Aħwa Rġiel—Iżirgħu għall-Ispirtu u Rsistu!
Aħwa Rġiel—Iżirgħu għall-Ispirtu u Rsistu!
“Min jiżraʼ għall-ispirtu jaħsad il-ħajja taʼ dejjem.”—GAL. 6:8.
1, 2. Mattew 9:37, 38 kif qed jitwettaq, u dan qed jirriżulta f’liema ħtieġa fil-kongregazzjonijiet?
INT issa qed tara ġrajjiet li se jibqgħu miftakrin għall-eternità kollha! Xogħol li tkellem dwaru Ġesù Kristu jinsab fl-aqwa tiegħu. “Il-ħsad hu kbir, imma l-ħaddiema huma ftit,” qal Ġesù. “Għalhekk, itolbu bil-ħrara lil Sid il-ħsad biex jibgħat il-ħaddiema fil-ħsad tiegħu.” (Mt. 9:37, 38) Alla Ġeħova qed iwieġeb talb bħal dan b’mod li qatt ma kien hawn bħalu. Matul is-sena taʼ servizz 2009, l-għadd taʼ kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-dinja żdied bʼ2,031, u laħaq total taʼ 105,298. Bħala medja, 757 individwu tgħammdu kull ġurnata!
2 Tkabbir bħal dan joħloq il-ħtieġa għal aħwa rġiel kwalifikati biex jieħdu t-tmexxija f’li jgħallmu u jirgħu lill-kongregazzjonijiet. (Efes. 4:11) Matul is-snin, Ġeħova inkariga lil irġiel kwalifikati biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tan-nagħaġ tiegħu, u aħna fiduċjużi li se jkompli jagħmel hekk. Il-profezija li nsibu f’Mikea 5:5 tassigurana li matul l-aħħar jiem, in-nies taʼ Ġeħova se jkollhom “sebaʼ rgħajja” u “tmien duki,” u dawn jirrappreżentaw numru konsiderevoli taʼ rġiel kapaċi biex jieħdu t-tmexxija fosthom.
3. Spjega xi jfisser li ‘tiżraʼ għall-ispirtu.’
3 Jekk int ħu mgħammed, x’jistaʼ jgħinek biex tkun trid tirsisti għal privileġġi taʼ servizz? Fattur importanti hu li int ‘tiżraʼ għall-ispirtu.’ (Gal. 6:8) Li tagħmel dan jinvolvi li tgħix b’tali mod li tħalli lill-ispirtu qaddis t’Alla jinfluwenzak. Kun determinat li ma ‘tiżrax għal-laħam.’ Tħallix affarijiet bħall-kumdità, ir-rikreazzjoni, u d-divertiment inaqqsulek ix-xewqa li tagħmel ħiltek fis-servizz t’Alla. Il-Kristjani kollha għandhom ‘jiżirgħu għall-ispirtu,’ u maż-żmien, irġiel li jagħmlu dan jistgħu jikkwalifikaw għal xi privileġġi fil-kongregazzjoni. Peress li llum hemm ħtieġa kbira għal qaddejja ministerjali u għal anzjani, dan l-artiklu hu mmirat speċjalment lejn l-irġiel Kristjani. Għalhekk, aħwa rġiel, inħeġġukom biex dan l-artiklu tikkunsidrawh bit-talb.
Irsisti Għal Xogħol Tajjeb
4, 5. (a) Irġiel mgħammdin huma mħeġġin biex jirsistu għal liema privileġġi fil-kongregazzjoni? (b) Wieħed kif jirsisti?
4 Raġel Kristjan ma jsirx indokratur awtomatikament. Irid jirsisti għal dan ix-“xogħol tajjeb.” (1 Tim. 3:1) Dan jinkludi li jaqdi lil sħabu fit-twemmin billi jieħu ħsieb ġenwinament il-bżonnijiet tagħhom. (Aqra Isaija 32:1, 2.) Raġel li jirsisti b’motivi xierqa ma jkunx ambizzjuż. Minflok, ikollu xewqa mhix egoistika li jibbenefika lil oħrajn.
5 Wieħed jistinka biex jikkwalifika bħala qaddej ministerjali u jirsisti għal kariga taʼ indokratur billi jħabrek biex jissodisfa l-kwalifiki li hemm imniżżlin fl-Iskrittura. (1 Tim. 3:1-10, 12, 13; Titu 1:5-9) Jekk int ħu mgħammed, staqsi lilek innifsek: ‘Għandi sehem sħiħ fix-xogħol tal-ippritkar, u qed ngħin lil oħrajn jagħmlu hekk? Qed insaħħaħ lill-aduraturi sħabi billi nuri interess sinċier fihom? Għandi r-reputazzjoni li jien student tajjeb tal-Kelma t’Alla? Qed intejjeb il-kwalità tal-kummenti tiegħi? Nieħu ħsieb b’mod diliġenti l-inkarigi fdati f’idejja mill-anzjani?’ (2 Tim. 4:5) Dawn il-mistoqsijiet jistħoqqilhom li jiġu kunsidrati bis-serjetà.
6. X’inhu fattur importanti biex tikkwalifika għal responsabbiltajiet fil-kongregazzjoni?
6 Mod ieħor kif tikkwalifika għal responsabbiltajiet fil-kongregazzjoni hu ‘li tintgħamel setgħan bil-qawwa permezz taʼ l-ispirtu [t’Alla] fil-bniedem li int minn ġewwa.’ (Efes. 3:16) Li ssir qaddej ministerjali jew anzjan fil-kongregazzjoni Kristjana mhuwiex kwistjoni taʼ li tiġi elett għal xi kariga. Dan il-privileġġ jistaʼ jinkiseb biss bi tkabbir spiritwali. Kif jinkiseb it-tkabbir spiritwali? Mod wieħed hu billi ‘tibqaʼ miexi bl-ispirtu’ u tikkultiva l-frott tiegħu. (Gal. 5:16, 22, 23) Hekk kif turi l-kwalitajiet spiritwali meħtiġin biex twettaq iktar privileġġi, u hekk kif tapplika l-pariri li tingħata dwar kif tistaʼ titjieb, “kulħadd jara li qed tavanza.”—1 Tim. 4:15.
Meħtieġ—Spirtu taʼ Sagrifiċċju Persunali
7. Li taqdi lil oħrajn x’jinvolvi?
7 Li taqdi lil oħrajn jinvolvi xogħol iebes u jirrikjedi spirtu taʼ sagrifiċċju persunali. Peress li l-indokraturi Kristjani huma rgħajja spiritwali, il-problemi tal-merħla jinkwetawhom ħafna. Innota kif l-appostlu Pawlu ġie effettwat mir-responsabbiltajiet tax-xogħol pastorali tiegħu. Hu qal lil sħabu fit-twemmin f’Korintu: “B’ħafna tribulazzjoni u diqa taʼ qalb ktibtilkom b’ħafna dmugħ, mhux biex insewdilkom qalbkom, imma biex tkunu tafu l-imħabba li għandi speċjalment għalikom.” (2 Kor. 2:4) Huwa evidenti li Pawlu ntefaʼ b’ruħu u b’ġismu fix-xogħol tiegħu.
8, 9. Agħti eżempji Bibliċi biex turi kif xi rġiel ħadu ħsieb il-bżonnijiet taʼ oħrajn.
8 Spirtu taʼ sagrifiċċju persunali dejjem kien marka li tiddistingwi lill-irġiel li ħadmu iebes għan-nom tal-qaddejja taʼ Ġeħova. Pereżempju, ma nistgħux nimmaġinaw lil Noè jgħid lil dawk taʼ daru: ‘Għiduli meta titlesta l-arka sabiex ningħaqad magħkom.’ Mosè ma qalx lill-Israelin fl-Eġittu: ‘Niltaqaʼ magħkom ħdejn il-Baħar l-Aħmar. Aslu hemmhekk bl-aħjar mod li tistgħu.’ Ġożwè qatt ma qal: ‘Għiduli meta jaqgħu s-swar taʼ Ġeriko.’ U Isaija ma ppontax lejn xi ħadd ieħor u qal: ‘Hemm hu! Ibgħat lilu.’—Is. 6:8.
9 L-eżempju prinċipali tagħna taʼ raġel li ħalla lill-ispirtu t’Alla jimmotivah hu Ġesù Kristu. Hu aċċetta minn rajh l-inkarigu tiegħu biex jaqdi bħala l-Feddej tal-bnedmin. (Ġw. 3:16) M’għandhiex l-imħabba mhix egoistika taʼ Ġesù tqanqalna wkoll biex nagħmlu sagrifiċċju persunali? Meta ddeskriva s-sentimenti tiegħu għall-merħla, wieħed li ilu jaqdi bħala anzjan għal żmien twil qal: “Il-kliem li Ġesù qal lil Pietru—irgħa n-nagħaġ ċkejknin tiegħi—jimmotivani profondament. Matul is-snin, sirt napprezza kif ftit kliem bi mħabba jew att sempliċi taʼ qalb tajba jistaʼ jinkuraġġixxi lil xi ħadd. Jien nieħu pjaċir ħafna nagħmel ix-xogħol pastorali.”—Ġw. 21:16.
10. X’jistaʼ jqanqal lill-irġiel Kristjani biex jimitaw l-eżempju taʼ Ġesù f’li jaqdu lil oħrajn?
10 B’konnessjoni mal-merħla t’Alla, irġiel dedikati fil-kongregazzjoni żgur li jridu jirriflettu l-attitudni taʼ Ġesù, li qal: “Jien inserraħkom.” (Mt. 11:28) Il-fidi f’Alla u l-imħabba għall-kongregazzjoni jqanqlu lill-irġiel Kristjani biex jirsistu għal dan ix-xogħol tajjeb, u ma jaħsbux li dan hu sagrifiċċju kbir ħafna jew li jirrikjedi wisq. Iżda, xi ngħidu jekk wieħed ma jkunx inklinat b’mod partikulari li jirsisti? Jistaʼ ħu jikkultiva x-xewqa li jaqdi lill-kongregazzjoni?
Ikkultiva x-Xewqa li Taqdi
11. Wieħed kif jistaʼ jikkultiva x-xewqa li jaqdi lil oħrajn?
11 Jekk ma rsistejtx għaliex tħoss li m’għandekx l-abbiltajiet u l-kwalitajiet meħtiġin, hu xieraq li titlob għall-ispirtu qaddis. (Lq. 11:13) L-ispirtu taʼ Ġeħova se jgħinek tkampa maʼ kwalunkwe tħassib li jistaʼ jkollok f’dan ir-rigward. Ix-xewqa stess li taqdi tingħata minn Alla, għax hu l-ispirtu taʼ Ġeħova li jqanqal lil ħu biex jirsisti u mbagħad jagħti s-saħħa biex joffri servizz sagru. (Flp. 2:13; 4:13) Għalhekk, huwa xieraq li titlob lil Ġeħova jgħinek biex tikkultiva x-xewqa li taċċetta xi privileġġi taʼ servizz.—Aqra Salm 25:4, 5.
12. Wieħed kif jistaʼ jikseb biżżejjed għerf biex jittratta r-responsabbiltajiet fdati lilu?
12 Peress li f’għajnejh il-bżonnijiet tal-merħla jidhru li huma taʼ sfida u komplikati, Kristjan għandu mnejn jiddeċiedi li ma jirsistix. Jew jistaʼ jħoss li m’għandux għerf biżżejjed biex jittratta dawn ir-responsabbiltajiet. Jekk dan hu l-każ, forsi jistaʼ jikseb l-għerf billi jistudja b’iktar diliġenza l-Kelma t’Alla u pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja. Jistaʼ jistaqsi lilu nnifsu, ‘Qed inwarrab ħin biex nistudja l-Kelma t’Alla, u qed nitlob għall-għerf?ʼ Id-dixxiplu Ġakbu kiteb: “Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-għerf, ħa jibqaʼ jitlob lil Alla, għax hu jagħti b’mod ġeneruż u mingħajr ma jċanfar lil ħadd; u jingħatalu.” (Ġak. 1:5) Temminha int din l-istqarrija ispirata? Biex iwieġeb it-talba taʼ Salamun, Alla tah “qalb għarfa u li tifhem” li għenitu biex jagħraf bejn it-tajjeb u l-ħażin meta jiġġudika. (1 Slat. 3:7-14) Veru, il-każ taʼ Salamun kien speċjali. Madankollu, aħna nistgħu nkunu fiduċjużi li Alla se jagħti l-għerf lill-irġiel fdati bir-responsabbiltajiet tal-kongregazzjoni sabiex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb in-nagħaġ b’mod xieraq.—Prov. 2:6.
13, 14. (a) Spjega kif Pawlu kien effettwat mill-“imħabba li għandu l-Kristu.” (b) “L-imħabba li għandu l-Kristu” kif għandha teffettwana?
13 Għajnuna oħra biex tikkultiva x-xewqa li taqdi lil oħrajn hija dik li taħseb b’mod profond dwar kulma għamlu għalina Ġeħova u Ibnu. Pereżempju, ikkunsidra t-2 Korintin 5:14, 15. (Aqra.) Kif inhu li “l-imħabba li għandu l-Kristu ġġegħelna”? L-imħabba li wera Kristu meta ta ħajtu għan-nom tagħna skont ir-rieda t’Alla tant tispikka li hekk kif l-apprezzament tagħna jikber, qalbna titqanqal profondament. L-imħabba taʼ Kristu influwenzat lil Pawlu. Ma ħallitux jaġixxi bl-egoiżmu u għenitu biex il-miri prinċipali tiegħu jkunu li jaqdi lil Alla u lill-bnedmin sħabu ġewwa u barra l-kongregazzjoni.
14 Li nimmeditaw fuq l-imħabba li għandu Kristu għan-nies jimmotivana biex inkunu grati. Minħabba f’hekk, nirrealizzaw li tassew ma jkunx xieraq li nibqgħu ‘niżirgħu għal-laħam,’ billi niġru wara miri egoistiċi u ngħixu biss biex nissodisfaw ix-xewqat tagħna. Minflok, nagħmlu xi aġġustamenti f’ħajjitna biex nagħtu l-ewwel post lix-xogħol li tana Alla biex nagħmlu. Niġu mqanqlin biex ‘nitjassru’ għal ħutna sforz l-imħabba. (Aqra Galatin 5:13.) Jekk inqisu lilna nfusna bħala lsiera li qed naħdmu bl-umiltà għan-nom tal-qaddejja dedikati taʼ Ġeħova, se nittrattawhom bid-dinjità u bir-rispett. Ċertament li m’aħniex se nimitaw l-attitudni taʼ kritika u taʼ ġudizzju li jippromwovi Satana.—Riv. 12:10.
Sforz Bħala Familja
15, 16. Il-membri tal-familja liema rwol għandhom jekk raġel irid jikkwalifika biex jinħatar bħala qaddej ministerjali jew anzjan?
15 Jekk ħu hu raġel miżżewweġ u għandu t-tfal, is-sitwazzjoni li teżisti fil-familja tiegħu tiġi kunsidrata meta jiġi determinat jekk jikkwalifikax biex ikun qaddej ministerjali jew anzjan. Tabilħaqq, l-ispiritwalità u r-reputazzjoni tal-familja tiegħu jeffettwaw direttament il-ħatra tiegħu. Dan jenfasizza kemm hu importanti l-irwol tal-familja biex tappoġġa lir-raġel u l-missier hekk kif jipprova jaqdi l-interessi tal-kongregazzjoni bħala qaddej ministerjali jew anzjan.—Aqra l-1 Timotju 3:4, 5, 12.
16 Ġeħova jieħu pjaċir meta membri taʼ familja Kristjana jikkooperaw maʼ xulxin. (Efes. 3:14, 15) Hemm bżonn il-bilanċ biex kap taʼ familja jittratta responsabbiltajiet fil-kongregazzjoni u jippresiedi fuq dawk taʼ daru “bl-aħjar mod.” Għaldaqstant huwa vitali li anzjan jew qaddej ministerjali jistudja l-Bibbja maʼ martu u wliedu sabiex kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-Qima tal-Familja kull ġimgħa. Għandu jipparteċipa magħhom b’mod regulari fil-ministeru tal-għalqa. Għall-istess raġuni, hu importanti għall-membri tal-familja li jikkooperaw mal-isforzi tal-kap tal-familja.
Int Se Terġaʼ Taqdi?
17, 18. (a) Jekk ħu ma jikkwalifikax iktar għal ħatra, x’jistaʼ jkun meħtieġ? (b) Liema ħarsa tistaʼ tittieħed minn ħu li fil-passat qeda bħala anzjan jew qaddej ministerjali?
17 Forsi xi darba int kont anzjan jew qaddej ministerjali imma fil-preżent m’intix taqdi f’din il-kariga. Int tħobb lil Ġeħova u tistaʼ tibqaʼ ċert li hu għadu jimpurtah minnek. (1 Pt. 5:6, 7) Intqallek li għandek bżonn tagħmel xi aġġustamenti? Kun lest li tammetti xi ħtija u aħdem fuqha bl-għajnuna t’Alla. Oqgħod attent li ma timteliex bl-imrar. Kun għaref, u uri attitudni pożittiva. Anzjan li kien qeda għal snin sħaħ imma li tilef il-privileġġi taʼ servizz tiegħu qal: “Kont determinat li nżomm l-istess livell taʼ attendenza għal-laqgħat, servizz tal-għalqa, u qari tal-Bibbja li kelli meta kont naqdi bħala anzjan—mira li stajt inwettaqha. Tgħallimt inkun paċenzjuż għaliex ħsibt li se nerġaʼ nikseb il-privileġġi tiegħi fi żmien sena jew tnejn, imma għaddew kważi sebaʼ snin qabel ma stajt nerġaʼ naqdi bħala anzjan. Matul dan iż-żmien, l-inkuraġġiment biex ma negħjiex imma biex inkompli nirsisti għenni ferm.”
18 Jekk int ħu li qiegħed fis-sitwazzjoni li għadna kif iddeskrivejna, tiskuraġġix ruħek. Irrifletti fuq kif Ġeħova qed ibierek il-ministeru tiegħek u lil dawk taʼ darek. Ibni lill-familja tiegħek spiritwalment, żur lill-morda, u inkuraġġixxi lid-dgħajfin. Fuq kollox, għożż il-privileġġ tiegħek li tfaħħar lil Alla u li xxandar l-aħbar tajba tas-Saltna bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. *—Salm 145:1, 2; Is. 43:10-12.
Ikkunsidrah mill-Ġdid
19, 20. (a) L-irġiel mgħammdin kollha x’inhuma mħeġġin jagħmlu? (b) X’se jiġi diskuss fl-artiklu li jmiss?
19 Il-ħtieġa għal indokraturi u qaddejja ministerjali llum hi akbar minn qatt qabel. Għalhekk, inħeġġu lill-irġiel mgħammdin kollha biex jikkunsidraw mill-ġdid iċ-ċirkustanzi tagħhom u biex jistaqsu lilhom infushom, ‘Jekk m’iniex qaddej ministerjali jew anzjan, għandi nanalizza r-raġunijiet għala m’iniex naqdi?’ Ħalli l-ispirtu t’Alla jgħinek tikseb l-attitudni xierqa dwar din il-kwistjoni vitali.
20 Il-membri kollha tal-kongregazzjoni se jibbenefikaw mill-isforzi taʼ sagrifiċċju persunali taʼ sħabhom fit-twemmin. Meta nieħdu sehem f’atti taʼ qalb tajba u bla egoiżmu, aħna naħsdu l-ferħ li jiġi milli naqdu lil oħrajn u niżirgħu għall-ispirtu. Madankollu, bħalma se juri l-artiklu li jmiss, m’għandniex innikktu l-ispirtu qaddis t’Alla. Dan kif jistaʼ jiġi evitat?
[Nota taʼ taħt]
Int Kif Twieġeb?
• Il-profezija li nsibu f’Mikea 5:5 minn xiex tassigurana?
• Spjega x’jinvolvi spirtu taʼ sagrifiċċju persunali.
• Wieħed kif jistaʼ jikkultiva x-xewqa li jaqdi lil oħrajn?
• Kemm hi importanti l-kooperazzjoni tal-familja jekk raġel irid jikkwalifika biex jaqdi bħala qaddej ministerjali jew anzjan?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampi f’paġna 25]
X’tistaʼ tagħmel biex tirsisti?