Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħaran—Ċentru taʼ Attività Kbira fi Żmien il-Qedem

Ħaran—Ċentru taʼ Attività Kbira fi Żmien il-Qedem

Ħaran​—Ċentru taʼ Attività Kbira fi Żmien il-​Qedem

DAWK li huma midħla tal-​Iskrittura, malli jisimgħu l-​isem Ħaran, mill-​ewwel jiġihom f’moħħhom il-​patrijarka leali Abraham. Fil-​vjaġġ tiegħu minn Ur lejn l-​art taʼ Kangħan, hu u martu Sara, kif ukoll missieru Teraħ, u n-​neputi tiegħu Lot, waqfu Ħaran. Hawnhekk, Abraham kien kiseb affarijiet materjali mhux ħażin. Wara li miet missieru, Abraham kompla bil-​vjaġġ tiegħu lejn l-​art li l-​Alla l-​veru kien wiegħed. (Ġen. 11:31, 32; 12:4, 5; Atti 7:2-​4) Iktar tard, Abraham bagħat lill-​ixjeħ qaddej tiegħu lejn Ħaran, jew xi nħawi fil-​qrib, biex isib mara għal Iżakk. Ġakobb, in-​neputi taʼ Abraham, ukoll għex hawnhekk għal xi snin.—Ġen. 24:1-​4, 10; 27:42-​45; 28:1, 2, 10.

L-​ultimatum li ġie preżentat mis-​Sultan Sanħerib tal-​Assirja lis-​Sultan Ħeżekija taʼ Ġuda jpoġġi lil Ħaran fost il-​“ġnus” konkwistati mis-​slaten tal-​Assirja. Hawnhekk, l-​isem “Ħaran” ma kienx qed jirreferi biss għall-​belt iżda wkoll għad-​distrett tal-​madwar. (2 Slat. 19:11, 12) Il-​profezija taʼ Eżekjel issemmi lil Ħaran bħala waħda mill-​imseħbin prinċipali fin-​negozju maʼ Tir, u b’hekk tikkonferma l-​irwol taʼ Ħaran bħala ċentru kummerċjali importanti.—Eżek. 27:1, 2, 23.

Illum, Ħaran hija sempliċement belt żgħira li tinsab qrib Şanlıurfa, fil-​lvant tat-​Turkija. Iżda xi darba, il-​belt tal-​qedem taʼ Ħaran tassew kienet ċentru taʼ attività kbira. Ħaran hi waħda mill-​ftit komunitajiet tal-​qedem li għad għandha l-​istess isem li ntuża għaliha fil-​Bibbja. L-​isem bl-​Assirjan, Ħarranu, jistaʼ jfisser “Triq” jew “Triq il-​Karwani,” u b’hekk jindika li Ħaran kienet tinsab f’rotot prinċipali taʼ kummerċ bejn bliet akbar. Skont xi skrizzjonijiet li nstabu waqt skavar li sar f’Ħaran, omm is-​Sultan Nabonidu taʼ Babilonja kienet is-​saċerdotessa l-​kbira fit-​tempju taʼ Sin, li f’Ħaran kien l-​alla tal-​qamar. Xi wħud jgħidu li Nabonidu rrestawra dan it-​tempju. Wara dan, Ħaran rat il-​qawma u l-​waqgħa taʼ diversi imperi.

Illum, Ħaran hi tassew differenti minn kif kienet fl-​antik. Ħaran tal-​qedem kienet belt importanti u żviluppata ferm, speċjalment matul ċerti żminijiet. Iżda Ħaran tal-​lum tikkonsisti biss minn ftit djar li għandhom soqfa forma taʼ koppla. Madwar il-​belt hemm il-​fdalijiet taʼ bini taʼ ċiviltajiet tal-​qedem. Fid-​dinja l-​ġdida t’Alla se jiġu rxoxtati ħafna nies li xi darba għexu f’Ħaran, inkluż Abraham, Sara, u Lot. X’aktarx se jkunu jistgħu jgħidulna iktar dwar Ħaran, ċentru taʼ attività kbira fi żmien il-​qedem.

[Stampa f’paġna 20]

Fdalijiet taʼ bini f’Ħaran

[Stampa f’paġna 20]

Djar bis-​soqfa forma taʼ koppla

[Stampa f’paġna 20]

Veduta panoramika taʼ Ħaran illum