Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għala Għandek Iġġib Unur lil Dawk Imdaħħlin fiż-Żmien?

Għala Għandek Iġġib Unur lil Dawk Imdaħħlin fiż-Żmien?

Għala Għandek Iġġib Unur lil Dawk Imdaħħlin fiż-​Żmien?

TUL il-​kosta taʼ Kalifornja, fl-​Istati Uniti, tinsab waħda mill-​iktar siġar fotografati fid-​dinja. Din hi magħrufa bħala l-​Lone Cypress. Jingħad li din is-​siġra għandha ’l fuq minn 250 sena. Magħrufa għar-​reżistenza tagħha, din is-​siġra mill-​isbaħ ngħatat attenzjoni b’diversi modi. Pereżempju, din ġiet imsaħħa bi ħbula u b’ġebel mal-​bażi tagħha.

Is-​siġra Lone Cypress tistaʼ tfakkarna fil-​Kristjani mdaħħlin fiż-​żmien li jinsabu fostna, u li juru sabar, jew reżistenza, notevoli. Mod wieħed li jispikka kif jagħmlu dan huwa billi jipproklamaw l-​aħbar tajba. Il-​profeta Ġoel bassar li “x-​xjuħ” kellhom jiddikjaraw il-​messaġġ tal-​Bibbja. (Ġoel 2:28-​32; Atti 2:16-​21) Aħseb ftit dwar il-​bosta sigħat li dawn l-​uħud iqattgħu biex bil-​ħrara jgħinu lil oħrajn jitgħallmu dwar “l-​aħbar tajba tas-​saltna”! (Mt. 24:14) Xi wħud minn dawn il-​proklamaturi tas-​Saltna mdaħħlin fiż-​żmien issaportew snin sħaħ taʼ persekuzzjoni jew diffikultajiet oħrajn. Jekk sempliċi siġra taċ-​ċipress magħrufa għar-​reżistenza tagħha tiġi msaħħa bil-​ġebel u l-​ħbula, kemm iktar l-​uħud imdaħħlin fiż-​żmien fostna jistħoqqilhom li jkunu apprezzati u trattati b’dinjità u b’unur!

Alla Ġeħova ta dan il-​kmand lill-​poplu tiegħu tal-​qedem: “Quddiem ix-​xagħar griż għandek tqum, u uri konsiderazzjoni lejn il-​persuna taʼ raġel xiħ.” (Lev. 19:32) Illum, fost il-​qaddejja taʼ Ġeħova nsibu eżempji eċċellenti taʼ wħud leali li ilhom ‘jimxu m’Alla’ għal għaxriet taʼ snin. (Mik. 6:8) Hekk kif ikomplu japplikaw il-​prinċipji Skritturali, ix-​xagħar griż tagħhom ikun tassew “kuruna taʼ sbuħija.”—Prov. 16:31.

L-​appostlu Pawlu għallem liż-​żagħżugħ Timotju biex ma jikkritikax bl-​aħrax lill-​irġiel xjuħ. Minflok, Timotju kellu jwissi lill-​irġiel xjuħ bħala missirijiet u n-​nisa xjuħ bħala ommijiet. (1 Tim. 5:1, 2) Fil-​fatt, Timotju kellu ‘jqum’ quddiem dawk taʼ xagħar griż. Mela, b’mod ċar Ġeħova jistenna li l-​mod kif nitkellmu jirrifletti dan l-​unur.

Rumani 12:10 jgħid: “Kunu minn taʼ quddiem biex tonoraw lil xulxin.” L-​indokraturi fil-​kongregazzjoni ċertament għandhom jonoraw lill-​Kristjani mdaħħlin fiż-​żmien. Iżda lkoll kemm aħna għandna nkunu minn taʼ quddiem biex nonoraw lil xulxin.

M’għandniex xi ngħidu, il-​membri tal-​familja għandhom responsabbiltà speċjali lejn il-​ġenituri u n-​nanniet tagħhom. Fil-​każ tas-​siġra Lone Cypress, in-​nies fittxew modi kif jippreservawha u qed ikomplu jagħmlu dan. Mela żgur li għandna nfittxu modi kif ngħinu sabiex tiġi preservata d-​dinjità tal-​ġenituri tagħna li qed jikbru fl-​età u tan-​nanniet tagħna. Pereżempju, jekk inkunu semmiegħa tajbin se nżommu lura milli ninsistu li nagħmlu l-​affarijiet kif irridu aħna mingħajr ma nagħtu kas is-​sentimenti tagħhom.—Prov. 23:22; 1 Tim. 5:4.

Dawk imdaħħlin fiż-​żmien fostna huma tassew prezzjużi għal Ġeħova. Hu ma jabbandunahomx. (Salm 71:18) Anzi, l-​Alla l-​veru jsaħħaħhom biex ikomplu jaqduh fedelment. Jalla aħna wkoll inkomplu nappoġġaw u nonoraw lil dawk imdaħħlin fiż-​żmien.

[Stampi f’paġna 7]

Bħalma s-​siġra Lone Cypress teħtieġ l-​appoġġ, hekk ukoll l-​uħud imdaħħlin fiż-​żmien jeħtieġu l-​appoġġ tagħna u għandhom jiġu trattati b’dinjità u b’unur.

[Sors]

American Spirit Images/age fotostock