id Ġeħova ma qsaritx daqstant li ma tistax issalva, u widintu ma tqalitx daqstant li ma tistax tismaʼ.” Dan il-​kliem taʼ faraġ għenna nafdaw f’Ġeħova.

Matul it-​trobbija taʼ Joel, aħna stinkajna biex is-​servizz lil Ġeħova jkun parti importanti minn ħajtu. Konna naħtfu kull opportunità biex nitkellmu maʼ Joel dwar Ġeħova ħalli hu jiżviluppa rabta taʼ mħabba maʼ Missieru tas-​sema. Konna nitolbu lil Ġeħova bil-​ħrara biex ibierek l-​isforzi tagħna sabiex it-​taħriġ divin jagħti l-​frott.

Matul l-​ewwel snin tal-​adoloxxenza tiegħu, konna nħossuna grati meta naraw li Joel kien iħobb jaqsam veritajiet Bibliċi man-​nies li jiltaqaʼ magħhom. Waqt li kien qed jirkupra minn operazzjoni serja fl-​età taʼ 14-​il sena, ħassejtni ferħana se ntir meta Joel staqsieni, “Ma, nistaʼ nagħti l-​ktieb Tgħix Għal Dejjem lill-​kirurgu?” Ftit tas-​snin wara, Joel kellu jagħmel operazzjoni oħra. Konna nafu li kien hemm il-​possibbiltà li ma jkunx jiflaħ għaliha. Qabel l-​operazzjoni, Joel ta ittra li konna ktibna flimkien miegħu lit-​tobba li ħadu ħsiebu. Din spjegat il-​pożizzjoni tiegħu rigward l-​użu tad-​demm. Il-​kirurgu staqsa lil Joel, “U int taqbel?” Joel wieġeb b’mod sod, “Iva Dott.” Il-​fiduċja li Joel kellu fil-​Ħallieq u d-​determinazzjoni tiegħu li jogħġob Lilu ġegħluna nħossuna kburin. L-​istaff mediku tal-​isptar tana ħafna appoġġ u dan apprezzajnieh bil-​kbir.

Il-​Progress Spiritwali taʼ Joel

Fl-​età taʼ 17-​il sena, Joel issimbolizza d-​dedikazzjoni tiegħu lil Alla permezz tal-​magħmudija fl-​ilma. Qatt m’aħna se ninsewha dik il-​ġurnata! Meta naraw il-​progress spiritwali tiegħu nimtlew b’ferħ kbir. Sa minn dakinhar, imħabbtu għal Ġeħova u ż-​żelu għall-​verità qatt ma majnaw. Fil-​fatt, maʼ kull min jiltaqaʼ, Joel iħobb jgħid, “Il-​verità hi ħajti!”

Joel tgħallem jaqra u jikteb meta kellu madwar 18-​il sena. Ried jagħmel sforz enormi. Kull kelma żgħira li kien jirnexxilu jikteb kienet tkun pass taʼ ġgant. Minn dak iż-​żmien ’l hawn, hu jibda l-​ġurnata billi jikkunsidra l-​iskrittura tal-​jum mill-​ktejjeb Neżaminaw l-​Iskrittura Kuljum. Wara li jlesti, b’reqqa kbira hu jikkopja l-​kummenti dwar l-​iskrittura f’wieħed mill-​pitazzi tiegħu. U s’issa għandu ġabra ġmielha!

Fil-​ġranet li jkollna l-​laqgħat, Joel ikun irid jitlaq kmieni mid-​dar biex jasal is-​Sala tas-​Saltna fil-​ħin ħalli jagħti merħba mill-​qalb lil dawk kollha li jkunu deħlin fis-​sala. Hu jieħu gost jikkummenta u jagħmel xi turija fil-​laqgħat. Ukoll, hu jieħu ħsieb il-​mikrofoni u jwettaq inkarigi oħrajn. Kull ġimgħa, sakemm tippermettilu saħħtu, hu joħroġ magħna fix-​xogħol tal-​ippritkar. Fl-​2007, sar avviż fil-​kongregazzjoni li Joel ġie maħtur bħala qaddej ministerjali. Ilkoll bkejna bil-​ferħ. X’barka mill-​isbaħ minn Ġeħova!

Tinħass l-​Għajnuna taʼ Ġeħova

Fl-​1999, kellna nħabbtu wiċċna maʼ prova oħra. Aċċident bil-​karozza minħabba t-​traskuraġni taʼ sewwieq ħalla lil Luigi ferut serjament. Kellhom jaqtgħulu sieq waħda u kellu jagħmel diversi operazzjonijiet serji fis-​sinsla taʼ dahru. Għal darb’oħra, minħabba li striħajna fuq Ġeħova, ħassejna s-​saħħa li hu jagħti lill-​qaddejja tiegħu fil-​bżonn. (Flp. 4:13) Għalkemm Luigi issa huwa persuna b’diżabilità, aħna nipprovaw inħarsu lejn il-​lat pożittiv. Minħabba li ma jistax jaħdem sekularment, għandu iktar ħin biex jieħu ħsieb lil Joel. Dan jippermettili nwarrab iktar ħin għall-​attivitajiet spiritwali. Luigi jistaʼ wkoll jagħti iktar attenzjoni għall-​bżonnijiet spiritwali tal-​familja tagħna u taʼ dawk fil-​kongregazzjoni li fiha għadu jaqdi bħala l-​koordinatur tal-​ġemgħa tal-​anzjani.

Minħabba ċ-​ċirkustanzi mhux tas-​soltu tagħna, aħna nqattgħu ħafna ħin flimkien bħala familja. Mal-​medda taż-​żmien, tgħallimna nkunu raġunevoli u ma nistennewx iktar minn dak li hu possibbli. Fil-​ġranet li fihom inħossuna skuraġġiti, nesprimu s-​sentimenti tagħna maʼ Ġeħova fit-​talb. B’sogħba, meta uliedna David u Marc saru adulti u telqu mid-​dar, bil-​mod il-​mod waqfu jaqdu lil Ġeħova. Aħna nittamaw li għad jerġgħu jduru lejn Ġeħova.—Lq.15:17-​24.

Matul is-​snin ħassejna l-​appoġġ taʼ Ġeħova u tgħallimna nistrieħu fuqu matul kull sfida li niffaċċjaw. Il-​kliem taʼ Isaija 41:13 huwa speċjalment għal qalbna: “Jien, Ġeħova Alla tiegħek, qed naqbdek minn idek il-​leminija u ngħidlek, ‘Tibżax. Jien stess ngħinek.’” Huwa taʼ faraġ li nkunu nafu li Ġeħova qed jaqbadna sod minn idna. Tabilħaqq, nistgħu ngħidu li saħħaħna l-​fiduċja tagħna f’Missierna tas-​sema, Ġeħova, għax issaportejna l-​provi.

[Nota taʼ taħt]

a It-​trisomy 21 hija difett mit-​twelid li jikkaġuna nuqqas taʼ żvilupp mentali. Il-​kromosomi normalment jiġu f’pari, iżda trabi li jitwieldu bit-​trisomy ikollhom kromosoma żejda f’wieħed mill-​pari. It-​trisomy 21 teffettwa l-​kromosoma 21.

[Stampi f’paġni 16, 17]

Joel maʼ ommu Ada

[Stampa f’paġna 18]

Ada, Joel, u Luigi

[Stampa f’paġna 19]

Joel jieħu pjaċir jagħti merħba lill-​aħwa fis-​Sala tas-​Saltna