Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Kristjanità tal-Bidu u l-Allat taʼ Ruma

Il-Kristjanità tal-Bidu u l-Allat taʼ Ruma

Il-​Kristjanità tal-​Bidu u l-​Allat taʼ Ruma

F’ITTRA li kiteb lill-​imperatur Ruman Trajanu, Plinju ż-​Żgħir, il-​gvernatur tal-​Bitinja, stqarr: “Hekk kont naġixxi maʼ dawk li kienu jitressqu quddiemi bl-​akkuża li huma Kristjani. Kont nistaqsihom jekk kinux Kristjani, u jekk jammettu, kont nistaqsihom għat-​tieni u t-​tielet darba u nheddidhom li se nikkastigahom. Jekk kienu jibqgħu jgħidu li huma Kristjani, kont nordna li jingħataw il-​mewt.” Dwar dawk li kienu jiċħdu li huma Kristjani billi jisħtu lil Kristu u jqimu xi statwa tal-​imperatur u x-​xbihat tal-​allat li Plinju kien daħħal fil-​qorti, hu kiteb: “Deherli li jkun xieraq li neħlishom.”

Il-​Kristjani tal-​bidu kienu jiġu persegwitati minħabba li kienu jirrifjutaw li jqimu lill-​imperatur u lix-​xbihat taʼ diversi allat. Xi ngħidu dwar reliġjonijiet oħrajn li kien hemm fl-​Imperu Ruman? Liema allat kienu jiġu meqjumin, u r-​Rumani kif kienu jqisuhom? Il-​Kristjani għala kienu jiġu persegwitati talli rrifjutaw li joffru sagrifiċċji lill-​allat taʼ Ruma? It-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet se jgħinuna nkunu nafu kif għandna naġixxu jekk illum niffaċċjaw sitwazzjonijiet simili li jinvolvu l-​lealtà tagħna lejn Ġeħova.

Ir-​Reliġjonijiet tal-​Imperu

Bħalma kienet kbira l-​varjetà taʼ lingwi u kulturi tan-​nies fl-​Imperu Ruman tal-​qedem, daqshekk ieħor kienet kbira l-​varjetà t’allat li kienu jqimu. Għalkemm il-​Ġudaiżmu setaʼ deher stramb f’għajnejn ir-​Rumani, huma kienu jqisuh bħala religio licita, jew reliġjon rikonoxxuta, u pproteġewh. Darbtejn kuljum fit-​tempju taʼ Ġerusalemm kienu jiġu sagrifikati żewġt iħrief u barri għan-​nom taʼ Ċesari u tal-​ġens Ruman. Għar-​Rumani, ma kienx importanti jekk dawn is-​sagrifiċċji kinux qed iħabbuhom m’alla wieħed jew maʼ ħafna allat. Dak li kien jimpurtahom hu li din l-​azzjoni kienet qed tagħti prova biżżejjed tal-​lealtà tal-​Lhud lejn Ruma.

Il-​paganiżmu, fid-​diversi forom tiegħu, kien mifrux sew fil-​kulti tal-​pajjiż. Il-​mitoloġija Griega kienet ġiet aċċettata minn ħafna, u t-​teħbir kien komuni. L-​hekk imsejħin reliġjonijiet tal-​Lvant ibbażati fuq il-​misteri, lin-​nies devoti kienu jwegħduhom immortalità, rivelazzjonijiet diretti, u kuntatt mal-​allat permezz taʼ riti mistiċi. Dawn ir-​reliġjonijiet infirxu mal-​imperu kollu. Fl-​ewwel sekli E.K. kienu popolari l-​kulti tal-​alla Eġizzjan Serapis u tal-​alla mara Isis, tal-​alla mara ħuta Sirjana Atargatis, u tal-​alla-​xemx Persjan Mitras.

Il-​ktieb Bibliku tal-​Atti jagħti stampa ċara tal-​atmosfera pagana li kienet imdawra biha l-​Kristjanità tal-​bidu. Pereżempju, il-​prokonslu Ruman taʼ Ċipru kien ikun akkumpanjat minn saħħar Lhudi. (Atti 13:6, 7) F’Listra, in-​nies tal-​post ħasbu li Pawlu u Barnaba kienu l-​allat Griegi Hermes u Żews. (Atti 14:11-​13) Meta Pawlu kien f’Filippi ltaqaʼ maʼ tfajla qaddejja li kienet tipprattika t-​teħbir. (Atti 16:16-​18) F’Ateni, l-​appostlu qal li l-​abitanti taʼ din il-​belt kienu ‘jidhru iktar devoti lejn l-​allat minn nies oħrajn.’ F’din il-​belt kien ra wkoll artal li kellu mnaqqax fuqu “Lil Alla Mhux Magħruf.” (Atti 17:22, 23) In-​nies taʼ Efesu kienu jqimu lill-​alla mara Artemis. (Atti 19:1, 23, 24, 34) Fuq il-​gżira taʼ Malta, in-​nies qalu li Pawlu kien alla għax ma ġralu xejn meta gidmu serp. (Atti 28:3-​6) F’ċirkustanzi bħal dawn, il-​Kristjani kellhom bżonn jgħassu għall-​influwenzi li setgħu jħassru l-​qima pura tagħhom.

Ir-​Reliġjon Rumana

Hekk kif l-​imperu tagħhom kompla jikber, ir-​Rumani aċċettaw allat ġodda li saru jafu bihom u emmnu li dawn l-​allat kienu l-​istess allat li kienu diġà midħla tagħhom, imma f’għamliet differenti. Minflok ma eliminaw il-​kulti barranin, il-​konkwistaturi Rumani aċċettawhom u adottawhom. Ir-​reliġjon taʼ Ruma b’hekk saret varjata daqs il-​popolazzjoni tagħha li kienet magħmula minn ħafna kulturi differenti. Ir-​reliġjon Rumana ma kinitx titlob qima esklużiva, imma n-​nies setgħu jaduraw ħafna allat differenti fl-​istess ħin.

L-​aqwa fost l-​allat taʼ Ruma kien Ġove, li ġie msejjaħ Optimus Maximus, jiġifieri, l-​aqwa u l-​akbar. Kienu jaħsbu li dan kien jidher fir-​riħ, fix-​xita, fis-​sajjetti, u fil-​beraq. Oħt Ġove, Ġunone, li kienet ukoll martu, kienet tiġi assoċjata mal-​qamar. Intqal li din kienet tindokra l-​aspetti kollha tal-​ħajja tan-​nisa. Bintu Minerva kienet l-​alla mara tax-​xogħol tal-​idejn, tal-​professjonijiet, tal-​arti, u tal-​gwerra.

L-​allat li kienu jemmnu fihom ir-​Rumani kienu bla għadd. Lares u Penati kienu l-​allat tal-​familja. Vesta kienet l-​alla mara tal-​fuklar. Ġanu, li kellu żewġt uċuħ, kien l-​alla taʼ kull bidu. Kull sengħa kellha l-​alla patrun tagħha. Ir-​Rumani saħansitra ħalqu allat għal affarijiet astratti. Pax kien iħares il-​paċi, Salus is-​saħħa, Pudicitia l-​modestja u s-​safa, Fides il-​fedeltà, Virtus il-​kuraġġ, u Voluptas il-​pjaċir. Kien jingħad li kull azzjoni fil-​ħajja pubblika u privata tar-​Rumani kienet isseħħ skont ir-​rieda tal-​allat. Għalhekk, sabiex ikun hemm iċ-​ċertezza taʼ riżultat tajjeb f’dak li jkunu se jagħmlu, in-​nies kienu joffru talb ritwali, sagrifiċċji, u festi sabiex l-​alla patrun taʼ dik il-​ħaġa partikulari kien jiġi sodisfat.

Mod wieħed kif kienu jkunu ċerti x’inhi r-​rieda tal-​allat kien billi jfittxu sinjali li bihom jaqraw il-​futur. Wieħed mill-​iktar modi komuni biex isibu dawn is-​sinjali kien billi jeżaminaw l-​organi interni tal-​annimali sagrifikati. Kienu jaħsbu li l-​kundizzjoni u d-​dehra taʼ dawn l-​organi kienu jindikaw jekk l-​azzjoni li kienet tkun se tittieħed kinitx togħġob lill-​allat jew le.

Sal-​aħħar tat-​tieni seklu Q.E.K., ir-​Rumani kienu bdew jemmnu li l-​allat ewlenin tagħhom kienu l-​istess bħal ċerti allat Griegi—Ġove bħal Żews, Ġunone bħal Ħera, u nibqgħu sejrin. Ir-​Rumani kienu adottaw ukoll il-​mitoloġija li kienet marbuta mal-​allat Griegi. Dawn il-​leġġendi xejn ma kienu jġibu unur lill-​allat, li kellhom l-​istess nuqqasijiet u limitazzjonijiet li għandhom il-​bnedmin. Pereżempju, Żews kien deskritt bħala wieħed li jistupra lin-​nisa u pedofilu li kellu relazzjonijiet sesswali ma’ bnedmin mortali u dawk li jingħad li kienu immortali. L-​avventuri taʼ għajb tal-​allat—li n-​nies spiss kienu jċapċpu ħafna għalihom fit-​teatri tal-​qedem—ġiegħlu lin-​nies li kienu devoti tal-​allat jaħsbu li setgħu jieħdu sehem fi prattiki degradanti.

X’aktarx, kienu ftit in-​nies taʼ skola li aċċettaw il-​leġġendi f’sens letterali. Xi wħud interpretawhom bħala allegoriji. Din tistaʼ tkun ir-​raġuni għala Ponzju Pilatu staqsa l-​mistoqsija famuża, “X’inhi l-​verità?” (Ġw. 18:38) Din kienet tesprimi “l-​mentalità komuni fost in-​nies taʼ skola, jiġifieri, li huwa impossibbli tkun ċert mija fil-​mija mill-​verità kollha dwar xi ħaġa.”

Il-​Qima Lejn l-​Imperatur

Il-​qima lejn l-​imperatur bdiet matul ir-​renju taʼ Awgustu (mis-​sena 27 Q.E.K. sas-​sena 14 E.K.). Partikolarment fil-​provinċji tal-​Lvant, fejn kien mitkellem il-​Grieg, ħafna ħassewhom verament grati lejn Awgustu, li kien ġab prosperità u paċi wara perijodu twil taʼ gwerra. In-​nies riedu protezzjoni kontinwa mingħand xi ħadd fl-​awtorità li setgħu jarawh. Huma xtaqu istituzzjoni li setgħet tegħleb id-​distinzjonijiet reliġjużi, tippromwovi l-​patrijottiżmu, u tgħaqqad lid-​dinja permezz tas-​“salvatur” tagħha. B’hekk, l-​imperatur beda jiġi meqjus bħala alla.

Għalkemm Awgustu ma ħalla lil ħadd isejjaħlu alla meta kien għadu ħaj, hu insista li tiġi meqjuma l-​personifikazzjoni taʼ Ruma bħala alla mara—Roma Dea. Awgustu ġie dikjarat alla wara mewtu. Is-​sentiment reliġjuż u l-​patrijottiżmu tan-​nies tal-​post fil-​provinċji b’hekk kienu mmirati kemm lejn iċ-​ċentru tal-​imperu u kemm lejn il-​ħakkiema tiegħu. Il-​kult imperjali ġdid, li ma damx ma nfirex mal-​provinċji kollha, sar il-​mod li bih in-​nies bdew jesprimu r-​rispett u l-​lealtà tagħhom lejn l-​Istat.

Domizjanu, li saltan bħala imperatur mis-​sena 81 sas-​sena 96 E.K., kien l-​ewwel mexxej Ruman li ordna li jiġi meqjum bħala alla. Sa żmienu, ir-​Rumani kienu għamlu distinzjoni bejn il-​Kristjani u l-​Lhud, u opponew dak li kien meqjus bħala kult ġdid. X’aktarx li kien matul ir-​renju taʼ Domizjanu li l-​appostlu Ġwanni ġie eżiljat fuq il-​gżira taʼ Patmos minħabba li ‘xehed dwar Ġesù.’—Riv. 1:9.

Il-​ktieb taʼ Rivelazzjoni nkiteb waqt li Ġwanni kien fl-​eżilju. Fih, hu jsemmi lil Antipa, Kristjan li nqatel f’Pergamu, li kienet ċentru importanti għall-​qima lejn l-​imperatur. (Riv. 2:12, 13) Sa dak iż-​żmien, il-​gvern imperjali għandu mnejn kien beda jesiġi li l-​Kristjani jwettqu r-​riti tar-​reliġjon tal-​Istat. Jekk dan kienx minnu jew le, sas-​sena 112 E.K., bħalma turi l-​ittra lil Trajanu, li ssemma fil-​bidu taʼ dan l-​artiklu, Plinju kien qed jesiġi li l-​Kristjani fil-​Bitinja jwettqu riti bħal dawn.

Trajanu faħħar il-​mod li bih Plinju solva l-​każi li kellu quddiemu u ordna li l-​Kristjani li rrifjutaw li jqimu lill-​allat Rumani jingħataw il-​mewt. Trajanu kiteb, “Madankollu, meta l-​individwu jiċħad li hu Kristjan u jagħmilha ovvja li mhuwiex Kristjan billi jitlob lill-​allat tagħna, (minkejja xi suspetti li jkun hemm qabel) ħalli jingħata l-​maħfra jekk dan jindem.”

Minħabba l-​mentalità tagħhom, ir-​Rumani ma setgħux iniżżluha li reliġjon għandha tesiġi devozzjoni esklużiva mis-​segwaċi tagħha. L-​allat Rumani ma kinux jesiġu devozzjoni esklużiva, allura għala kellu jesiġiha l-​Alla tal-​Kristjani? In-​nies kienu jħossu li l-​qima lejn l-​allat tal-​Istat kienet sempliċement turi li kienu jirrikonoxxu s-​sistema politika. Għalhekk, li wieħed jirrifjuta li jqimhom kien meqjus bħala tradiment. Plinju ntebaħ li ma kien hemm l-​ebda mod li bih setaʼ jġiegħel lill-​Kristjani jaqblu ma’ dan. Għalihom, att bħal dan kien ifisser nuqqas taʼ lealtà lejn Ġeħova, u għadd kbir taʼ Kristjani tal-​bidu ppreferew imutu milli jaqgħu fl-​idolatrija billi jqimu lill-​imperatur.

Dan għala għandu jinteressana llum? F’xi pajjiżi, hu mistenni li ċ-​ċittadini jqimu simboli nazzjonali. Bħala Kristjani, aħna ċertament nirrispettaw l-​awtorità tal-​gvernijiet sekulari. (Rum. 13:1) Madankollu, rigward ċerimonji li jinvolvu l-​bandieri nazzjonali, Alla Ġeħova jinsisti li jingħata devozzjoni esklużiva. Dan, flimkien mal-​pariri tal-​Kelma tiegħu jqanqluna ‘naħarbu mill-​idolatrija’ u ‘nħarsu ruħna mill-​idoli.’ (1 Kor. 10:14; 1 Ġw. 5:21; Naħ. 1:2) Ġesù qal: “Qim lil Ġeħova Alla tiegħek, u lilu biss agħti servizz sagru.” (Lq. 4:8) Mela, jalla nkomplu nżommu l-​integrità tagħna lejn l-​Alla li naduraw.

[Kumment f’paġna 5]

Il-​Kristjani veri jagħtu d-​devozzjoni esklużiva tagħhom lil Ġeħova

[Stampi f’paġna 3]

Il-​Kristjani tal-​bidu rrifjutaw li jqimu lill-​imperatur jew lix-​xbihat tal-​allat

L-​Imperatur Domizjanu

Żews

[Sorsi]

L-​Imperatur Domizjanu: Todd Bolen/Bible Places.com; Żews: Photograph by Todd Bolen/Bible Places.com, taken at Archaeological Museum of Istanbul

[Stampa f’paġna 4]

Il-​Kristjani f’Efesu rrifjutaw li jqimu lill-​alla mara popolari Artemis.—Atti 19:23-​41