Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ibqaʼ b’Saħħtek Spiritwalment Waqt li Tieħu Ħsieb Qarib Marid

Ibqaʼ b’Saħħtek Spiritwalment Waqt li Tieħu Ħsieb Qarib Marid

Ibqaʼ b’Saħħtek Spiritwalment Waqt li Tieħu Ħsieb Qarib Marid

WARA li nstab li kellha tumur viċin ix-​xewka taʼ daharha, Kim, li hi Xhud, intqalilha li kellha kanċer. * “Meta t-​tumur tneħħa permezz taʼ operazzjoni,” jgħid żewġha Steve, “Kim marret għar-​radjuterapija u l-​kimoterapija. Bħala effett ħażin tat-​trattament, hi saret dgħajfa mhux ħażin. L-​abbiltà tagħha biex tiċċaqlaq kienet limitata sew.”

Tistaʼ timmaġina d-​diqa li ħass Steve hekk kif ra lis-​sieħba għażiża tiegħu titqabad maʼ din il-​marda li tħallik bla saħħa? Forsi int għandek membru tal-​familja li qed isofri minn marda qerrieda jew mill-​effetti tax-​xjuħija. (Ekk. 12:1-​7) Jekk inhu hekk, int taf li sabiex tieħu ħsieb lil xi ħadd għażiż b’mod effettiv, trid tieħu ħsieb tiegħek innifsek. Jekk issir dgħajjef spiritwalment, is-​saħħa emozzjonali u fiżika tiegħek ukoll jistgħu jibdew isofru, u għandek mnejn ma tkunx kapaċi tipprovdi l-​appoġġ li jkollu bżonn il-​membru tal-​familja tiegħek. Kif tistaʼ żżomm il-​bilanċ spiritwali tiegħek waqt li tieħu ħsieb qarib li hu marid jew imdaħħal fiż-​żmien? Hemm xi ħaġa li membri oħrajn tal-​kongregazzjoni Kristjana jistgħu jagħmlu biex juru konsiderazzjoni għal dawn l-​uħud morda?

Żomm il-​Bilanċ—Kif?

Biex iżżomm il-​bilanċ spiritwali u s-​saħħa fiżika tiegħek waqt li tieħu ħsieb qarib marid, għandek bżonn tadatta ruħek u tqassam il-​ħin u l-​enerġija tiegħek. “L-​għerf hu mal-​modesti,” jgħid Proverbji 11:2. F’dan il-​kuntest, il-​kelma “modest” tfisser li wieħed ikun konxju tal-​limitazzjonijiet tiegħu. Biex tkun ċert li ma tagħmilx iktar milli tiflaħ, għandu mnejn ikollok bżonn teżamina l-​iskeda tiegħek u r-​responsabbiltajiet tiegħek.

Steve wera l-​għerf u l-​modestja billi reġaʼ eżamina l-​ammont tax-​xogħol tiegħu. Minbarra x-​xogħol sekulari tiegħu, hu kien jaqdi bħala l-​koordinatur tal-​ġemgħa tal-​anzjani u bħala l-​indokratur tas-​servizz fil-​kongregazzjoni lokali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fl-​Irlanda. Kien ukoll membru tal-​Kumitat taʼ Koordinazzjoni mal-​Isptarijiet għall-​inħawi tiegħu. “Kim qatt ma lmentat li jien kont qed nittraskuraha għax kont qed nagħti ħafna attenzjoni lil dawn ir-​responsabbiltajiet,” jgħid Steve. “Imma kont naf li kont qed nagħti minni nnifsi iktar milli kont niflaħ nagħmel.” Steve kif ittratta s-​sitwazzjoni? “Wara konsiderazzjoni bit-​talb,” jgħid hu, “iddeċidejt li ma nibqax naqdi bħala l-​koordinatur. Bqajt naqdi bħala anzjan, imma billi tajt xi ftit mir-​responsabbiltajiet tiegħi fil-​kongregazzjoni lil oħrajn, stajt nagħti lil Kim il-​ħin u l-​attenzjoni li kellha bżonn.”

Maż-​żmien, is-​saħħa taʼ Kim saret stabbli. Steve u Kim reġgħu qiesu s-​sitwazzjoni tagħhom, u bl-​appoġġ taʼ martu, Steve setaʼ jerġaʼ jieħu r-​responsabbiltajiet li kellu qabel fil-​kongregazzjoni. “It-​tnejn li aħna tgħallimna naħdmu fil-​limiti li ħalqet il-​marda,” jispjega Steve. “Jien grat ħafna lejn Ġeħova għall-​għajnuna tiegħu u lejn marti għall-​appoġġ tagħha mingħajr tgergir minkejja s-​saħħa batuta tagħha.”

Ikkunsidra wkoll l-​esperjenza taʼ Jerry, indokratur li jivvjaġġa, u taʼ martu Maria. Huma kellhom jaġġustaw il-​miri tagħhom biex jieħdu ħsieb il-​ġenituri tagħhom li kienu mdaħħlin fiż-​żmien. “Kemm jien u kemm żewġi kellna l-​mira li naqdu bħala missjunarji f’art barranija,” tgħid Maria. “Però, Jerry hu tifel waħdu, u l-​ġenituri tiegħu kellhom bżonn min jieħu ħsiebhom. Għalhekk, iddeċidejna li nibqgħu fl-​Irlanda biex nieħdu ħsiebhom. Billi għamilna hekk, stajna nkunu maʼ missier Jerry matul iż-​żmien kollu li hu kien l-​isptar sakemm miet. Issa nżommu kuntatt maʼ omm Jerry kuljum, u jekk ikollha bżonn xi għajnuna m’aħniex ’il bogħod. Il-​kongregazzjoni li omm Jerry tattendi fiha hija taʼ għajnuna u taʼ appoġġ kbir, u b’hekk jippermettulna nibqgħu fix-​xogħol tal-​ivvjaġġar.”

Kif Oħrajn Jistgħu Jgħinu

Meta ddiskuta liema provvedimenti materjali għandhom isiru għar-​romol imdaħħlin fiż-​żmien fil-​kongregazzjoni, l-​appostlu Pawlu kiteb: “Jekk xi ħadd ma jipprovdix għal tiegħu, u speċjalment għall-​membri taʼ daru, ikun ċaħad il-​fidi u jkun agħar minn bniedem mingħajr fidi.” Pawlu fakkar lill-​Kristjani sħabu li jekk riedu li l-​mod kif jaġixxu jkun “aċċettabbli quddiem Alla,” kellhom jieħdu ħsieb finanzjarjament il-​ġenituri u n-​nanniet tagħhom imdaħħlin fiż-​żmien. (1 Tim. 5:4, 8) Madankollu, oħrajn fil-​kongregazzjoni jistgħu u għandhom ikunu taʼ għajnuna.

Innota l-​każ taʼ Hakan u Inger, koppja mdaħħlin fiż-​żmien li jgħixu fl-​Isvezja. “Meta lil marti qalulha li għandha kanċer,” jgħid Hakan, “kien xokk għalina t-​tnejn. Inger dejjem kienet tbigħ is-​saħħa. Issa kellna mmorru l-​isptar kuljum għall-​kura, u l-​effetti ħżiena tal-​mediċina kienu jħalluha bla saħħa. Inger baqgħet id-​dar matul dan iż-​żmien, u jien kelli bżonn noqgħod magħha biex nieħu ħsiebha.” Il-​kongregazzjoni lokali kif għenet lil Hakan u Inger?

L-​anzjani fil-​kongregazzjoni għamlu arranġamenti biex il-​koppja tismaʼ l-​laqgħat Kristjani permezz tat-​telefon. Minbarra dan, l-​aħwa żammew kuntatt permezz taʼ żjajjar persunali u telefonati. Bagħtu wkoll ittri u kartolini. “Ħassejna l-​appoġġ tal-​aħwa kollha kif ukoll l-​għajnuna taʼ Ġeħova,” jgħid Hakan. “Din l-​attenzjoni kienet essenzjali biex aħna nibqgħu b’saħħitna spiritwalment. Fortunatament, Inger fieqet, u għal darb’oħra nistgħu nattendu l-​laqgħat Kristjani fis-​Sala tas-​Saltna.” Meta l-​membri tal-​kongregazzjoni jagħmlu dak li jistgħu biex jgħinu lil dawk fosthom li huma morda u mdaħħlin fiż-​żmien, juru li huma ‘ħbieb veri li jħobbu l-​ħin kollu, u aħwa li huma mweldin għal meta jkun hemm in-​niket.’—Prov. 17:17.

Ġeħova Japprezza l-​Isforzi Tiegħek

Li tieħu ħsieb qarib marid żgur li jeħtieġ sforz. Madankollu, is-​Sultan David kiteb: “Hieni min jaġixxi b’konsiderazzjoni mal-​batut,” bħalma hi persuna li għandha bżonn l-​għajnuna minħabba xi marda.—Salm 41:1.

Dawk li jieħdu ħsieb xi ħadd marid jew li qed ibati, għala jistgħu jkunu henjin? “Min iħenn għall-​batut ikun qed jislef lil Ġeħova,” jgħid Proverbji 19:17, “u Hu se jħallsu lura għal kif ittrattah.” L-​Alla l-​veru juri interess partikulari fil-​qaddejja leali tiegħu li qed isofru b’xi marda, u hu jbierek lil dak li jurihom ħniena. Is-​salmista David kanta: “Ġeħova se jwieżnu [individwu bħal dan] fuq is-​sodda tal-​mard; int tibdillu friexu kollu matul il-​marda tiegħu.” (Salm 41:3) Nistgħu nkunu ċerti li jekk il-​wieħed li jipprovdi għajnuna bl-​imħabba jesperjenza tbatija jew gwaj hu stess, Ġeħova se jgħinu.

Kemm hu tajjeb li nkunu nafu li Alla Ġeħova jinnota u japprova dak li nagħmlu meta nieħdu ħsieb qarib marid! Għalkemm li nagħtu assistenza bħal din għandu mnejn jirrikjedi sforz min-​naħa tagħna, l-​Iskrittura tassigurana li “sagrifiċċji bħal dawn jogħġbu ħafna lil Alla.”—Ebr. 13:16.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 2 L-​ismijiet ġew mibdulin.

[Stampi f’paġna 18]

Żomm il-​bilanċ spiritwali u aċċetta l-​għajnuna mingħand oħrajn